Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IŻ-ŻJARA LILL-FTIAS LTD, PARTI MILL-FTI GROUP OF COMPANIES, F’ĦAL QORMI – IL-ĦAMIS, 19 TA’ JANNAR 2012.

PR0114
Date Icon 19/01/2012

Sur Paris,
Management,
Ħaddiema tal-FTIAS,


F’Mejju tal-2007 kelli l-privileġġ u s-sodisfazzjon li ninawgura dawn l-uffiċini.  Dakinhar kien hawn 79 ħaddiema.

Illum il-kumpanija tħaddem 130 ħaddiema.  Dan in-numru se jkompli jikber fil-ġimgħat li ġejjin.  Kif qal is-Sur Paris, propju minn għada dan l-ispazju se jkun okkupat minn aktar ħaddiema li b’sodisfazzjon qaluli li se jiżdiedu għal 155 ħaddiema sa nofs Marzu.  F’ħames snin il-ħaddiema irduppjaw.

Dan it-tkabbir u l-espansjoni ma ġiex b’kumbinazzjoni.  Huwa riżultat tal-fiduċja li kumpanija Ġermaniża, li hi r-raba’ l-akbar fil-Ġermanja u d-disa’ l-akbar fl-Ewropa fis-settur tagħha, għandha f’pajjiżna u fl-istrateġija ekonomika tagħna.

Hija din l-istrateġija li mhux biss attirat kumpaniji barranin lejn Malta imma wisq aktar ħajrithom biex ikomplu jkabbru l-operat tagħhom.  Hija din l-istrateġija ekonomika li waslet biex pajjiżna jikseb riżultati pożittivi waqt il-kriżi internazzjonali.  B’għaqal u b’serjetà nirbħu l-maltemp.  Pajjiżna fl-2011 kiber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro.  Ix-xogħol kompla jiżdied – fl-2011 kien hemm aktar minn 13,500 vacancies reġistrati mal-ETC, l-ogħla numru f’dawn l-aħħar 4 snin.  Inħolqu aktar postijiet tax-xogħol u l-qgħad kompla jonqos, tant li pajjiżna għandu l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.

Dawn ir-riżultati huma ta’ pajjiżna daqs kemm huma tagħkom għax ksibnihom grazzi għal ħidmitkom.  Huma xhieda tat-tkabbir ta’ numru ta’ kumpaniji bħal l-FTI li flimkien qed joħolqu x-xogħol f’numru ta’ setturi ekonomiċi fosthom fit-turiżmu u fis-servizzi speċjalment dawk finanzjarji.

Iż-żjara f’dawn l-uffiċini ttina l-opportunità nirriflettu fuq ir-rabtiet li jeżistu bejn setturi differenti.  L-FTI Group huwa sinonimu mat-turiżmu lejn pajjiżna b’investimenti f’lukandi u fi skola tal-Ingliż.  F’isem il-Gvern nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-FTI Group tal-kontribut tiegħu lejn it-turiżmu f’pajjiżna speċjalment mis-suq Ġermaniż.  Ix-xogħol tagħkom ukoll għen biex pajjiżna jkollu fl-2011 sena rekord fit-turiżmu fejn anke t-turisti mill-Ġermanja żdiedu.  Minn din is-sena, l-FTI daħal fis-settur tal-cruise liners.  Dan se jkompli jgħin biex anke hawn pajjiżna jkompli jiġbed aktar turisti.

Is-settur tat-turiżmu huwa wiesa’ u joħloq il-bżonn ta’ numru ta’ servizzi oħra fosthom ta’ proċessar u servizzi finanzjarji.  Malta rnexxielha tiġbed lejha dan ix-xogħol ta’ back-office għall-grupp dinji tal-FTI.  Dan ix-xogħol u l-investiment huwa frott tal-professjonalità tal-ħaddiema tagħkom.  F’isem il-Gvern nixtieq nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom ġewwa l-kumpanija FTIAS.  Il-ħiliet, il-kapaċitajiet kif ukoll il-bżulija tagħkom kienu essenzjali biex jiġi attirat dan l-investiment lejn pajjiżna.  Intom u ħaddiema oħra, bix-xogħol u d-dedikazzjoni tagħkom tagħmlu ġieħ lil pajjiżna u qed tkomplu tagħmlu minn Malta pajjiż attraenti għall-investiment.  Grazzi.

Hawn ukoll nixtieq nirringrazzja lill-kumpanija li qiegħda tinvesti fl-impjegati tagħha, mhux biss fit-taħriġ imma anke permezz ta’ miżuri favur il-familja.  Il-kumpanija bbenefikat minn numru ta’ skemi ta’ taħriġ mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ li jkompli jikkonferma l-kontribut importanti ta’ dawn l-iskemi għall-ekonomija Maltija.  Intom sieħba mal-Gvern li qiegħed jinvesti fl-edukazzjoni tar-riżorsa umana Maltija b’investimenti f’kull livell minn dak taċ-child care sa dak fl-MCAST u fl-Università.  Hekk biss pajjiżna jista’ jkompli jikseb dawn ir-riżultati u l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fin-nies, fl-istudenti u fil-ħaddiema.

Sinjuri,

Il-preżenza tagħna hawn dalgħodu tixhed is-suċċess ta’din il-kumpanija u tal-ekonomija Maltija.

L-investiment u t-tkabbir tagħkom tul dawn l-aħħar snin huwa sinjal ta’ fiduċja f’pajjiżna u fil-potenzjal ekonomiku.  Il-ħolqien tax-xogħol huwa l-kejl tas-suċċess tagħkom u tal-ekonomija tagħna.

Huwa unur għal pajjiżna li għandna kumpanija bħal FTI li hi protagonista fit-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern immexxi minni.

Filwaqt li nirringrazzjakom ta’ din il-fiduċja nawguralkom aktar suċċessi għalikom u għal pajjiżna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow