JUM IL-GRADWAZZJONI FL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI
98% TAL-ISTUDENTI LI GGRADWAW IL-BIERAĦ DIĠA’ SABU MPJIEG
“Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nħabbar li 98% tagħkom l-istudenti li qed tiggradwaw illum diġa’ għandkom impjieg full time u l-parti l-kbira minnkom dan l-impjieg hu fil-qasam turistiku”. Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina meta l-bieraħ fil-għaxija flimkien mal-Assistent Parlamentari Stephen Spiteri ppresediet iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
F’diskors li għamlet għall-okkażjoni il-Ministru Cirstina qalet li l-Istitut kien qed jiċċelebra s-suċċess li l-istudenti tiegħu kellhom fl-istudji tagħhom li ħejjewhom biex jibdew karriera fl-industrja turistika jew dik tal-ospitalita’. Industrja li hi ta’ importanza kbira għall-ekonomija ta’ pajjiżna u li minn sena għal sena qed tkompli tikber u tagħmel suċċess.
L-eluf kbar ta’ turisti li kull sena jżuru pajjiżna ma jiġux Malta minħabba li għandna ħafna xemx u baħar sabiħ. Jiġu hawn għax għandna prodott turistiku tajjeb li hemm bżonn li nkomplu ntejbuh jekk irridu nibqgħu kompetittivi. Il-prodott turistiku insawwruħ aħna bis-servizz li nagħtu lit-turist u billi nkunu kreattivi anke fil-mod kif noffru dan is-servizz.
Din l-istituzzjoni edukattiva tul dawn l-aħħar 20 sena għenet bis-sħiħ biex inkiseb dan is-suċċess fil-qasam turistiku. Iżda ma nistgħux nieqfu hawn u nikkuntentaw b’dak li ksibna s’issa. Jekk ma nkomplux naħdmu u niżviluppaw, nispiċċaw naqgħu lura u nitilfu dak li ksibna b’tant ħidma u għaqal, sostniet il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Għalhekk il-Gvern kompla jinvesti f’dan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi tant li din is-sena qed joffri korsijiet ġodda filwaqt li qed jilqa’ fih numru rekord ta’ studenti kemm Maltin kif ukoll barranin.
Il-ħsieb hu li nħajru aktar żgħażagħ jersqu lejn dan l-Istitut. Infatti, din is-sena, fl-iskejjel sekondarji beda proġett pilota fejn kienu introdotti erba’ suġġetti vokazzjonali, fosthom l-ospitalita’, biex lill-istudenti tas-sekondarja nibdew noffruhom l-opportunita’ li jsiru midħla ta’ oqsma li jistgħu joffrulhom karriera sabieħa jekk ma jridux jaqbdu suġġetti akkademiċi tradizzjonali.
Mijiet ta’ studenti tas-sekondarja, kemm bniet kif ukoll subien diġa’ għamlu esperjenza ta’ “job shadowing” fil-qasam turistiku u r-reazjoni tagħhom kienet waħda pożittiva ħafna. Issa qed inressquhom aktar lejn dan il-qasam permezz ta’ dan il-proġett pilota.
Il-Ministru qalet li dan kien jum ta’ ferħ għall-istudenti u għall-familji tagħhom. L-istudenti għax temmew b’suċċess studji li jistgħu joffrulhom impjieg tajjeb li jagħtihom sodisfazzjon. U bir-raġun il-familji tagħhom għandhom għax jifirħu meta jaraw li s-sagrifiċċji li għamlu għalihom biex tawhom din l-edukazzjoni, ma kienux għalxejn.
Il-Ministsru tal-Edukazzjoni fakkret li f’din iċ-ċerimonja kien hemm nieqsa il-Kap ta’ din l-istituzzjoni – Claire Zammit Xuereb, li sfortunatament fil-bidu tas-sena, traġedja kbira laqtet lilha u lill-familja tagħha li ħallit lilha armla u lil uliedha orfni.
F’dawn l-aħħar sentejn, Claire flimkien mal-membri tal-Bord ħadmet b’ħerqa u determinazzjoni biex tara din l-istituzzjoni tkompli miexja ‘l quddiem. Fasslet pjani ambizzjużi imnebbħa minn viżjoni dinamika maħsuba biex ikomplu jgħollu l-prestiġju ta’ dan l-Istitut u jkabbar il-konribut tiegħu lejn l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Ministru Cristina sellmet lil Claire Zammit Xuereb u filwaqt li rringrazzjatha għall-ħidma tagħha qalet li “ nafu li hi mara kuraġġjuża u determinata. Mara li tifhem li l-ħajja trid tkompli. U għalhekk nistedinha biex tagħmel il-qalb. Qegħdin nistennewha lura bil-ħerqa biex tkompli tmexxi dan l-Istitut”, temmet il-Ministru fost l-approvazzjoni ta’ dawk kollha preżenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en