PROĠETT TA’ TISBIĦ FIL-QALBA TA’ PAĊEVILLE
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarjiet Rurali, George Pullicino, flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario De Marco, żaru x-xogħlijiet ta’ pavimentar li nbeda f’Paċeville.
Il-proġett ta’ tisbiħ jinkludi pavimentar ġdid f’partijiet minn Triq San Ġorġ, Triq Wilġa u parti minn Triq Dragunara f’Paceville. Ix-xogħol mistenni li jdum madwar tliet xhur. Dan ix-xogħol ser jinkludi t-tneħħija tal-bankini mit-tliet toroq. It-toroq imsemmija għalhekk ser jiġu f’livell wieħed u ser jiġu installati numru ta’ bollards fit-triq biex ikun hemm separazzjoni bejn il-parti li minnha jistgħu jgħaddu n-nies u l-parti għat-traffiku.
Ix-xogħol fuq kull triq ser isir f’żewġ fażijiet: fl-ewwel ħmistax isir ix-xogħol meħtieġ fuq in-naħa tal-bankini, u wara jitkompla n-nofs l-ieħor tat-triq biex b’hekk l-aċċess pedonali f’dawn it-toroq jibqa’ dejjem miftuħ. It-triq li jkun qed isir xoghol fiha, ser tkun magħluqa għat-traffiku. Għal dan ix-xogħol il-materjal li se jintuża se jkun tal-porfido u se jkopri 2,300 metru kwadru ta’ art.
Il-Ministru Pullicino qal li dan il-proġett mistenni jiġi jiswa €250,000. Dan il-proġett jikkumplimenta l-proġett ta’ tisbiħ li kien sar fil-pjazza ta’ Paċeville fl-2008. Il-Ministru Pullicino fakkar li l-Gvern diġà wettaq numru ta’ proġetti f’din iż-żona turistika, bħat-tisbiħ ta’ Xatt is-Sajjieda f’San Ġiljan u l-promenade mal-bajja ta’ San Ġorġ. Dan filwaqt li saret applikazzjoni biex jitwettaq proġett ta’ tisbiħ fil-pjazza ta’ Spinola.
Il-Ministru Mario de Marco qal li l-proġett itejjeb il-prodott turistiku f’Paceville. Hu qal li l-Gvern qed jinvesti f’diversi proġetti fl-inħawi ta’ San Ġiljan u Paceville bir-riċerka tal-MTA turi li f’sena madwar 650,000 turist iżuru San Ġiljan u madwar 300,000 iżuru Paceville. Fost il-proġetti li qed jitwettqu fl-inħawi, Mario de Marco semma il-proġett tal-ġonna ta’ Pembroke, il-proġett fiż-żona magħrufa bħala ‘Golden Mile’ kif ukoll il-proġett ta’ walking/cycling track u r-restawr tat-Torri tal-Madliena.
Il-Ministru spjega li dawn huma kollha proġetti li jtejbu l-prodott turistiku u jsaħħu l-kompettività ta’ pajjiżna. Hu qal li s-settur privat ukoll qed jinvesti fil-prodott turistiku u qed ikun mħeġġeġ ikompli jinvesti permezz ta’ skemi bħall-iskema ta’ sussidju fuq l-imgħax sa 3% fuq self kif ukoll permezz tal-iskema mill-UE ta’ €10 miljun għall-proġetti ta’ turiżmu sostenibbli. Mario de Marco qal li l-investiment fil-prodott flimkien mat-titjib fl-aċċessibilità u l-investiment fil-promozzjoni effettiva huma t-tlett pilastri ewlenin tal-istrateġija turistika li qed titwettaq mill-Gvern b’koperazzjoni mal-MTA u l-istakeholders fis-settur. Hu qal li din il-koperazzjoni qed twassal għal riżultati pożittivi fis-settur turistiku, b’pajjiżna jkollu erba’ snin rekord fl-aħħar ħames snin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en