Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U L-IMPJIEGI

PR0036
Date Icon 10/01/2012

Il-Gvern Nazzjonalista għamilha ċara ħafna li jemmen li investiment qawwi fl-edukazzjoni hu parti kruċjali mill-politika li permezz tagħha qed jaħdem biex jelimina l-esklużjoni soċjali u joħloq opportunitajiet ta’ xogħol u ekonomija kompetittiva li tilqa’ għall-isfidi tal-lum u ta’ għada f’dinja globalizzata.

Ir-riformi li saru f’dawn l-aħħar snin huma bbażati fuq din il-filosofija. Investiment qawwi u konsistenti fl-edukazzjoni hu essenzjali biex isiru r-riformi li l-Gvern daħal għalihom biex jilħaq il-miri li poġġa għal pajjiżna.

Il-kummenti tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, sfortunatament juru superfiċjalità dwar numru ta’ policies li huma l-fundament tas-settur edukattiv attwali.

L-Abbozz tal-Kurrikulu Nazzjonali żgur li ma jipprovdix mudell wieħed li jgħodd għal kulħadd. Infatti dan l-abbozz ipoġġi l-bażi għal flessibbiltà li għandhom bżonn l-iskejjel biex jirrispondi għal numru ta’ ħtiġiet edukattivi tal-istudenti fil-kuntest soċjali tal-lum. Is-sies ta’ dan id-dokument hu kurrikulu bażat fuq riżultati differenzjati li bħalissa qed ikun pilotat u aġġornat permezz ta’ studju li qed isir fil-Form 1. It-tħassib esperess minn Evarist Bartolo jikkonferma kemm hu meħtieġ li l-prinċipji tal-kurrikulu jkunu implimentati fil-prattika biex il-pubbliku jagħraf u jifhem li neħtieġu mudell differenti għal skejjel u studenti differenti.

Ir-riforma mill-qiegħ fl-edukazzjoni obbligatorja li għaddejja bħalissa għandha diversi faċċati li jikkumplimentaw lil xulxin u li lkoll huma importanti u meħtieġa.  Dawn jinkludu l-iżvilupp tas-sistema tal-kulleġġi, ir-ristrutturar tal-iskejjel speċjali, ir-ristrutturar għas-servizzi tal-isudent, it-tranżizzjoni mill-primarja għas-sekondarja inkluż l-assesjar tal-benchmarking, l-istrateġija għall-kompetenzi bażiċi, l-istrateġiji nazzjonali għal E-learning kif ukoll il-qafas tal-kurrikulu nazzjonali bl-introduzzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali fl-edukazzjoni obbligatorja, u riformi oħra.  Din ir-riforma kumplessa ma setgħetx issir f’dokument wieħed – l-abbozz tal-qafas tal-kurrikulu nazzjonali li jiffoka fuq id-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità għall-istudenti kollha f’kuntest multi-kulturali differenzjat.

Bil-kummenti tiegħu Evarist Bartolo wera li ma fehemx sew il-qafas tal-kurrikulu nazzjonali. Il-kurrikulu joffri sitwazzjonijiet differenti, mhux biss fil-mudell tat-time tables preżentati imma anke kif is-suġġetti differenti iridu jitqiesu skont ir-realtajiet differenti tal-iskejjel tagħna. Hu sinifikanti li r-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti li servew fuq il-kumitat li fassal il-qafas tal-kurrikulu qablu ma’ dan l-abbozz proprju għax għarfu li dan jindirizza r-realtajiet differenti tal-iskejjel f’Malta u Għawdex.

Il-platform tal-e-learning se ssir għodda importanti għal tagħlim personalizzat.  L-importanza tal-E learning tidher mill-fatt li din hi tema li tinstab tul il-kurrikulu kollu u mhux komponent tal-kurrikulu meħud waħdu.

Il-Partit Laburista għandu jara l-prattiċi li qed isiru fil-Kulleġġi biex jifhem kif il-ħtiġijiet edukattivi ta’ komunitajiet vulnerabbli qed ikunu indirizzati. Il-kummenti dwar iż-żona tal-port jikxfu n-nuqqas ta’ apprezzament għax-xogħol siewi li qed iwettqu ż-żewġ kulleġġi involuti – dawk ta’ Santa Margerita u San Ġorġ Preca – biex jiġġieldu l-problema tal-assenteiżmu, il-falliment skolastiku, ir-rabtiet bejn l-iskola u d-dar, is-servizzi għall-istudent u l-kwalità aħjar tat-tagħlim.

Kif indikat il-Ministru Dolores Cristina fid-dibattitu dwar il-Baġit fl-2011 saret reviżjoni tal-pjan edukattiv għal Bormla li beda jitħaddem fl-2009.  Kien rakkomandat li din l-esperjenza tintuża u tinfirex fuq bażi nazzjonali biex tindirizza l-ħtiġijiet edukattivi ta’ komunitajiet vulnerabbli madwar il-pajjiż u din ir-rakkomandazzjoni kienet adottata.

Minn Settembru 2011 erba’ suġġetti vokazzjonali qed ikunu pilotati f’għaxar skejjel sekondarji. Il-metodoloġija tat-tagħlim u l-proċess tal-assessjar imexxu stili ta’ tagħlim li huma marġinati fit-tagħlim akkademiku tradizzjonali filwaqt li jingħataw l-istess stima u valur ma kwalifiki akkademiċi mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki u l-Universita’.

Għandu raġun Evarist Bartolo jsemmi l-ħtieġa li ntejbu t-tagħlim tax-xjenza fis-settur primarju. Kien għalhekk li l-Viżjoni għax-Xjenza kienet żviluppata bħala dokument sħiħ li jikkumplimenta l-qafas tal-kurrikulu nazzjonali. Tajjeb jingħad li l-MATSEC kien sieħeb ewlieni fil-proposta tal-Viżjoni għax-Xjenza u għall-qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.

Diġa’ nafu kemm hu mportanti li jsir assessjar tal-istudenti minn eta’ bikrija. Fil-fatt sa minn Year 1 diġa’ qed isir screening għal-litteriżmu permezz tal-istrateġija għall-kompetenzi bażiċi u t-tagħlim fil-Kindergarten qed ikun rivedut biex insaħħu dan l-aspett ukoll. L-Istatementing Moderating Board qed jagħti prijorità  lill-assessjar kmieni tat-tfal u dan is-servizz, riċentement ingħata ħajja ġdida.

Ir-riformi fl-edukazzjoni qed jindirizzaw il-ħtiġijiet kurrenti tal-pajjiż bl-iskop li tingħata edukazzjoni ta’ kwalità lit-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex. Ħafna professjonisti qed jinvesti bil-kbir f’innovazzjonijiet li qed isiru biex ikun assigurat is-suċċess tagħhom. Il-ħidma fuq il-kurrikulu nazzjonali u l-istrateġija tal-E Learning se jkompli kif ippjanat.

F’dawn l-aħħar jiem il-Prim Ministru iggarantixxa li l-baġit tal-edukazzjoni mhux se jintlaqat minn aktar tnaqqis deċiż mill-Kabinett.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Report by the Auditor General on the Workings of Local Government for the year 2025

PR262016en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Report by the Auditor General o...

More Press Releases Right arrow