Left arrow Go Back

NIĠĠIELDU L-OBEŻITÀ FOST IT-TFAL: IMNIEDI PROĠETT LI SE JISTUDJA L-MOVIMENT, L-ATTIVITÀ FIŻIKA U L-ISTIL TA’ ĦAJJA TAT-TFAL MALTIN

PR0043
Date Icon 11/01/2012

L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, dalgħodu nieda l-proġett Mal-ta (movement, activity & lifestyle-tweens in action) li ġie imniedi fl-iskola primarja tas-Siġġiewi.  Dan l-istudju se jsir bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena minn Andrew Decelis bħala parti mill-istudju għad-dottorat tiegħu.

Dan il-proġett għandu l-għan li jistudja l-moviment, l-attivitajiet u l-istil ta’ ħajja tat-tfal Maltin bejn 10 u 11-il sena (tweens).

Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli saħaq dwar il-bżonn ta’ evidenza xjentifika dwar il-bilanċ tal-ħin li t-tfal iqattgħu jagħmlu attività fiżika u l-ħin sedentarju tagħhom. Dan jgħin biex titfassal il-politika dwar l-isport u l-eżerċizzju fiżiku adattata.

Hu fakkar kif fl-aħħar 3 snin il-Gvern waqqaf l-SPU (Sport Promotion Unit) biex tħarreġ lit-tfal tal-iskejjel fl-isport, qabel, waqt u wara l-ħinijiet tal-iskola. Dan wassal biex l-iskejjel kollha primarji jiġu offruti taħriġ fi sport bażiku fis-snin tal-primarja. Fakkar ukoll l-impenn tal-Gvern li jibni faċilitajiet sportivi ta’ kwalità fl-iskejjel tal-Gvern. F’dawn l-aħħar snin inbnew numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel u madwar Malta u Għawdex.

Dan huwa l-ewwel studju lokali li qed juża apparat sofistikat (accelerometers) biex ikejjel l-attività fiżika u l-inattività b’mod oġġettiv minflok bl-użu ta’ kwestjonarju li mhux dejjem jagħti riżultati realistiċi. Dan l-apparat ċkejken li jintlibes fuq ċinturin jista’ jkejjel il-frekwenza, l-intensità u t-tul ta’ ħin ta’ attività u inattività.  Ir-riżultati jistgħu ukoll ikunu magħżula skont ħinijiet differenti matul il-ġurnata u skont ġranet matul il-ġimgħa u anke tmiem-il ġimgħa. B’hekk għall-ewwel darba se jkollna stampa ċara ta’ x’qed jagħmlu t-tfal tagħna. Permezz ta’ kwestjonarju, dan l-istudju mbagħad se jidħol f’iktar dettall dwar l-attivitajiet li jsiru, fejn u ma’ min isiru. Studju preliminari li sar is-sena l-oħra wera li s-subien Maltin huma attivi għal 38 minuta kuljum, u li l-bniet Maltin huma attivi għal madwar 25 minuta kuljum, dan filwaqt li World Health Organisation tirrakomanda li dawn ikunu attivi għal siegħa kuljum. Dan ifisser li f’Malta 7.4% u 1.1% biss tas-subien u bniet rispettivament huma attivi għal siegħa kuljum. Dan jikkonferma trend Dinija u Ewropea ta’ nuqqas ta’ attività fiżika u obeżità fost il-popli avvanzati tad-dinja. Skont stħarriġ tal-Eurobarometer jidher li mal-Ewropa kollha 65% tan-nies jipprattikaw xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku talanqas darba fil-ġimgħa u f’Malta dan il-persentaġġ huwa ta’ 62%.

Dan l-istudju se jagħti aktar data preċiża wkoll għat-tul u l-piż tat-tfal u ħafna studji lokali li saru huma bbażati fuq it-tul u l-piż li tawhom it-tfal stess. Għal dan l-istudju numru ta’ assistenti riċerkaturi mħarrġa se jieħdu l-kejl u l-piż. B’hekk jista’ jinħadem il-body mass index li huwa indiċi ta’ obeżità u nistgħu noħorġu l-percentwali preċiżi ta’ kemm hawn tfal li għandhom piż żejjed.

Wara li jsir dan il-kejl oġġettiv, għan ieħor hu li tiġi esplorata r-relazzjoni bejn l-attività fiżika u l-piż.  Din ir-relazzjoni se tiġi esplorata wkoll f’ħinijiet differenti matul il-ġimgħa, u għas-subien u għall-bniet separatament. L-istudju preliminari fuq kampjun ta’ mitejn wera li tfal ta’ piż eċċessiv huma inqas attivi, anke waqt il-ħin tal-iskola. Dan l-istudju b’ kampjun ħafna akbar ta’ 1200 tifel u tifla minn 56 skola, magħżul mill-NSO, se jidħol f’iktar dettall f’dawn il-fatturi, kif ukoll jistudja fatturi oħra soċjo-demografiċi u ambjentali, inkluż l-ambjent tal-iskola. Se jiġu mistoqsija wkoll domandi bażiċi dwar in-nutrizzjoni tat-tfal.

B’hekk dan l-istudju se jimla vojt li hawn fir-riċerka lokali li tkejjel l-attività u l-inattività b’mod oġġettiv u se jfassal profil tal-attivitajiet tat-tfal. Dan kollu għandu jkun utli għat-tifsil ta’ politika fil-qasam tas-saħħa, attivita` fiżika, sport.  Din hija okkażjoni wkoll biex jiġi mkejjel ix-xogħol li sar fl-aħħar snin lejn it-tisħiħ ta’ kultura ta’ attivita fiżika u sport u ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm wkoll Dr. Charmaine Gauci, Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u Micheline Sciberras, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi.

Dan l-istudju huwa sponsorjat minn Urban Jungle u ssapportjat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard u mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow