L-INDUSTRIJA TAL-FILMS TATTIRA 65 PRODUZZJONI, FOSTHOM 26 FILM JEW SERJE TELEVIŻIVA FL-AĦĦAR 4 SNIN – IĦALLU €105M FL-EKONOMIJA MALTIJA
Tul l-aħħar erba’ snin, f’pajjiżna nġibdu 65 produzzjoni, fosthom 26 film jew serje televiżiva, li ħallew fl-ekonomija madwar €105m barra li kkontribwew għall-ħolqien ta’ numru ta’ postijiet tax-xogħol f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara għand MoviePeople Malta, kumpanija mwaqqfa minn żewġ żgħażagħ Maltin b’ko-investiment minn imprendituri Taljani.
Il-Ministru Fenech spjega li l-eżempju prattiku ta’ Movie People, li hija kumpanija li qed taħdem fis-settur tal-film-servicing, jirrappreżenta l-ħolqien ta’ opportunitajiet fis-settur tal-films, li huwa r-riżultat mixtieq mill-Gvern fl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ l-inċentivi biex jattira aktar produzzjonijiet ċinematografiċi u oħrajn lejn pajjiżna.
Huwa spjega kif dawn il-65 produzzjoni fissru opportunitajiet ta’ xogħol għal mijiet ta’ Maltin u ħolqu opportunitajiet ta’ negozju għal diversi sidien ta’ negozji f’setturi bħal-lukandi, it-trasport, il-loġistika, l-ikel u oħrajn. Dawn iħaddmu persunal involut fil-produzzjoni, persunal responsabbli mill-kostumi, mix-xagħar u mill-make-up, persunal tekniku, locations, drivers u extas. Bħala eżempju prattiku, is-sena li għaddiet, il-film World War Z, dirett minn Brad Pitt, ħaddem miegħu aktar minn 900 extra.
Il-Ministru tkellem fuq l-inċentivi li l-Gvern joffri biex jattira films internazzjonali lejn pajjiżna, li jibnu fuq dak li Malta tista’ toffri f’termini tal-aspett viżiv, storiku, il-faċilitajiet li toffri: “Din hija l-istrateġija li ħaddem dan il-Gvern fl-aħħar snin – diversifikazzjoni ekonomika li twassal biex pajjiżna jifrex l-opportunitajiet li joffri fi swieq differenti, strateġija li f’pajjiżna fissret stabbiltà u tkabbir ekonomiku li jiżboq dak tal-kompetituri ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea”.
Aktar minn hekk, il-Gvern qed jinvesti fit-talent Malti billi introduċa numru ta’ korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi kif ukoll f’Fond tal-Films biex jgħin produzzjonijiet lokali.
Tonio Fenech ħabbar li fi Frar, flimkien mal-Malta Film Commission, se tkun organizzata FilmSpeak, li hija l-ewwel konvenzjoni nazzjonali dwar l-industrija tal-films, li se tkun “opportunità biex nħarsu kif se nkomplu naġġornaw ruħna biex nibqgħu kompetittivi u nibqgħu nsaħħu l-kwalità ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza fl-industrija tal-films”.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en