TNEDIJA TA’ “ELEO AND THE BUBBLE PLANET” – PUBBLIKAZZJONI DWAR ID-DRITTIJIET TAT-TFAL
It-Tfal għandhom dritt jipparteċipaw f’deċiżjonijiet li jolqtuhom
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dal-għodu reġgħet affermat il-prinċipju li t-tfal għandhom dritt jipparteċipaw fid-deciżjonijiet li jolqtuhom. Il-Ministru kienet qed titkellem waqt it-tnedija ta’ ktejjeb għat-tfal dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Il-Ministru Cristina faħħret l-inizjattiva li ħadet l-Assoċjazzjoni taż-Żgħażagħ Maltin tal-UNESCO li pproduċiet il-pubblikazzjoni ‘Eleo and the Bubble Planet’.
Kulħadd jaqbel dwar il-ħtieġa li nħarsu d-drittijiet tat-Tfal. Tant hu hekk li l-Gvern, ftit ilu nieda għal konsultazzjoni pubblika Politika Nazzjonali għat-Tfal li tisħaq fuq id-drittijiet tat-Tfal.
Għalhekk il-pubblikazzjoni ta’ ‘Eleo and the Bubble Planet’ li prattikament hi verżjoni għat-tfal tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tgħin biex it-tfal Maltin u Għawdxin isiru aktar konxji tad-drittijiet tagħhom.
Dan il-ktejjeb, imżewwaq bi tpinġijiet adattati barra li hu attraenti u allura jħajjar lit-tfal biex jaqrawh, hu miktub b’lingwaġġ u fih tixbiħat li jgħinu lit-tfal jifhmu aħjar x’inhuma d-drittijiet li għandhom u jinkoraġġihom biex ikun attenti biex igawdu dawn id-drittijiet u ma jħallu lil ħadd iċaħħadhom minnhom.
Sfortunatament, għalkemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ilha li daħlet fis-seħħ aktar minn 60 sena ilu, għad hawn pajjiżi fejn eluf ta’ tfal huma mċaħħda mill-aktar drittijiet fundamentali bħalma huma l-ikel, saqaf fuq rashom, edukazzjoni, saħħa u l-familja.
Il-Ministru Cristina qalet li f’Malta s-sitwazzjoni hi ferm differenti. Iżda aħna wkoll għad għandna każi ta’ tfal li huma nieqsa mill-imħabba, ta’ tfal traskurati u xi ftit anke abbużati. Imma filwaqt li f’xi pajjiżi tfal bħal dawn huma mitluqa u jridu jfendu għal rashom, f’pajjiżina għandna servizzi biex ngħinu lil dawn it-tfal u għandna aġenziji, istituzzjonijiet u għaqdiet volontarji li jaħdmu ħafna f’dan il-qasam, fosthom l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal li qed jagħmel ħafna xogħol siewi.
L-aktar drittijiet importanti għat-tfal huma garantiti wkoll mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li hi miġbura f’dan il-ktieb li tnieda llum.
Hu important li dawn id-drittijiet ma jkunux biss fuq il-karta imma jitgawdew u jkunu prattikati mit-tfal kollha, sostniet il-Ministru. F’Malta għandna bosta liġijiet li jipproteġu t-tfal minn kull abbuż, mill-vizzji, mill-vjolenza anke jekk din issir fid-dar.
Għandna wkoll istituzzjonijiet bħalma hu l-Kummissarju għat-Tfal li r-rwol tagħha hu li tħares id-drittijiet u l-interessi tat-tfal u li tassigura li t-tfal ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. Għandna organizazzjonijiet bħalma huma l-APPOĠĠ, li jidħlu f’każi ta’ tfal li ma jkollhomx il-ħarsien li jixirqilhom.
Kopji ta’ dan il-ktieb se jitpoġġew fil-libreriji tal-iskejjel kollha u għandu jgħin lit-tfal biex jifhmu aħjar dawn id-drittijiet.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol irringrazzjat lill-Assoċjazzjoni taż-Żgħażagħ Maltin tal-UNESCO li ħadet l-inizjattiva li tipprepara dan il-ktejjeb u lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex din l-inizjattiva tkun suċċess.
Preżenti għal din it-tnedija li saret fil-Kulleġġ De La Salle fil-Cottonera kien hemm Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Ray Bondin, Ambaxxatur Malti għall-UNESCO, Helen D’Amato, Kummissarju tat-Tfal; Bro. Martin Borg, Direttur tal-Kulleġġ De La Salle, Prinċipali mill-Kulleġġi tal-Istat u kapijiet ta’ skejjel tal-knisja u skejjel indipendenti flimkien ma’ numru ta’ studenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en