L-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA KOMPLIET TIKBER U TOĦLOQ IX-XOGĦOL. IL-QAGĦDA FINANZJARJA TA’ PAJJIŻNA HIJA KREDIBBLI U SOSTENIBBLI
Stqarrija mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista
L-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber u toħloq ix-xogħol filwaqt li l-qagħda finanzjarja hija kredibbli u sostenibbli. Fit-tentattiv tagħha li tiskredita r-riżultati ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż, l-Oppożizzjoni tkompli l-kampanja ta’ negattività billi tbeżża’ li r-reviżjoni mħabbra għall-Budget 2012 il-Ġimgħa li għaddiet b’xi mod se jkollha xi impatt fuq il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali kif ukoll fuq l-ispending power tal-familji Maltin u Għawdxin. Dan mhux minnu.
In-nefqa rikurrenti fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sostenn socjali u s-sostenn għall-iżvilupp kummerċjali, industrijali u kreattiv tal-pajjiż żdiedet. Għall-kuntrarju, fil-Budget 2012, u fir-reviżjoni mħabbra dan l-aħħar, qed jissaħħu l-isforzi biex titnaqqas in-nefqa operattiva u amministrattiva tal-Gvern. Din in-nefqa tfisser żieda fl-effiċjenza fl-operat tal-Gvern u l-multiplier effect li jista’ jkollha hija aktar effiċjenza fl-ekonomija, kuntrarju għal dak li qed tivvinta l-Oppożizzjoni.
Il-Budget ġie preżentat f’kuntest partikolari. Dik li kienet kriżi finanzjarja u ekonomika kibret għal waħda fejn pajjiżi kbar niżlu għarkuppjtehom għaliex għandhom żbilanċi u djun għolja ħafna. Kriżi, li partikolarment minħabba ċ-ċirkostanzi tal-Italja, kompliet taggrava lejn tmiem is-sena 2011. Pajjiżna mhux maqtugħ mir-realtà. Fl-2008, pajjiżna kien qed jimmira għall-bilanċ fil-budget. Iżda fid-dawl tal-kriżi internazzjonali, il-Gvern għażel li jinvesti fl-ekonomija biex isalva u joħloq ix-xogħol. Dan l-oġġettiv qed jintlaħaq, mingħajr ma ġiet ipperikolata l-qagħda finanzjajra tal-pajjiż. Fl-aħħar 4 snin, inkluż din is-sena, il-Gvern investa b’mod qawwi biex noħolqu aktar xogħol f’pajjiżna. B’direzzjoni ċara u inizjattivi konkreti ġie evitat li l-kriżi internazzjonali twassal biex jiżdied il-qgħad.
Mhux talli l-qgħad ma żdiedx. L-Unjoni Ewropea għadha kif ħabbret li pajjiżna kien wieħed minn tmien pajjiżi Ewropej biss li kellu żieda fil-livelli ta’ mpjieg tiegħu, ta’ 3.9%, żieda li hija t-tieni l-aqwa waħda fl-Ewropa, wara l-Lussemburgu, meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel il-kriżi. L-istess rapport jirrimarka li Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku ogħla mill-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej. Dan fisser li bid-deċiżjonijiet responsabbli li ħa l-Gvern pajjiżna mhux biss iddefenda dak li kiseb iżda bena fuqu u qed jagħti ħajja aħjar lill-familji.
Dan kollu sar b’għaqal u responsabbiltà finanzjarja. Il-bieraħ, l-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-finanzi tal-pajjiż huma kredibbli u sostenibbli. Din l-aħbar hija tajba għall-pajjiż, għall-familji. Hija tajba għaliex tagħmel minn Malta pajjiż aktar attraenti għall-investitur barrani. Iżda l-Oppożizzjoni jinteressaha biss l-interess partiġġjan, u biex tilħaq dan l-għan, lesta li tipprova ddgħajjef din l-aħbar u fl-istess ħin tagħmel ħsara lill-pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262017
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...
PR262016en