Left arrow Mur Lura

IS-SLATEN MAĠI... MILL-BELT VALLETTA U L-MELLIEĦA SA BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM

PR0017
Date Icon 06/01/2012

L-attivitajiet marbuta mal-Festi tal-Milied din is-sena se jiġu fi tmiemhom b’rappreżentazzjoni tal-vjaġġ u ż-żjara tas-Slaten Maġi fl-għar ta’ Betlehem. Ir-rappreżentazzjoni tibda s-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta, tkompli fil-Mellieħa l-Ħadd filgħodu, u tilħaq il-qofol tagħha bil-wasla tal-Maġi f’Bethlehem f’Għajnsielem.

Id-dettalji ta’ din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u minn Franco Ciangura mill-Fondazzjoni Bethlehem f’Għajnsielem. Preżenti kien hemm it-tliet Sindki tal-Kunsilli Lokali li qed jikkollaboraw fuq din l-inizjattiva: Alexiei Dingli tal-Belt Valletta, Robert Cutajar tal-Mellieħa u Francis Cauchi ta’ Għajnsielem.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar l-importanza li l-Kunsilli Lokali jibdew jikkollaboraw u jidħlu għal aktar inizjattivi bi sħab għaliex b’hekk ikunu kapaċi joffru prodott aħjar. Dan jgħodd mhux biss għal attivitajiet iżda wkoll għal proġetti infrastrutturali ta’ ċertu livell. Hu qal ukoll li l-volontarjat u l-parteċipazzjoni tal-NGOs fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet imtella’ mill-Kunsilli Lokali huma essenzjali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said saħaq li l-attivitajiet kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali huma maħsuba biex jippromwovu l-identitajiet u l-wirt storiku tal-lokalijiet rispettivi, jattiraw aktar viżitaturi fosthom turisti, jiġġeneraw aktar kummerċ u jagħtu aktar spazju lill-artisti lokali biex jesebixxu x-xogħlijiet u t-talenti tagħhom.  Spjega l-ħtieġa li kull ftit snin il-Kunsilli Lokali joħorġu b’ideat innovattivi u differenti biex jattiraw aktar nies. B’hekk ma jibqgħux joffru dejjem l-istess.

Ir-rappreżentazzjoni tal-vjaġġ tas-Slaten Maġi hi marbuta mal-Festa tal-Epifanija. Is-sena li għaddiet saret billi l-Maġi qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex sakemm waslu f’Bethlehem f’Għajnsielem. Din is-sena l-vjaġġ kien estiż u se jibda s-Sibt filgħodu minn Misraħ San Ġorġ fil-Belt Valletta fl-1030am. Il-vjaġġ ikompli l-Ħadd fid-9am meta s-Slaten Maġi jitilqu minn Selmun lejn il-qalba tal-Mellieħa. Eventwalment huma jaqsmu l-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer u mistennija jaslu f’Bethlehem f’Għajnsielem għall-ħabta tal-4.15pm.

L-attività Bethlehem f’Għajnsielem, li tagħlaq propju nhar il-Ħadd li ġej, qed tkun finanzjata mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem bl-għajnuna tal-Iskema għal Attivitajiet Kulturali offruta mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika. Hu stmat li permezz ta’ din l-iskema, f’erba’ snin,  il-Gvern se jkun investa mal-€1.2 miljun biex għen aktar minn 200 attività kulturali fid-diversi lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni

PR262015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

Aktar Stqarrijiet Right arrow