IPPUBBLIKAT IL-KTIEB ‘THE GOZO CIVIC COUNCIL: THE STORY OF A REGIONAL GOVERNMENT’
Bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari li kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Konsultazzjoni Pubblika, Monsinjur Dr. Joseph Bezzina ppubblika l-ewwel ktieb ta’ storja dwar il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex bit-titlu The Gozo Civic Council: the story of a regional government. Il-ktieb jittratta l-mixja lejn l-akkwist ta’ kunsill reġjonali responsabbli mill-affarijiet interni ta’ Għawdex, il-ħidma tal-Kunsill Ċiviku sa mit-twaqqif tiegħu permezz ta’ Ordinanza XI fl-14 ta’ April 1961, u jelenka d-diversi proġetti u inizjattivi li ttieħdu minn din l-istruttura tul is-sittinijiet sakemm kienet abolita fl-1971.
F’diskors li għamel waqt it-tnedija tal-ktieb, il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said ta ġieh lil dawk li ħadmu fil-Kunsill Ċiviku. Hu qal li l-ħidma tagħhom wettqet l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin. Deċiżjonijiet li ttieħdu minnhom u proġetti li nbdew jew saru f’dawk iż-żminijiet servew bħala l-pedamenti biex Għawdex jimmodernizza ruħu.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Kunsill Ċiviku għal Għawdex hu importanti għal tliet raġunijiet ewlenin. Qabelxejn jirrappreżenta l-ewwel esperiment bi Gvern Lokali f’pajjiżna. Barra minn hekk il-Kunsill Ċiviku kien ippjana u ta bidu għal proġetti ta’ fejda bħat-tkabbir tal-port tal-Imġarr, il-bini tal-breakwater, il-bini ta’ żona industrijali fil-limiti tar-Rabat, il-bini ta’ Sptar Ġenerali, il-bini tal-qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla, u l-bini ta’ toroq ġodda li għaqqdu l-gżira. Fuq kollox, permezz tat-twaqqif tiegħu, għall-ewwel darba kienet rikonoxxuta r-reġjonalità ta’ Għawdex.
Il-Ministru Chris Said qal li 50 sena u aktar mit-twaqqif tal-ewwel Kunsill Ċiviku, u 18-il sena mill-introduzzjoni ta’ erbatax-il Kunsill Lokali Għawdxi, il-potenzjal ta’ Għawdex żdied b’mod sostanzjali. ‘L-Għawdxin huma kreattivi, bieżla, u innovattivi. Kapaċi japplikaw l-ispirtu tal-innovazzjoni f’oqsma differenti: mill-biedja għall-management; mis-servizzi finanzjarji għat-teknoloġija. Jinħtieġ li Għawdex ikompli jimxi maż-żminijiet. Dan nistgħu nagħmluh billi naħdmu flimkien għal struttura reġjonali, parteċipattiva u responsabbli, li tagħti imbuttatura ġdida lill-iżvilupp tal-gżira tagħna’ qal Chris Said.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina u fissret kif dan il-ktieb ser ikompli jagħti kontribut siewi fit-tixrid ta’ għarfien u d-dokumentazzjoni ta’ diversi aspetti tal-istorja ta’ Għawdex flimkien ma’ publikazzjonijiet oħra tal-istess awtur. Il-Ministru għal Għawdex li din l-inizjattiva torbot ma’ attivitajiet oħra li ġew imtellgħa fl-2011 bħala tifkira xierqa tal-impenn u l-ħidma li saret permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex ħamsin sena ilu.
Hija kompliet tgħid li dan jista’ jitqies bħala punt ta’ tluq li minnu evolvew kunċetti amministrattivi oħra, li permezz tagħhom baqgħet tiġi indirizzata l-attenzjoni politika għall-bżonnijiet reġjonali tal-gżira ta’ Għawdex. U allura wieħed jista’ jiġi għall-konklużjoni li dan il-Kunsill Ċiviku kien esperjenza pożittiva tal-passat li serviet ukoll bħala mudell għall-futur’ qalet il-Ministru Giovanna Debono. Żiedet tgħid li t-twaqqif tal-Ministeru għal Għawdex, l-introduzzjoni tas-sistema ta’ Gvern lokali u s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea lkoll kkontribwew biex il-politika għal Għawdex tkun indirizzata f’kuntest reġjonali fl-isfond ta’ dik li hi l-politika nazzjonali kif ukoll dik Ewropea.
Il-pubblikazzjoni tal-ktieb hi l-aktar inizjattiva riċenti meħuda minn kumitat imwaqqaf mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u mmexxi minn Anton Tabone, maħsuba biex ifakkru t-twaqqif tal-Kunsill Ċiviku għal Għawdex. Matul l-2011 ittellgħu numru ta’ attivitajiet, inkluż konferenza bis-sehem tal-President ta’ CIVEX Luc Van den Brande.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en