Left arrow Mur Lura

INAWGURATA WIRJA TAL-ARTI DWAR L-OLIMPJADI F’GĦAWDEX

PR0093
Date Icon 17/01/2012

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, inawgurat wirja tal-arti u skultura marbuta mal-logħob Olimpiku li se jsir fi ftit xhur oħra ġewwa Londra. Din il-wirja qed tittella’ fuq inizjattiva tal-Kumitat Olimpiku Malti bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri bħala inizjattiva marbuta mal-edizzjoni tal-Olimpjadi 2012.

Din l-inizjattiva tfittex li tinkoraġġixxi lill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali biex jippromwovu sinerġija bejn l-arti u l-isport kemm fuq livelli nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali. Għal dan il-għan il-Kumitat Olimpiku Malti qiegħed jipparteċipa fl-Olympic Sport & Art Contest  immexxi mill-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni Olimpika fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Din il-kompetizzjoni qed tiġi mnedija għal darba oħra fl-okkażjoni ta’ edizzjoni oħra tal-logħob Olimpiku.

Fuq livell nazzjonali, f’din il-kompetizzjoni qed jipparteċipaw tliet skulturi u 35 xogħlijiet grafiċi li jinkludu wkoll tpinġijiet.

It-tema magħżula għal din l-edizzjoni hija ‘L-isport u l-valuri Olimpiċi ta’ eċċellenza, ħbiberija u rispett’. Ħafna mix-xogħlijiet għall-wiri ġew sottomessi minn studenti u għalliema tal-MCAST f’Malta kif ukoll oħrajn miċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.

F’diskors qasir tal-inawgurazzjoni, il-Ministru Giovanna Debono faħħret lill-parteċipanti filwaqt li rrikonoxxiet il-ħidma taċ-Ċentru Għawdxi li f’dawn l-aħħar snin irnexxielu jattira żieda kontinwa fl-interess minn mijiet ta’ parteċipanti Għawdxin għall-korsijiet li jiġu organizzati kull sena.

Il-Ministru fissret li minkejja ċ-ċokon tal-gżira, f’Għawdex mhux biss żdiedu l-għarfien u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali filwaqt li ġie mtejjeb ukoll il-livell tagħhom, iżda bi pjaċir stqarret li kien ta’ sodisfazzjon kbir għaliha u għall-Għawdxin kollha li kompetizzjonijiet ta’ livell Nazzjonali u Internazzjonali qed ikunu organizzati f’Għawdex.

“Dan ma sarx b’kumbinazzjoni iżda huwa wkoll riżultat tal-inzjattivi u l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ li ġew offruti matul dawn l-aħħar snin”, qalet il-Ministru Debono.  Filwaqt li ferħet lill-parteċipanti kollha hija awgurat lil dawk l-artisti li x-xogħlijiet tagħhom ser jintagħażlu biex jirrappreżentaw lill-pajjiżna f’esebizzjoni li ser tittella’ ġewwa Londra mill-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni Olimpika.

L-Ambaxxatur ta’ Malta għal Ġordan u Direttur tal-Kumitat Olimpiku Malti,  is-Sur Anthony De Bono, li kellu l-inkarigu biex jorganizza din il-kompetizzjoni kif ukoll s-Sur Joseph Cassar Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku, urew l-apprezzament tagħhom lejn dawk kollha li taw sehem biex din l-attività tkun suċċess u semmew b’mod speċjali l-għajnuna tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Institute of Art and Design u l-Gozo Centre for Arts and Crafts. Ma’ dawn ingħataw ħajr ukoll iż-żewġ artisti professjonali Luciano Micallef u Eman Grima li kienu jagħmlu parti mill-ġurija.

Il-wirja ser tibqa’ miftuħa fis-sala tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex sa nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2012 u mbagħad tiġi trasferita f’Malta fil-Ministeru tal-Edukazzjoni l-Belt Valletta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow