Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-KONFERENZA DWAR “UNLOCKING THE FEMALE POTENTIAL” – IL-BELT VALLETTA – IT-TNEJN, 16 TA’ JANNAR 2012

PR0079
Date Icon 16/01/2012

Nixtieq niftaħ dan is-seminar billi nirringrazzja lill-Kummissjoni ta’ din l-istedina. Fl-istess ħin nieħu din l-opportunita’ sabiex nifraħ lil Kummissjoni tax-xogħol kollu li twettaq fil-promozzjoni tal-ugwaljanza. Mingħajr ebda dubju l-ugwaljanza fis-soċjeta’ twassal sabiex ikollna soċjeta’ li tħaddan il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd b’mod ugwali.

Tabilħaqq, f’pajjiżna għamilna passi kbar il-quddiem. Fil-fatt l-aħħar Labour Force Survey tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika (Q2/2011) juri li r-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol zdiedet bi 2.9 fil-mija u laħqet l-40.6 fil-mija meta mqabbla mal-istatistika tal-qgħad fl-2010. 

Għalhekk, huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li l-Kummissjoni qiegħda tniedi r-riċerka li saret fi ħdan il-proġett Unlocking the Female Potential (ESF 3.47 Project). Żgur li r-riċerka li twettqet ser tgħinna nieħdu l-aħjar deċizjonijiet sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna fil-qasam tal-ugwaljanza. Kif diġa’ tafu, dan il-proġett huwa ffurmat minn żewġ partijiet importanti ħafna, madankollu r-riċerka hija għodda mportanti sabiex tagħti stampa ċara ta’ dak li verament qiegħed iseħħ fid-dinja tax-xogħol. Huwa għalhekk li r-riċerka tal-Kummissjoni ffukat ukoll fuq il-perċezzjonijiet tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, l-impatt li għandhom il-benefiċċji soċjali fid-deċizjonijiet dwar ix-xogħol u anke dwar ir-rata ta’ nisa Għawdxin fid-dinja tax-xogħol. 

Min-naħa l-oħra dan il-proġett joffri wkoll iċ-ċertifikazzjoni tal-Equality Mark fejn kumpaniji li għandhom policies u prattiċi ċari ta’ ugwaljanza jingħataw din il-marka.  Dan huwa rikonoxximent lil kumpaniji li ħadmu bis-sħiħ sabiex jassiguraw li l-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs fost il-prinċipji li jħaddnu fuq il-post tax-xogħol. Nieħu pjaċir ukoll ninnotta li s-settur privat qiegħed isegwi f’din id-direzzjoni u jaddotta miżuri sabiex jinċentiva nisa jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol filwaqt li jżommu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.  Il-Gvern jibqa’ impenjat li jservi bħala xprun għall-bqija tas-soċjeta’ biex flimkien nilħqu l-miri tagħna u sabiex ikun hawn iżjed għarfien dwar l-importanza tal-ugwaljanza, speċjalment fid-dinja tax-xogħol.

Nixtieq nemfasizza punt ieħor li nħoss li hu importanti ħafna. L-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika organizzattiva tagħhom, għandhom vantaġġ ċar fuq negozji oħra li joperaw fis-settur tagħhom. Dan instab li huwa dovut għal għadd ta’ fatturi fosthom:

- Aċċess għall-grupp sħiħ ta’ talent: hemm ċans aħjar li reklutaġġ miftuħ għan-nisa u għall-irġiel jaqbad lill-individwi l-aktar kreattivi u ta’ ħila.

- Profittabbiltà akbar permezz tal-inklużjoni taż-żewġ sessi: l-inkuraġġiment mogħti liż-żewġ sessi f’kull livell tal-organizzazzjoni jfisser approċċi aktar innovattivi bbażati fuq il-ħiliet u l-esperjenzi differenti tal-impjegati rġiel kif ukoll tal-impjegati nisa.

- L-istatus ta’ ‘organizzazzjoni ppreferuta’: organizzazzjonijiet li jakkomodaw livell ta’ flessibbiltà filwaqt li joffru opportunitajiet għall-iżvilupp fuq il-post tax-xogħol, jiġbdu lejhom l-impjegati li għandhom l-akbar talenti.

- Inqas spejjeż grazzi għaż-żamma tal-impjegati: aċċess ugwali għal miżuri favur il-familja jgħin biex l-organizzazzjonijiet jżommu magħhom persuni ta’ valur, u b’hekk jiffrankaw l-ispejjeż ta’ reklutaġġ ġdid u ta’ taħriġ.

- Il-perspettiva tal-klijenti: grazzi għall-involviment taż-żewġ sessi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-organizzazzjoni għandha ċans akbar tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-klijenti tagħha.

- Ġestjoni ta’ riskju: it-tħaddin ta’ politika u strutturi kummerċjali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-impjegati kollha, jilqa’ kontra problemi legali li jistgħu jinqalgħu u kontra d-danni għar-reputazzjoni minħabba l-possibbiltà ta’ litigazzjoni.

- Ħolqien ta’ opportunitajiet għal negozju ġdid: qiegħda tikber fost l-investituri u l-impriżi, it-tendenza li jikkunsidraw il-prattika u l-politika organizzattiva favur il-promozzjoni u l-ħarsien tal-ugwaljanza bejn is-sessi: dawn l-entitajiet qegħdin ifittxu dejjem aktar li jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet li jħaddnu l-istess prinċipji f’dan il-qasam.

Dan il-Gvern dejjem emmen li sabiex insostnu x-xogħol, irridu ninvestu f’miżuri li joħolqu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. U huwa propju għalhekk li l-Gvern kien pijunier f’dan il-qasam b’numru ta’ miżuri li qed jibbenefikaw minnhom eluf ta’ rġiel u nisa’. Fil-fatt matul l-aħħar 10 snin, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol telgħet minn 32.2 għal 40.5 fil-mija.  Fost il-miżuri li wettaqna, insemmi l-inċentivi fiskali li permezz tagħhom, ‘il fuq minn 8,600 mara daħlu fid-dinja tax-xogħol u ffrankaw madwar 10 miljun Ewro fi ħlas ta’ income tax. Qed inkomplu ninvestu wkoll biex niftħu aktar ċentri ta’ child care, programmi ta’ wara l-iskola, benefiċċji fiskali, u miżuri li jkomplu jattiraw lin-nies lejn ix-xogħol, mingħajr ma jinfluwenzaw b’mod negattiv il-familja.

Fil-budget għall-2012, ġew allokati 1.3 miljun Ewro sabiex inkomplu nsaħħu s-servizzi li qed jingħataw mill-11-il childcare centre li diġa’ ftaħna u sabiex niftħu tliet ċentri ġodda. Minbarra dan, l-arranġamenti flessibli tax-xogħol u l-provvediment tal-leave speċjali jgħinu lill-impjegati kemm fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku sabiex itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom permezz ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Permezz ta’ dawn il-miżuri favur il-familja, numru sostanzjali ta’ impjegati setgħu isibu bilanċ aħjar bejn ir-responsabiltajiet familjari u dawk relatati max-xogħol. Fost il-miżuri li qed jiġu adottati fis-servizz pubbliku insibu: Leave tal-maternitá; Leave tal-paternitá; Responsibility leave; Leave ta’ adozzjoni; Leave biex trabbi t-tfal; Ħidma f’ħin imnaqqas; Leave taż-żwieġ; Flexitime; Job Sharing; u Teleworking.

Il-Gvern qiegħed jagħti wkoll inċentivi fiskali sabiex jgħin lin-nisa jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Din is-sena fil-baġit għall-2012, tħabbret miżura li ser tkompli tattira ġenituri fid-dinja tax-xogħol. Dan il-pass ser joħloq ukoll riforma fis-sistema tal-income tax għall-ġenituri li jagħżlu li jaħdmu.

Għalhekk, apparti l-kategoriji tal-income tax singola u konġunta, qed nikkrejaw kategorija ġdida ta’ komputazzjoni tal-income tax.  Din il-faxxa ġdida ser tkun tista’ tiġi wżata minn ġenituri li għandhom tfal li ma jaħdmux bi qligħ fil-kustodja tagħhom sal-eta’ ta’ 18-il sena. Dan japplika wkoll għal tfal li għandhom sa 21 sena jekk dawn ikunu qiegħdin ikomplu l-edukazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet edukattivi terzjarji.

Fuq kollox, lejn tmiem is-sena li għaddiet ippubblikajna avviż legali li daħal fis-seħħ immedjatament, u li permezz tiegħu il-leave tal-maternita’ żdied b’ġimgħatejn din is-sena u se jiżdied b’ġimgħatejn oħra fl-2013. Dan ifisser li fi spazju ta’ 12-il xahar se nkunu tlajna minn leave tal-maternita’ ta’ 14-il ġimgħa għal 18-il ġimgħa. L-ommijiet se jkunu jistgħu igawdu minn dan il-benefiċċju mingħajr m’hu se jintefa’ piż fuq min iħaddimhom. 

Matul l-aħħar snin  konna xhieda ta’ qabża sostanzjali fir-rwolijiet tal-mara u tar-raġel fis-soċjeta’ u għaldaqstant fil-promozzjoni tal-ugwaljanza f’kull qasam tas-soċjeta’. Nagħrfu wkoll li baqa’ x’wieħed jistħarreġ sabiex inkomplu mexjin il-quddiem, madankollu hija xi ħaġa tassew pożittiva li sal-lum għandna 32 kumpanija (inklużi dawk li ser jirċievu l-Equality Mark illum) li diġa’ ingħataw l-Equality Mark.  Dan ifisser li 13,000 ħaddiem u ħaddiema qiegħdin jaħdmu f’ambjent ta’ ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.

Il-familja hija l-iżgħar forma ta’ kommunita’ u jekk insawwru l-familji tagħna fuq valuri ta’ ugwaljanza fl-irwoli, drittijiet u dmirijiet, tabilħaqq, nistgħu naslu sabiex ikollna soċjeta’ li hija xempju tal-ugwaljanza u opportunitajiet indaqs. Dawn il-kumpaniji huma xhieda tad-dedikazzjoni ta’ employers li lesti li mhux biss iħarsu l-liġijiet dwar l-ugwaljanza, iżda li jwettqu dawn il-prinċipji fil-prattika matul ix-xogħol u l-operazzjonijiet tagħhom.    

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow