FTEHIM BIEX IS-SALEŻJANI JIBQGĦU JAGĦTU SERVIZZ TA’ EDUKAZZJONI U ĦARSIEN LIL NUMRU TA’ ŻGĦAŻAGĦ BI PROBLEMI SOĊJALI
Il-Gvern u l-komunita tas-Sależjani iffirmaw ftehim li permezz tiegħu l-iskola ta’ St. Patrick f’Tas-Sliema li hi mmexija mis-Sależjani tibqa’ tipprovdi edukazzjoni u servizz residenzjali lil numru ta’ tfal u żgħażagħ vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni fil-familja tagħhom. Għal dawn is-servizzi l-Gvern se jħallas €1.3 miljun fis-sena fuq medda ta’ tliet snin.
Is-Sależjani ilhom aktar minn 100 sena jipprovdu dan is-servizz lis-Soċjeta Maltija u għamlu ġid kbir lil mijiet ta’ tfal u żgħażagħ li tpoġġew fil-kura tagħhom tul is-snin, kemm mill-aspett edukattiv kif ukoll minn dak soċjali.
L-iskola ta’ St. Patrick’s għalkemm tibqa’ żżomm l-istatus ta’skola tal-knisja se tingħata l-opportunità li tkun tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Klara li jiġbor fih l-iskejjel tal-lokalita. Illum din l-iskola tilqa’ fiha madwar 60 student li 32 minnhom huma residenti f’din id-dar filwaqt li l-oħrajn huma studenti li jmorru f’din l-iskol b’għażla tagħhom. Il-ftehim jipprovdi wkoll biex studenti f’din l-iskola li jkollhom bżonn is-servizz ta’ Learning Support Assistant, jingħataw dan is-servizz u li l-iskola jkollha l-istess complement ta’ amministraturi u għalliema bħal skejjel oħra.
Waqt żjara li għamlet fl-iskola l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina ħabbret li permezz ta’ dan il-ftehim St. Patrick’s se joffru post għal tmien żgħażagħ oħra li jkollhom bżonn is-servizz ta’ Out of Home Care. Sal-lum diġa’ hemm 32 li qed jingħataw servizz f’din il-komunità.
Billi hu aktar indikat, għall-ġid ta’ dawn it-tfal u ż-żgħażagħ, li dan is-servizz, safejn hu possibbli jingħata fil-komunità, hemm qbil li jkun hemm erba’ shelters li jilqgħu numru minn dawn it-tfal u żgħazagħ. L-ewwel wieħed minn dawn is-shelters diġa’ beda jopera f’Ħal Balzan fejn hemm jgħixu numru minnhom, taħt is-superviżjoni u l-gwida tas-Sależjani.
Il-Ministru Cristina, li żaret ukoll l-estensjoni li se tilqa’ fiha lit-tmien żgħażagħ ġodda, irringrazzjat lill-komunità tas-Sależjani għall-ħidma kbira li jagħmlu mat-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss f’St. Patrick’s imma wkoll f’Oratorji u komunitajiet li jmexxu. Fr. Charles Said, id-Direttur ta’ St. Patrick’s irringrazzja lill-Ministru u lill-Gvern għall-fiduċja li dejjem urew fis-Sależjani u wiegħed li l-komunita’ se tibqa’ taħdem fost iż-żgħażagħ, imnebbħa mill-kariżma ta’ Don Bosco.
Sadattant, mal-Komunità Sależjana l-Gvern qed jaħdem fuq proġett ieħor ta’ fejda. Ftit tal-jiem ilu, il-komunita’ li tmexxi l-hostel Osanna Pia li jilqa’ fih żgħażagħ ‘l fuq minn 16-il sena li ma għandhomx saqaf fuq rashom, ingħatat dar oħra, qrib l-istess hostel, biex tkun tista’ tkabbar u żżid il-postijiet fejn tkun tista’ tilqa’ aktar żgħażagħ li għandhom dawn il-problemi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en