SKEMA ĠDIDA TA’ TNAQQIS MIT-TAXXA BIEX SIDIEN TA’ NEGOZJI MALTIN JIKSBU SUĊĊESS FIN-NEGOZJU TAGĦHOM
Il-Gvern qiegħed iniedi skema ġdida biex jgħin lill-kumpaniji żgħar u medji jinvestu b’mod li jiksbu ċertifikazzjoni għall-kwalità tal-prodotti jew servizzi tagħhom, u li b’hekk jgħinhom biex isaħħu l-kompetittività tagħom. Dan huwa kruċjali biex ninċentivaw is-sidien tan-negozji tagħna biex jespandu n-negozju tagħhom, joħolqu aktar xogħol u għalhekk jagħtu kontribut fit-tisħiħ tal-istabilità ekonomika ta’ pajjiżna.
Dan tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech waqt żjara lill-kumpanija St. Anthony Woodworks fil-Mosta, fejn ta d-dettalji dwar il-Quality+. Din hija skema oħra mħaddma mill-Malta Enterprise intiża biex tgħin lill-kumpaniji bbażati f’Malta jkollhom suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll meta jespandu n-negozju fis-swieq barranin.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li f’dinja fejn is-swieq huma dejjem iktar kompetittivi, u aktar u aktar fil-kuntest ta’ qagħda ekonomika internazzjonali prekarja, qed tikber ukoll l-importanza li l-kumpaniji jkollhom jagħtu lill-kwalità tal-prodotti jew servizzi li joffru b’mod li jsaħħu l-preżenza tagħhom fis-swieq u ma jitilfux mill-bejgħ tagħhom. Filwaqt li dan huwa ta’ benefiċċju kbir għall-konsumatur li b’hekk igawwdi minn għażla akbar u aħjar ta’ prodotti jew servizzi, il-kumpaniji jkollhom jinvestu aktar sabiex jilħqu livelli għola ta’ kwalità.
Permezz tal-Quality+, il-Malta Enterprise tista’ tapprova għajnuna fuq investiment li jsir biex il-kumpaniji jilħqu l-livelli ta’ kwalità meħtieġa u jiksbu ċertifikazzjoni b’rabta mal-proċessi, prodotti jew servizzi tagħhom, ċertifikazzjoni b’rabtiet ambjentali, jew marki tal-kwalità. Din l-għajnuna tingħata billi jitnaqqas 150 fil-mija tal-valur tal-investiment approvat mid-dħul taxxabli. Dan jfisser li s-sid tan-negozju jista’ jieħu lura nofs l-investiment li jkun għamel fl-intrapriża tiegħu.
“Effettivament dan ifisser li min jibbenefika minn din l-iskema se jkun qiegħed iħallas inqas taxxa u b’hekk ikun jista’ jinvesti iktar fin-negozju tiegħu jew igawdi iktar il-frott tax-xogħol tiegħu,” qal il-Ministru Tonio Fenech. Il-Ministru żied jgħid li l-iskema tapplika ukoll għal dawk li jiksbu l-liċenzja għal franchise jew dawk li jagħmlu eżerċizzju ta’ due diligence biex jiksbu l-liċenzja għall-parteċipazzjoni f’xi suq.
L-ispejjeż eliġibbli – sa massimu ta’ €20,000 – jinkludu spejjeż fuq konsulenzi, taħriġ, kif ukoll spejjeż fuq awditjar jew verifiki taċ-ċertifikazzjonijiet. Fost oħrajn, kumpaniji li jiksbu ċertifikazzjonijiet u marki ta’ kwalità bħall-ISO 9001:2008, ISO 14001, ISO 22000, MS1500:2004, il-Hazard Analysis Critical and Control Point (HACCP), il-BSI Kitemark u CE Mark huma eliġibbli għall-għajnuna permezz tal-Quality+.
“Il-Malta Enterprise toffri ukoll servizz professjonali ta’ konsulenza permezz tal-Business Advisory Services li jistgħu jgħinu lill-kumpaniji jħejju l-pjanijiet tagħhom biex jtejjbu l-livell ta’ kwalità u jiksbu ċ-ċertifikazzjoni li tagħraf dan,” qal iċ-chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri.
Is-Sur Camilleri fakkar ukoll li fi ftit jiem se jitnieda s-servizz ta’ Business First, li bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-Korporazzjoni mal-klijenti tagħha mistenni jtejjeb ir-relazzjoni bejniethom u jagħmilha eħfef biex il-kumpaniji jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Malta Enterprise.
Il-kumpanija St. Anthony Woodworks hija waħda mill-kumpaniji lokali li diġà ħadu l-inizjattiva u kisbu ċertifikazzjoni tal-kwalità, f’dan il-każ ċertifikazzjoni ISO 9001:2008. Dan setgħet tagħmlu wara li implimentat proċeduri għall-amministrazzjoni tal-kwalità u b’hekk tejjbet l-ippjanar u l-effiċjenza fl-operat tagħha sabiex toffri prodott aħjar lill-klijenti tagħha.
B’madwar 30 impjegat, St Anthony Woodworks ilha taħdem fl-industrija tal-għamara għal madwar erbgħin sena. Fl-aħħar snin, ibbenefikat ukoll darbtejn mill-għajnuna tal-Malta Enterprise biex permezz ta’ skemi ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – mill-iskema Ambjent, u l-iskema Innovazzjoni – wieġbet għall-bidla li għadda minnha s-suq li topera fih.
S’issa 570 sid ta’ negozju gawdew bejniethom minn 35 miljun ewro mill-iskemi ta’ għajnuna għall-industrija ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u se investew kważi 80 miljun ewro fi proġetti ġodda. Fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ ukoll ir-raba’ sejħa għal dawn il-Fondi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en