Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JGĦIN LILL-KUNSILL LOKALI TAR-RABAT F’GĦAWDEX IWETTAQ PROĠETTI INFRASTRUTTURALI IMPORTANTI

PR0011
Date Icon 05/01/2012

Il-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex) għaddej b’numru ta’ proġetti importanti fosthom il-manutenzjoni fil-qasam tad-djar f’Taċ-Ċawla u t-titjib fl-aċċessibilità tal-Kunsill Lokali bil-ftuħ ta’ customer care fis-sular t’isfel tas-sede tal-Kunsill.

Dettalji dwar dawn il-proġetti u oħrajn li twettqu jew qed jitwettqu ngħataw waqt laqgħa li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said kellu mas-Sindku Samuel Azzopardi u mal-bqija tal-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex). Wara l-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari żar uħud mix-xogħlijiet u mill-proġetti mwettqa mill-Kunsill.

Fir-Rabat se jsiru tliet toroq bl-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali mħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali.  Dawn huma Triq Wied Seqer, Triq Sagħtar, u pari minn Triq Ġanni Vassallo. Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li permezz ta’ din l-iskema, fil-gżejjer Maltin diġà tlestew 277 triq li 33 minnhom jinsabu f’lokalitajiet Għawdxin.

Is-Sindku tar-Rabat (Għawdex) Samuel Azzopardi spjega li fis-sentejn li għaddew, tkompla l-proġett ta’ Pjazza San Ġorġ billi sar il-pavimentar u l-proġett tad-dawl. Issa ħarġet l-offerta għal funtana tal-bronż. Din tagħlaq f’nofs Jannar. Il-proġett kollu ġie jiswa qrib in-nofs miljun Ewro.

Fir-Rabat kienu restawrati wkoll erba’ niċeċ storiċi. Dawn saru b’investiment ta’ madwar €16,000 bl-għajnuna tal-Iskema tar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi Żgħar imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali. In-niċeċ restawrati huma dawk tal-Madonna ta’ Loretu fi Pjazza San Ġorġ, San Alwiġi Gonzaga fi Triq il-Karita’, San Ġorġ tal-Ħaġar, u Kristu Re’.

Fil-Qasam tad-Djar f’Taċ-Ċawla, qed isir proġett bil-kollaborazzjoni tal-Awtorita' tad-Djar li jikkonsisti fi programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali. Qed isir ukoll tisbiħ tal-inħawi madwar il-binjiet bil-bini ta’ bankini ġodda. Inħarġu wkoll żewġ offerti fuq dan il-proġett u x-xogħol ta' madwar il-binjiet issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu.

Sadanittant il-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex), qed jaħdem fuq proġett ta’ uffiċċju tal-customer care.  Dan se jkun jokkupa s-sular t’isfel tal-Banca Giuratale u ladarba jitlesta se jagħmel il-Kunsill Lokali u s-servizzi tiegħu aktar aċċessibbli għall-membri kollha tal-komunità. Il-proġett hu wieħed minn dawk li qed isiru permezz tal-iskema għat-titjib fl-aċċessibilità li hi wkoll imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lill-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti infrastrutturali li jinkludu toroq ġodda u spazji pubbliċi għat-tgawdija ġenerali u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti.  Hu spjega kif fl-erba’ snin li għaddew il-Gvern żied l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali bi 33 fil-mija. Hu stmat li bejniethom il-Kunsilli Lokali rċevew €160 miljun. Dan minbarra l-fatt li l-Kunsilli Lokali qed jirnexxielhom jakkwistaw miljuni ta’ Ewro f’fondi mill-Unjoni Ewropea. B’din l-għajnuna finanzjarja kollha, il-maġġoranza assoluta tal-Kunsilli Lokali qed iwettqu proġetti importanti għall-ġid tal-komunitajiet u r-residenti tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni

PR262015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

Aktar Stqarrijiet Right arrow