Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, MINISTRU TAL-INTERN U AFFARIJIET PARLAMENTARI, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MID-DIPARTIMENT TAL-GVERN LOKALI BIT-TEMA: "ENDING REPETITIVE WEAKNESSES REPORTED IN LOCAL GOVERNMENT AUDITS" – IL-QAWRA – IT-TNEJN, 16 TA’ JA

PR0077
Date Icon 16/01/2012

F’dawn is-snin f’dan is-settur tal-Kunsilli Lokali l-liġi kompliet tissoda l-mekkaniżmi li jiggarantulna iktar it-trasparenza u l-akkontabilità f’ħidmet din id-demokrazija amministrattiva.  Il-fondi pubbliċi huma flus il-poplu, huwa obbligu legali li nagħtu rendikont sħiħ kif id-dħul u l-kontribuzzjonijiet fiskali jiġu investiti fid-diversi servizzi li joffri l-Gvern u, fil-każ tal-Kunsilli Lokali, direttament fil-lokalitajiet tagħhom, sija fl-ambjent kif ukoll għall-bniedem.

Sabiex is-sistema taħdem aħjar, matul iż-żminijiet żviluppajna sistemi li wasslu għal proċess ta’ verifika dwar l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi li permezz tiegħu jkun hemm serħan il-moħħ f’kif jintefqu l-flus, li ma sarux abbużi u li jkun hemm valur għall-flus li jkunu ntefqu.  Is-sistema tal-verifika tal-Kunsilli Lokali tagħna hi parti integrali mill-proċess li jwettaq l-Awditur Ġenerali ma’ kull Ministeru u Dipartiment u li għaliha ġew żviluppati regolamenti u proċeduri speċifiċi li jiffurmaw parti integrali mill-qafas legali li bih jopera l-gvern lokali f’pajjiżna.

Is-sitwazzjoni globali turina li, iktar minn qatt qabel: l-ewwel, il-mument fl-istorja ta’ pajjiżna fil-kuntest ta’ dak li qed ngħixu fih bħala ċittadini Ewropej bi kriżi finanzjarja li qegħda tolqot f’qasam differenti lil kulħadd; it-tieni, li kien grazzi għal kwalitajiet u d-deċiżjonijiet li ġew meħuda li permezz tagħhom urejna li ninsabu f’pożizzjoni li qed nikkontrollaw l-iżbilanċ finanzjarju kontra bosta pajjiżi ikbar minna.  In-nefqa pubblika f’diversi pajjiżi kellha tiġi mrażżna, iżda aħna sibna l-kuraġġ li sena wara l-oħra nkomplu nżidu l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali sabiex tkunu tistgħu tagħtu servizzi iktar sostenibbli lill-komunitajiet li jservu.

Għalhekk huwa importanti li l-proċess li bih jingħata rendikont tal-investiment li qed isir fil-lokalitajiet tagħna, u dan permezz tal-preżentazzjoni tal-Istqarrijiet Finanzjarji tal-Kunsilli Lokali, jittieħed bis-serjetà u bir-responsabbiltà dovuta u neċessarja skont il-funzjoni rispettivi tagħna.

Determinanti iktar f’dan li s-Segretarju Eżekuttiv, illum huwa uffiċjal pubbliku u parti integrali mid-Dipartiment. M’hemmx għalfejn nirrepeti li hija fdata f’idejh ir-responsabbiltà ta’ Kap Finanzjarju tal-Kunsill Lokali li biddlet kompletament is-sehem tiegħu.  Din ir-responsabbiltà hija waħda li rridu nżommu quddiem għajnejna f’kull ġurnata: li s-segretarju jidħol fl-uffiċċju tiegħu u jassigura li qiegħed jitlaq sodisfatt, li l-uffiċċju qed jaħdem skond ir-regoli amministrattivi u li qed iwettaq dak kollu fil-kapaċitajiet tiegħu għal infiq pubbliku effiċjenti favur il-komunità li sservu.

Ir-responsabbiltà lejn l-operat finanzjarju tal-Kunsill għandha tkun waħda li trid tingħata prijorità assoluta, qabel kull dover ieħor u bħala uffiċjali pubbliċi hu mistenni li tagħtu rendikont sħiħ tal-infiq tal-Kunsill.  Infakkar li l-Kumitat tal-Fondi Pubbliċi jagħmel l-iskrutinju tan-nefqiet tal-Kunsilli Lokali u jisħaq mad-Dipartiment għal titjib fl-operat finanzjarju u jekk iħoss il-ħtieġa għandu l-poter li jsejjaħ lis-Sindku u lis-Segretarju Eżekuttiv sabiex jagħtu spjegazzjoni ċara ta’ xi nfiq partikolari.

L-Awdituri Lokali, li jaġixxu f’isem l-Awditur Ġenerali, huma parti mill-proċess li jagħtukom il-possibbiltà li ttejbu fuq it-tajjeb li jkun reġistrat u ma huwa xejn aċċettabbli li Kunsill Lokali ma jagħtix każ tar-rimarki dwar in-nuqqasijiet li jiġu indikati.  Huwa b’dispjaċir li ninnota li hemm min lanqas jipprova jtejjeb l-inqas rimarki żgħar u li ġeneralment ikunu ħwejjeġ li bi ftit attenzjoni jistgħu jiġu eliminati darba għal dejjem.  Se nkunu qed nesiġu li dan kollu jrid jittieħed azzjoni dwaru minn din is-sena stess.  Dan huwa determinanti għas-sistema u jrid jitħaddem u jsir sewwa.

Nifhem ir-rwol dinamiku li għandu s-Segretarju Eżekuttiv u kien għalhekk li matul din il-leġislatura din il-kariga saret waħda li tista’ tiġi okkupata minn uffiċjal pubbliku biss. Kien għalhekk li integrajna kull min kien Segretarju Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku u dan sabiex jinqata’ l-mekkaniżmu passat tal-ħatra.  Iżda issa rridu wkoll nimmaturaw u nimxu ‘l quddiem billi nagħtu riżultati.  Naf li ħafna minnkom tagħtu l-impenn sħiħ lejn il-komunità li sservu kif ukoll b’lealtà bħala uffiċjali pubbliċi.  Nifhem ukoll li dan isir b’sagrifiċċju u li wieħed irid jesplora l-bżonn ta’ iktar riżorsi umani, iżda rridu nassiguraw iktar koperazjoni u ħidma biex nirnexxu.  Ninsab ċert li d-Dipartiment qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex itejjeb l-għajnuna li jista’ joffri fejn hemm il-ħtieġa, kif ukoll li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jikkollabora mad-Dipartiment ħalli jkollna sistemi iktar effiċjenti, effettivi, effikaċi u li jagħtu valur ikbar lill-finanzi tagħna.

Qegħdin fit-triq lejn strateġija ġdida biex nirnexxu.  Aktar milli jkollna diskussjonijiet fuq livell għoli u tekniku bejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u d-Dipartiment għandna nisimgħu direttament mingħandkom – u għal dan il-ħsieb li llum ingħaqadtu fl-isforzi tagħkom sabiex flimkien nibdew inwettqu din l-istrateġija ġdida ta’ kif naslu biex inkunu iktar sodisfatti bil-ħidma tagħna lkoll.  Għal dan għandna nassiguraw riżultati ferm aħjar mis-sena preċedenti wara l-proċess tal-verifika ta’ din is-sena.  Bħalma ttieħdet azzjoni matul din is-sena fejn tnaqqsu fondi għal min ma żammx maż-żmien stipulat għas-sottomissjoni tad-dokumenti, se nkunu qegħdin nagħfsu għal iktar serjetà u iktar attenzjoni fuq l-operat finanzjarju matul is-sena sħiħa.  Is-Segretarju Eżekuttiv irid ikun aġġornat u lest li jirrispondi f’kull waqt – mhux l-accountant jew xi membru ieħor tal-istaff.  Is-Segretarju Eżekuttiv hu l-uffiċċjal pubbliku, l-estensjoni tad-Dipartiment f’kull lokalità ta’ pajjiżna.  Irrispettaw dan id-dover tagħkom u ninsab ċert li flimkien mal-uffiċjali tad-Dipartiment tkunu tistgħu tirreġistraw ħafna iktar titjib fl-operat tagħkom u f’dak tal-Kunsill jew ir-Reġjun tagħkom.

Hu d-dover tagħkom is-Segretarji Eżekuttivi illi matul is-sena taraw li l-fondi pubbliċi jintefqu skont il-Liġi u r-regolamenti.  Id-Dipartiment għandu ppjanat sensiela sħiħa ta’ taħriġ f’diversi aspetti mmirati, l-ewwel, biex itejbu l-kwalità tas-servizz li tagħtu u t-tieni, li jtejjeb il-faċilitajiet tagħkom, inkluż aġġornament ta’ regolamenti u proċeduri biex ikun hemm armonija sħiħa fl-operat kollu tal-qasam finanzjarju li huwa verament essenzjali.

F’dan kollu ninsab persważ li intom is-Segretarji Eżekuttivi kburin bil-ħidma li twettqu għall-ġid tas-sostennibbilità tal-gvern lokali f’pajjiżna kif ukoll tal-iżvilupp tal-lokalitajiet tagħna lkoll.  Ninsab kunfidenti li, flimkien mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali kif ukoll mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, se taħdmu id f’id ħalli r-riżultati li qed nistennew jaslu fi żmien qasir.  Dan ikun is-sodisfazzjon tagħna lkoll u fuq kollox li nagħtu s-servizz li jixtieq u jippretendi minna kull ċittadin ta’ pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow