IT-TISĦIĦ TAL-QRATI TAL-ĠUSTIZZJA: TAĦRIĠ, UFFIĊĊJI ĠODDA GĦALL-ĠUDIKATURA, BINI ĠDID GĦALL-QORTI TAL-FAMILJA U T-TWAQQIF TA’ QORTI SPEĊJALIZZATA FUQ KAŻI TA’ DROGA
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jsaħħaħ il-Qrati tal-Ġustizzja billi jinvesti fil-membri tal-Ġudikatura u fit-taħriġ tal-avukati u l-prokuraturi legali, sabiex dawn ikomplu joffru servizz aħjar lill-pubbliku li jiġi bżonnhom. Qed issir ħidma biex jinkisbu fondi Ewropej għal taħriġ u skambju ta’ għarfien u ideat ma’ membri tal-professjoni legali f’pajjiżi Ewropej.
Barra minn hekk il-Gvern qed ikompli bil-programm ta’ ħidma tiegħu sabiex isaħħaħ l-infrastruttura tal-Qrati. Filwaqt li fix-xhur li ġejjin il-membri tal-Ġudikatura mistennija jibdew jaħdmu minn uffiċċji ġodda li x-xogħol fuqhom għaddej b’ritmu mgħaġġel, il-ħsieb hu li l-Qorti tal-Familja tkun trasferita għal bini ieħor fi Triq id-Dejqa. Postha mistenni jittieħed minn Drugs Court – qorti speċjalizzata fuq każi ta’ droga. Dwar dan se jsir proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet involuti inkluż mal-Ġudikatura, il-Kamra tal-Avukati, il-medjaturi, u l-Aġenziji Appoġġ u Sedqa fost l-oħrajn.
Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara li għamel f’żewġ binjiet li jinfdu minn Triq id-Dejqa sa Triq l-Ifran u li f’qasir żmien mistennija jibdew jospitaw l-uffiċċji tal-membri tal-Ġudikatura u l-istaff tagħhom. Ix-xogħol fuq din il-binja, li se jkun fiha mad-29 uffiċċju mferxin fuq tmien sulari, mistenni jitlesta fi tmiem din is-sena. Il-proġett mistenni jiswa €1.7 miljun.
Il-Ministru Chris Said, li kien akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali tal-Qorti Kevin Mahoney, qal li bħala parti mill-proġett għandhom jiġu kkonservati l-faċċati u elementi strutturali interni oħra taż-żewġ binjiet li tniffdu ma’ xulxin sabiex jospitaw l-uffiċċji tal-Ġudikatura. Inbnew ukoll ħames sulari oħra fuq it-tlieta eżistenti u b’hekk l-ispazju żdied sostanzjalment. Huwa maħsub ukoll li, malli jinħarġu l-permessi relattivi, jinbena pont li jgħaqqad il-binja l-ġdida mal-bini prinċipali tal-Qorti. Minkejja li ż-żewġ binjiet kienu qegħdin fuq livelli differenti, il-proġett ħa ħsieb biex jindirizza din il-problema u b’hekk il-post ikun aċċessibbli wkoll għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tlestew filwaqt li dawk ta’ finitura, elettriku u servizzi mistennija jibdew f’qasir żmien wara li jkunu aġġudikati t-tenders.
Il-Ministru Chris Said spjega wkoll kif fix-xhur li għaddew bdiet l-istallazzjoni ta’ sistema ta’ recording diġitali fl-awli kollha. S’issa l-apparat kien istallat f’nofs l-awli. Minbarra l-investiment li sar fl-apparat primarju, b’kull awla tiflaħ sa 800 siegħa ta’ recording, ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u kien installat apparat UPS sabiex ikun assigurat li l-ebda xhieda ma tintilef. L-istallazzjoni ta’ dan l-apparat fil-bqija tal-awli se tkompli fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.
Barra minn hekk, konxja mill-ħtieġa li tissaħħaħ l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informatika, l-amministrazzjoni tal-Qrati identifikat kamra li ġiet konvertita f’data centre ġdid li se jieħu post dak eżistenti. Dan se jkun imqabbad permezz ta’ fibre optic link ġdid li mhux biss jissupplixxi s-servizzi tal-IT fil-Qorti iżda wkoll jassigura kontinwità fis-servizz mogħti lill-impjegati.
Il-Ministru Chris Said qal li dawn il-proġetti kollha huma intiżi biex il-Qrati tal-Ġustizzja jtejbu s-servizzi tagħhom u jwieġbu għall-isfidi tas-Seklu 21 u għall-pressjoni ta’ xogħol dejjem tiżdied.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en