THE BEAUTY OF LIFE: PAKKETT GĦALL-GĦALLIEMA FL-ISKEJJEL PRIMARJI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex qed jiffinanzja l-pubblikazzjoni tal-pakkett The Beauty of Life, proġett ta’ Dar Ġużeppa Debono li jinkludi numru ta’ pjanijiet ta’ lezzjonijiet intenzjonati għall-istudenti Għawdxin kollha li jinsabu bejn l-ewwel u s-sitt sena tal-primarja.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, nediet dan il-pakkett waqt attività mtella’ apposta f’Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem u li għaliha attendew numru ta’ għalliema tal-PSD u rappreżentanti oħra tal-iskejjel f’Għawdex. L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ Dar Ġużeppa Debono li għarfet tutilizza l-fondi tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, bil-għan li f’kull aspett tagħha, il-ħajja tiġi apprezzata anke mit-tfal tal-iskola. Hija ħeġġet lill-għalliema f’Għawdex biex jagħmlu użu tajjeb ta’ din l-għodda ġdida ta’ tagħlim imħejjija għalihom sabiex jitkattar l-għarfien dwar is-sbuħija tal-ħajja f’dak kollu li nsibu madwarna. Żiedet tgħid li huwa għalhekk li dawn il-pakketti ser jiġu mqassma f’kull klassi tal-iskola primarja f’Għawdex, kemm fl-iskejjel tal-gvern kif ukoll f’oħrajn immexxija minn istituzzjonijiet tal-knisja.
Il-pakkett jinkludi lezzjonijiet li huma mibnija fuq iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ organiżmi differenti u l-importanza ta’ kull speċi. Dawn il-lezzjonijiet huma maħsuba biex jgħallmu lit-tfal kif ikunu iktar ħbieb mal-ambjent ta’ madwarhom u japprezzaw il-bidu u l-iżvilupp, il-ġmiel u d-diversità ta’ kull speċi. Il-lezzjonijiet li huma ta’ 45 minuta l-waħda jitrattaw ix-xjenza u l-Arti u l-Artiġjanat.
L-ewwel ktejjeb li huwa mmirat għal studenti tal-ewwel klassi primarja jitratta s-sbuħija tal-ħajja tal-pjanti, it-tieni wieħed għal studenti tat-tieni klassi primarja jitratta s-sbuħija tal-ħajja tal-insetti, it-tielet wieħed għal studenti tat-tielet klassi primarja huwa dwar il-ħut, ir-raba’ wieħed għal studenti tar-raba’ klassi primarja jitratta l-amfibji u r-rettili, il-ħames ktejjeb għal studenti tal-ħames klassi jitratta l-għasafar, filwaqt li s-sitt ktejjeb huwa mmirat għal studenti tas-sitt klassi u jitratta l-mammiferi.
Aktar kmieni f’din il-leġiżlatura, il-Ministeru għal Għawdex ħejja pakkett tar-Riżorsi għall-Għalliema li kien jipprovdi materjal neċessarju waqt it-tagħlim tal-lezzjonijiet marbuta mal-Kurrikulu Nazzjonali fuq temi dwar Għawdex u dwar l-iżvilupp sostenibbli. Minbarra f’suġġetti bħall-Istudji Soċjali, l-Arti u x-Xjenza, dan il-pakkett qed jintuża wkoll waqt it-tagħlim tal-lingwi fosthom il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż. Il-kontenut jinkludi wkoll suġġetti marbuta mal-identità tal-gżira ta’ Għawdex bħal fost l-oħrajn, il-produzzjoni tal-għasel, il-ħitan tas-sejjieħ, l-agrikoltura u l-festi.
Dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu l-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex biex is-soċjetà f’Għawdex tagħraf taddotta prattiċi li huma konformi ma’ żvilupp sostenibbli f’kull aspett soċjo-ekonomiku.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en