ERBA’ ENTITAJIET JINGĦATAW IL-LOGO ‘TRUST YOU’ U JIBDEW JIBBENEFIKAW MIT-TRUST MARK SCHEME
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, l-Onorevoli Jason Azzopardi, dalgħodu għamel żjara fil-bini tal-kumpanija Intercomp fil-Marsa. Fi tmiem iż-żjara, huwa ppreżenta ċ-ċertifikat tat-Trust Mark lil erba’ kumpaniji, li ddikjaraw li sejrin jonoraw ‘Kodiċi ta’ Kondotta’ maħruġ mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. L-erba’ ‘service providers’ huma – Intercomp; Arjakon; Homemate & www.offertispecjali.com
Il-Ministru Azzopardi faħħar din l-iskema li primarjament ġiet imnedija sabiex toħloq iżjed armonija u fiduċja bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ. Huwa rrimarka illi permezz tat-Trust Mark il-konsumatur ser ikollu l-interessi tiegħu salvagwardjati u issa ser ikollu ‘service providers’ illi jiggarantixxu li ser isegwu ma’ kodiċi ta’ etika li jissalvagwardjaw l-interessi tal-konsumatur. Dawk in-negozji li jagħżlu li jidħlu jiffurmaw parti minn din l-iskema ser ikunu qed jaqblu li jikkonformaw rwieħhom ma’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta f’kull ħin, filwaqt li jħarsu d-drittijiet tal-konsumatur, f’qafas legali sempliċi. Ic-Chairman tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Inġinier Francis Farrugia qal li l-iskop ta’ din l-iskema hu li jiġi garantit is-serħan tal-moħħ tal-konsumatur kif ukoll li jiġu ppremjati dawk in-negozjanti żgħar, li l-interess primarju tagħhom huwa li jaqdu bl-aħjar mod lill-klijenti tagħhom. Għalhekk huwa importanti li l-konsumaturi jibdew ifittxu dawk l-imprendituri li qegħdin fl-iskema.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Azzopardi saħaq illi l-logo tat-‘Trust You’ għandu jservi ta’ ċertifikat sabiex jinħoloq sens iżjed ta’ kummerċ ġust u ekwu għal min jixtri u min ibiegħ. Dan għaliex l-iskema għandha sservi sabiex tinħoloq relazzjoni iżjed amikevoli bejn iż-żewġ partijiet. In-negozji li jidħlu fl-iskema għandhom jibdew jittrattaw l-ilmenti fi żmien raġonevoli, jaċċertaw rwieħhom li jevitaw li ċertu każijiet jispiċċaw quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur, filwaqt li jipprovdu wkoll servizz adekwat ta’ after-sales service. Il-Ministru nnota ukoll illi n-negozji li ser ikunu qed jipparteċipaw fl-iskema ser ikunu qed jassiguraw illi l-post tagħhom ikun aċċessibbli u sikur, filwaqt li anke jagħmlu riklamar li jkun ġust u li ma jiżgwidax lill-konsumaturi. Il-Ministru ħa wkoll spunt sabiex irringrazzja lis-Sur Paul Abela, President tal-GRTU, tal-appoġġ kontinwu u sinċier li l-għaqda tiegħu qed toffri fis-settur kummerċjali. Huwa qal illi l-kontribuzzjoni tal-GRTU hija indispensabbli sabiex anke tixxekkel kultura ta’ mġieba etika fl-intrapriżi tagħna.
Il-Ministru Azzopardi qal li dan kollu għandu jkompli joħloq fiduċja fis-settur ekonomiku u li l-Gvern qed ikompli jagħmel il-parti tiegħu biex joħloq l-armonija fis-settur kummerċjali. Huwa konkluda billi qal li l-attività kummerċjali dejjem kompliet tikber matul l-aħħar snin għaliex fil-pajjiż kellna klima ta’ fiduċja u huwa fl-interess ta’ kulħadd li naraw li dik il-klima mhux biss tibqa’ imma tissaħħaħ. L-iskema tat-Trust Mark Scheme żgur li ser tkun qed tikkontribwixxi għal dan il-għan.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en