TITNIEDA L-ISKEMA FINANZJARJA GĦAT-TAĦRIĠ MUŻIKALI TAŻ-ZGĦAŻAGĦ FIL-KAŻINI TAL-BANDA
L-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport dalgħodu nieda uffiċjalment l-iskema ‘Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’. Din l-iskema hija parti mill-Empowerment Programme li tħaddem l-Aġenzija Żgħażagħ biex tgħin liz-żgħażagħ jilħqu l-milja tagħhom.
Din l-iskema se tagħti għajnuna finanzjarja lill-Każini tal-Banda biex joħorġu b’inizjattivi u proġetti li bihom iħeġġu aktar żgħażagħ jibdew jitgħallmu strumenti mużikali kif ukoll biex itejbu s-servizzi ta’ tagħlim li joffru l-każini tal-banda.
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli sostna li l-Każini tal-Banda qed iwettqu missjoni importanti fis-soċjetà tagħna u fil-formazzjoni ta’ mijiet ta’ żgħażagħ, li jissieħbu f’dawn l-għaqdiet kulturali: biex imexxu kumitati, biex jinvolvu ruħhom fil-qasam kulturali u biex jitħarrġu fil-mużika. Huwa qal li l-Gvern li qed jivvota mitt elf ewro għal din l-iskema qiegħed juri fiduċja u apprezzament tax-xogħol li jwettqu l-każini tal-banda filwaqt li jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ. Huwa sostna li bit-tnedija ta’ din l-iskema l-Gvern qiegħed qed iwettaq wiegħda elettorali oħra.
Il-programm ta’ Empowerment ta’ Aġenżija Żgħażagħ ġie mniedi uffiċjalment is-Sibt li għaddha. L-iskop ta’ dan il-programm huwa li jagħti setgħa liż-żgħażagħ biex jilħqu l-potenzjal tagħhom, u jsiru ċittadini aktar attivi. Dan il-programm huwa intiż biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ u jagħtihom lok biex jipparteċipaw fit-tehid ta’ deċiżjonijiet u fil-ħajja soċjali.
Il-programm ta’ Empowerment għaż-zgħażagħ jinkludi diversi skemi u proġetti fosthom: Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ, il-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ Adoloxxenti; il-Voltours; il-programm Divergent Thinkers; il-Konkors Teatrali għaż-żgħażagħ fit-teatru; in-National Media Youth Days għaż-żgħażagħ li huma interessati fid-dinja tal-komunikazzjoni tal-massa; u l-proġett Empower li huwa inizjattiva ta’ youthwork magħmul minn skedi ta' taħriġ f’diversi temi li jsaħħu il-potenzjal taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet tagħhom.
Waqt il-konferenza tal-aħbarjiet tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma. Hija qalet li din l-iskema finanzjarja għanda żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija tiġbor fiha inizjattivi li jiswew sa massimu ta’ €2,000.00. F’din il-kategorija Aġenzija Żgħażagħ ser tiffinanzja sa 90% tal-ispiża jiġifieri massimu ta’ €1,800.00. It-tieni kategorija tiġbor fiha inizjattivi li jiswew sa massimu ta’ €4,000.00. F’din il-kategorrija Aġenzija Żgħażagħ ser tiffinanzja sa 80% tal-ispiża jiġifieri massimu ta’ €3,200.00. Hija ħeġġet lill-Każini tal-Banda sabiex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva u qalet li l-ewwel lagħqa ta’ informazzjoni għal każini tal-baned fuq din l-iskema ser tinżamm nhar l-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2012, ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fis-6.00pm.
Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda s-Sur Lawrence Farrugia, esprima sodisfazzjon għall-appoġġ li qed isibu mill-Gvern, fosthom biex din l-iskema setgħet tidħol fis-seħħ. Huwa qal li l-każini tal-baned għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà Maltija u din l-iskema se tkun qed tgħinhom biex jarrwolaw aktar żgħażagħ fi ħdanhom biex jgħallmuhom il-mużika u biex iżommu l-kultura tal-baned ħajja.
Il-proposti għal din l-inizjattiva qegħdin jintlagħqu għand Aġenzija Żgħażagħ sal-Ħamis l-1 ta’ Marzu 2012.
Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-websajt tal-Aġenzija Żgħażagħ www.agenzijazghazagh.gov.mt jew billi iċċempel fuq 2388 6114.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en