FONDI EWROPEJ GĦAL PROĠETT FAVUR TURIŻMU SOSTENIBBLI FIL-MUNXAR
Matul l-2011, il-MEUSAC għen ħames Kunsilli Lokali Għawdxin biex bejniethom akkwistaw €2.3 miljun mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea - Fond Agrikolu Ewropew– Miżuri 313 u 323. Il-Kunsill Lokali tal-Munxar waħdu akkwista ftit aktar minn €400,000 biex jimplimenta proġett li permezz tiegħu se jiżdied il-valur u l-prodott turistiku li toffri l-lokalità.
Fil-Munxar, fost l-oħrajn se jiġu restawrati ħitan tas-sejjieħ u mogħdijiet fil-kampanja, se ssir heritage trail li se tgħaqqad iċ-ċentru tal-lokalità mal-periferija minn Ta’ Sanap, il-Kantra u l-bajja tax-Xlendi, u se jkunu żviluppat tour virtwali li għandu jintuża biex jirreklama l-inħawi mat-turisti. Barra minn hekk, wara li tlesta studju u diġa ġew approvati l-permessi tal-MEPA, se jsir xogħol ta' restawr fuq il-mitħna sotteranja ta' emerġenza li tinsab fix-Xlendi. Eventwalment din se tinfetaħ għall- pubbliku.
Id-dettalji kollha tal-proġett ingħataw waqt żjara li l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said għamel fil-Munxar fejn flimkien mas-Sindku Joseph Sultana żar l-inħawi fejn se jsir il-proġett. Bħalissa fl-irdumijiet, minbarra li beda r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, qed isir tindif ġenerali u qed jitneħħa skart li ntefa’ abbużivament u li akkumula matul iż-żmien. Dan ix-xogħol qed isir mill-Gozo Climbing Association.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali Għawdxin li matul is-sena li għaddiet gawdew mill-appoġġ tal-MEUSAC biex akkwistaw fondi mill-Pjan għall-Iżvilupp Rurali jinkludu wkoll il-Qala, Ta’ Sannat, San Lawrenz, u l-Għarb. Permezz tal-proġetti li qed jimplimentaw, se jinħolqu żewġ parks għar-rikreazzjoni u Mużew tal-Folklor. Se jkunu restawrati żewġ kappelli, salib tad-dejma, pont antik, u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ. Se jsiru wkoll diversi faċilitajiet ġodda biex jitgawdew mill-viżitaturi u se jsiru wkoll numru ta’ heritage trails.
Il-Ministru Chris Said spjega li dawn il-proġetti kollha se jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi f’oqsma bħall-agri-turiżmu, l-eko-turiżmu, u t-turiżmu kulturali. Il-proġetti nfushom se jgħinu wkoll biex il-lokalitajiet li kisbu fondi jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli. L-għan aħħari jibqa’ li t-tisbiħ tal-kampanja u r-restawr ta’ postijiet storiċi u rurali jwasslu biex aktar viżitaturi u turisti jżuru l-lokalitajiet u l-attrazzjonijiet tagħhom.
Hu qal li l-Kunsilli Lokali saru l-akbar benefiċjarji ta’ finanzjament Ewropew permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC. Tul is-sentejn u nofs li għaddew, il-MEUSAC għen lill-Kunsilli Lokali u NGOs biex bejniethom kisbu €13-il miljun minn programmi differenti tal-Unjoni Ewropea. Il-MEUSAC għandu l-uffiċċju ċentrali fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta iżda joffri numru ta’ servizzi mir-Rabat f’Għawdex ukoll.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en