DISKORS TAL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, MINISTRU TAL-INTERN U AFFARIJIET PARLAMENTARI, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MID-DIPARTIMENT TAL-GVERN LOKALI BIT-TEMA: "ENDING REPETITIVE WEAKNESSES REPORTED IN LOCAL GOVERNMENT AUDITS" – IL-QAWRA – IT-TNEJN, 16 TA’ JA
F’dawn is-snin f’dan is-settur tal-Kunsilli Lokali l-liġi kompliet tissoda l-mekkaniżmi li jiggarantulna iktar it-trasparenza u l-akkontabilità f’ħidmet din id-demokrazija amministrattiva. Il-fondi pubbliċi huma flus il-poplu, huwa obbligu legali li nagħtu rendikont sħiħ kif id-dħul u l-kontribuzzjonijiet fiskali jiġu investiti fid-diversi servizzi li joffri l-Gvern u, fil-każ tal-Kunsilli Lokali, direttament fil-lokalitajiet tagħhom, sija fl-ambjent kif ukoll għall-bniedem.
Sabiex is-sistema taħdem aħjar, matul iż-żminijiet żviluppajna sistemi li wasslu għal proċess ta’ verifika dwar l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi li permezz tiegħu jkun hemm serħan il-moħħ f’kif jintefqu l-flus, li ma sarux abbużi u li jkun hemm valur għall-flus li jkunu ntefqu. Is-sistema tal-verifika tal-Kunsilli Lokali tagħna hi parti integrali mill-proċess li jwettaq l-Awditur Ġenerali ma’ kull Ministeru u Dipartiment u li għaliha ġew żviluppati regolamenti u proċeduri speċifiċi li jiffurmaw parti integrali mill-qafas legali li bih jopera l-gvern lokali f’pajjiżna.
Is-sitwazzjoni globali turina li, iktar minn qatt qabel: l-ewwel, il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna fil-kuntest ta’ dak li qed ngħixu fih bħala ċittadini Ewropej bi kriżi finanzjarja li qegħda tolqot f’qasam differenti lil kulħadd; it-tieni, li kien grazzi għal kwalitajiet u d-deċiżjonijiet li ġew meħuda li permezz tagħhom urejna li ninsabu f’pożizzjoni li qed nikkontrollaw l-iżbilanċ finanzjarju kontra bosta pajjiżi ikbar minna. In-nefqa pubblika f’diversi pajjiżi kellha tiġi mrażżna, iżda aħna sibna l-kuraġġ li sena wara l-oħra nkomplu nżidu l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali sabiex tkunu tistgħu tagħtu servizzi iktar sostenibbli lill-komunitajiet li jservu.
Għalhekk huwa importanti li l-proċess li bih jingħata rendikont tal-investiment li qed isir fil-lokalitajiet tagħna, u dan permezz tal-preżentazzjoni tal-Istqarrijiet Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali, jittieħed bis-serjetà u bir-responsabbiltà dovuta u neċessarja skont il-funzjoni rispettivi tagħna.
Determinanti iktar f’dan li s-Segretarju Eżekuttiv, illum huwa uffiċjal pubbliku u parti integrali mid-Dipartiment. M’hemmx għalfejn nirrepeti li hija fdata f’idejh ir-responsabbiltà ta’ Kap Finanzjarju tal-Kunsill Lokali li biddlet kompletament is-sehem tiegħu. Din ir-responsabbiltà hija waħda li rridu nżommu quddiem għajnejna f’kull ġurnata: li s-segretarju jidħol fl-uffiċċju tiegħu u jassigura li qiegħed jitlaq sodisfatt, li l-uffiċċju qed jaħdem skond ir-regoli amministrattivi u li qed iwettaq dak kollu fil-kapaċitajiet tiegħu għal infiq pubbliku effiċjenti favur il-komunità li sservu.
Ir-responsabbiltà lejn l-operat finanzjarju tal-Kunsill għandha tkun waħda li trid tingħata prijorità assoluta, qabel kull dover ieħor u bħala uffiċjali pubbliċi hu mistenni li tagħtu rendikont sħiħ tal-infiq tal-Kunsill. Infakkar li l-Kumitat tal-Fondi Pubbliċi jagħmel l-iskrutinju tan-nefqiet tal-Kunsilli Lokali u jisħaq mad-Dipartiment għal titjib fl-operat finanzjarju u jekk iħoss il-ħtieġa għandu l-poter li jsejjaħ lis-Sindku u lis-Segretarju Eżekuttiv sabiex jagħtu spjegazzjoni ċara ta’ xi nfiq partikolari.
L-Awdituri Lokali, li jaġixxu f’isem l-Awditur Ġenerali, huma parti mill-proċess li jagħtukom il-possibbiltà li ttejbu fuq it-tajjeb li jkun reġistrat u ma huwa xejn aċċettabbli li Kunsill Lokali ma jagħtix każ tar-rimarki dwar in-nuqqasijiet li jiġu indikati. Huwa b’dispjaċir li ninnota li hemm min lanqas jipprova jtejjeb l-inqas rimarki żgħar u li ġeneralment ikunu ħwejjeġ li bi ftit attenzjoni jistgħu jiġu eliminati darba għal dejjem. Se nkunu qed nesiġu li dan kollu jrid jittieħed azzjoni dwaru minn din is-sena stess. Dan huwa determinanti għas-sistema u jrid jitħaddem u jsir sewwa.
Nifhem ir-rwol dinamiku li għandu s-Segretarju Eżekuttiv u kien għalhekk li matul din il-leġislatura din il-kariga saret waħda li tista’ tiġi okkupata minn uffiċjal pubbliku biss. Kien għalhekk li integrajna kull min kien Segretarju Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku u dan sabiex jinqata’ l-mekkaniżmu passat tal-ħatra. Iżda issa rridu wkoll nimmaturaw u nimxu ‘l quddiem billi nagħtu riżultati. Naf li ħafna minnkom tagħtu l-impenn sħiħ lejn il-komunità li sservu kif ukoll b’lealtà bħala uffiċjali pubbliċi. Nifhem ukoll li dan isir b’sagrifiċċju u li wieħed irid jesplora l-bżonn ta’ iktar riżorsi umani, iżda rridu nassiguraw iktar koperazjoni u ħidma biex nirnexxu. Ninsab ċert li d-Dipartiment qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex itejjeb l-għajnuna li jista’ joffri fejn hemm il-ħtieġa, kif ukoll li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jikkollabora mad-Dipartiment ħalli jkollna sistemi iktar effiċjenti, effettivi, effikaċi u li jagħtu valur ikbar lill-finanzi tagħna.
Qegħdin fit-triq lejn strateġija ġdida biex nirnexxu. Aktar milli jkollna diskussjonijiet fuq livell għoli u tekniku bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u d-Dipartiment għandna nisimgħu direttament mingħandkom – u għal dan il-ħsieb li llum ingħaqadtu fl-isforzi tagħkom sabiex flimkien nibdew inwettqu din l-istrateġija ġdida ta’ kif naslu biex inkunu iktar sodisfatti bil-ħidma tagħna lkoll. Għal dan għandna nassiguraw riżultati ferm aħjar mis-sena preċedenti wara l-proċess tal-verifika ta’ din is-sena. Bħalma ttieħdet azzjoni matul din is-sena fejn tnaqqsu fondi għal min ma żammx maż-żmien stipulat għas-sottomissjoni tad-dokumenti, se nkunu qegħdin nagħfsu għal iktar serjetà u iktar attenzjoni fuq l-operat finanzjarju matul is-sena sħiħa. Is-Segretarju Eżekuttiv irid ikun aġġornat u lest li jirrispondi f’kull waqt – mhux l-accountant jew xi membru ieħor tal-istaff. Is-Segretarju Eżekuttiv hu l-uffiċċjal pubbliku, l-estensjoni tad-Dipartiment f’kull lokalità ta’ pajjiżna. Irrispettaw dan id-dover tagħkom u ninsab ċert li flimkien mal-uffiċjali tad-Dipartiment tkunu tistgħu tirreġistraw ħafna iktar titjib fl-operat tagħkom u f’dak tal-Kunsill jew ir-Reġjun tagħkom.
Hu d-dover tagħkom is-Segretarji Eżekuttivi illi matul is-sena taraw li l-fondi pubbliċi jintefqu skont il-Liġi u r-regolamenti. Id-Dipartiment għandu ppjanat sensiela sħiħa ta’ taħriġ f’diversi aspetti mmirati, l-ewwel, biex itejbu l-kwalità tas-servizz li tagħtu u t-tieni, li jtejjeb il-faċilitajiet tagħkom, inkluż aġġornament ta’ regolamenti u proċeduri biex ikun hemm armonija sħiħa fl-operat kollu tal-qasam finanzjarju li huwa verament essenzjali.
F’dan kollu ninsab persważ li intom is-Segretarji Eżekuttivi kburin bil-ħidma li twettqu għall-ġid tas-sostennibbilità tal-gvern lokali f’pajjiżna kif ukoll tal-iżvilupp tal-lokalitajiet tagħna lkoll. Ninsab kunfidenti li, flimkien mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali kif ukoll mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, se taħdmu id f’id ħalli r-riżultati li qed nistennew jaslu fi żmien qasir. Dan ikun is-sodisfazzjon tagħna lkoll u fuq kollox li nagħtu s-servizz li jixtieq u jippretendi minna kull ċittadin ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en