IL-MUŻEW FIS-SIT TA’ COUVRE PORTE FIL-BIRGU SER IKUN INAWGURAT FIL-15 T’APRIL
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, l-Onorevoli Jason Azzopardi, dalgħodu żar ix-xogħlijiet li qed tagħmel l-Fondazzjoni Wirt Artna, fil-‘Malta at War Museum’, fis-sit ta’ Couvre Porte fil-Birgu. Fil-preżent hemmhekk jinsab għaddej xogħol sabiex il-post jiddawwar f’mużew li jkun jirrifletti kif kienet tgħix is-soċjetà Maltija fil-perjodu ta’ matul it-tieni gwerra dinjija. F’dan il-mużew, li ser ikun qed jagħmel użu minn tekonologija avvanzata, sabiex jagħti esperjenza interattiva lill-viżitatur, wieħed ser ikun jista’ jara numru ta’ ‘artefacts’ li huma uniċi għal Malta. Huwa ppjanat li dan il-mużew jinfetaħ għall-pubbliku nhar il-15 ta’ April f’għeluq is-sebgħin sena anniversarju mill-għoti tal-George Cross lill-Malta. Dan il-post għadda f’idejn il-Fondazzjoni Wirt Artna s-sena l-oħra permezz ta’ ‘guardianship deed’ u minnufih inbeda xogħol estensiv b’investiment ta’ €500,000, liema fondi inkisbu b’għajnuna mill-Unjoni Ewropea mill-fondi tal-European Regional Development Fund.
Il-Ministru Jason Azzopardi faħħar il-ħidma sfiqa li qed tagħmel il-Fondazzjoni Wirt Artna sabiex dan is-sit jinbidel f’mużew li ser ikun qed jiffoka fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti matul it-tieni gwerra dinjija. Is-sit tal-mużew huwa propju simboliku u dan minħabba l-fatt li l-Kottonera kienet l-iktar parti mitluqa mill-attakki mill-ajru f’dak iż-żmien. Il-Ministru Azzopardi rrimarka dwar il-fatt li l-Fondazzjoni Wirt Artna hija eżempju eċċelenti ta’ kemm għaqda voluntarja Maltija kapaċi tamministra tajjeb fondi li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Il-Ministru saħaq fuq l-importanza ta’ tali fondi u qal li dawn kienu indispensabbli għal dan il-proġett u oħrajn simili. Il-Ministru radd ħajr ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Birgu għall-kontribuzzjoni tiegħu f’dan il-proġett, liema Kunsill issa jinsab fl-Auberge de France fil-qalba tal-Birgu.
Is-Sur Mario Farrugia, President tal-Fondazzjoni Wirt Artna spjega li l-proġett beda fl-2004 wara taħdidiet mal-Kunsill Lokali tal-Birgu. Fl-2008 inkisbu fondi mill-UE sabiex il-mużew ikun jista’ jiġi rinovat u estiż sabiex jinkorpora l-ewwel sular tal-‘Couvre Porte Barracks’. Il-mużew issa ikopri iżjed minn 900 metru kwadru u l-estensjoni l-ġdida ser tippermetti lill-Fondazzjoni Wirt Artna sabiex tiżviluppa mużew storiku li jkun jikkonsisti f’disa’ ‘walk-through galleries’ b’kull waħda minnhom li tkun tiddiskrivi l-ħajja f’Malta matul it-tieni gwerra dinjija. Meta jkun lest il-proġett, ser jitpoġġew xejn inqas minn 5,000 ‘artefacts’ oriġinali għad-dizpożizzjoni tal-viżitaturi. Dawn ser jinkludu karozzin, żewġ ‘anti-aircraft guns’, ‘anti-aircraft searchlight’ armamenti żgħar, munizzjon, bombi, uniformijiet, għodod, midalji u materjal ieħor.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Azzopardi qal li l-ftuħ tal-mużew ser jaħbat ma’ okkażjoni memorabli, f’għeluq is-sebgħin sena mill-għoti tal-George Cross. Huwa esprima sodisfazzjon kbir għall-fatt li l-mużew ser ikun qed iservi ta’ vetrina unika li jesebixxi l-istorja ta’ pajjiżna, liema storja rridu nippriservawa bl-aħjar mod possibbli. Il-Ministru propju faħħar lil Fondazzjoni Wirt Artna tal-kontribut tagħha f’dan ir-rigward.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en