HOME-START GOZO: SERVIZZ ĠDID GĦALL-GĦAWDXIN F’GĦAWDEX
“Is-servizzi marbuta mal-qasam soċjali f’Għawdex qed jiġu msaħħa permezz tal-proġett Home-Start Gozo bil-għan li familji vulnerabbli f’Għawdex li jkunu għaddejjin minn perjodu bi problemi, jingħataw l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa.”
Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono li ppresjediet l-iffirmar tal-ftehim dwar l-estensjoni ta’ dan il-proġett għal Għawdex, li ser isir bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex, Dar Ġużeppa Debono u l-Aġenzija Appoġġ. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jiffinanzja għotja li tlaħħaq ‘il fuq minn €20,000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin, lil Dar Ġużeppa Debono li ser tikkoordina u tmexxi dan il-proġett fuq il-gwida u bl-assistenza ta’ Home-Start Malta u l-Aġenzija Appoġġ.
Il-Ministru Giovanna Debono żiedet tgħid li dan il-proġett ifisser twettieq ta’ miżura oħra mit-80 miżura elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni eko-Għawdex 2010-2012. Hija spjegat kif Home-Start Gozo ser ikun qed jilqa’ għall-isfidi li jiffaċċjaw ċerti familji li jkollhom bżonnijiet ta’ appoġġ differenti u li jvarjaw minn sapport emozzjonali għal għajnuna prattika. “Dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex fil-qasam soċjali bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tas-soċjetà li ngħixu fiha”, temmet tgħid il-Ministru għal Għawdex.
Dan il-ftehim kien iffirmat minn uffiċjali mill-Ministeru għal Għawdex, Sina Bugeja mill-Aġenzija Appoġġ u Maria Attard minn Dar Ġużeppa Debono. Dar Ġużeppa Debono, li hija Organizzazzjoni mhux Governattiva u li fost l-oħrajn tipprovdi għajnuna lill-ommijiet u missirijiet waħedhom, ser tkun qed tingaġġa koordinatur illi jħaddem dan il-programm.
Permezz ta’ dan il-ftehim, rappreżentant tal-Home-Start Gozo ser ikun fuq il-bord maniġerjali nazzjonali tal-Home-Start Malta. L-għan ewlieni ta’ dan il-bord huwa li jassigura uniformità fis-servizz u sikurezza fl-istandards u l-kwalità. Barraminnhekk, l-entitajiet konċernati fil-Home-Start Gozo ser iwaqqfu kumitat maniġerjali biex jissorveljaw id-direzzjoni, l-istandards u l-kwalità tas-servizz f’Għawdex, u li għalih jattendi rappreżentant tal-Aġenzija Appoġġ.
Is-servizz ta’ Home-Start Gozo ser jingħata lill-familji vulnerabbli jew dawk f’diffikultajiet li jkollhom tal-inqas wild wieħed taħt il-ħames snin u li jsibu xi xkiel fit-trobbija ta’ wliedhom. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jinkludu mard, twelid ta’ aktar minn tarbija waħda, problemi ta’ saħħa mentali u fiżika, solitudni, u ħiliet dgħajfin fit-trobbija tat-tfal. Barraminhekk il-ġenituri jingħataw ukoll appoġġ meta jkollhom bżonn lil min jismagħhom, lil min jakkumpanjahom għal xi appuntament, jew lil min jgħinhom jinvolvu ruħhom aħjar fl-iżvilupp ta’ wliedhom. Home-Start International huwa proġett li beda fl-1973 fir-Renju Unit u xtered f’diversi pajjiżi.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en