AVVIŻ FORMALI LILL-KUNSILL LOKALI TAS-SLIEMA
Bis-saħħa tal-Artikolu 22 (b) tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali Kap 363 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Gvern ħareġ Avviż Formali lill-Kunsill Lokali Tas-Sliema li fih qed ikun avżat li jekk is-sitwazzjoni fi ħdanu ma tiġix rimedjata fi żmien għaxart’ijiem, se jingħata parir lill-President biex il-Kunsill Lokali jiġi xolt.
Fl-Avviż Formali, issir referenza għal rapport imħejji mid-Direttur għad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, u li fih jissemmew l-investigazzjonijiet li saru mill-Internal Audit and Investigations Directorate (IAID). Fuq talba tad-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Gvern Lokali, l-IAID investiga diversi allegazzjonijiet li saru fuq il-Kunsill Lokali Tas-Sliema. Ħafna minn dawn l-irregolaritajiet kienu kkonfermati. B’rabta ma’ dawn l-irregolaritajiet jissemmew ex-Sindku, ex-Segretarju Eżekuttiv, ex-deputat Segretarju Eżekuttiv, u numru ta’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. L-ex Sindku u kunsillieri lokali tressqu wkoll il-Qorti akkużati b’reati differenti.
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali wettaq eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema biex jevalwa l-andament tal-operat tal-istess Kunsill. Dan l-eżerċizzju wera biċ-ċar li qed ikun hemm ċirkustanzi fejn il-Kunsill Lokali mhux qed ikun jista’ jkompli bl-operat tiegħu minħabba tfixkil li beda wara l-proċeduri legali li nbdew fil-Qorti u minħabba nuqqas ta’ ftehim bejn il-kunsillieri. Minkejja li saru sforzi biex jiġu rranġati l-ixkiel u d-diverġenzi, dawn l-isforzi ma taw l-ebda riżultat pożittiv.
Ir-rapport tad-Direttur għall-Gvern Lokali jikkonkludi li din is-sitwazzjoni qed ixxejjen l-andament amministrattiv tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema bir-riżultat li l-ħidma qed tkun imxekkla u mhux qed isir progress fuq numru ta’ inizjattivi.
Fil-konklużjoni tar-rapport, id-Direttur għall-Gvern Lokali jagħti parir li l-Kunsill Lokali Tas-Sliema jkun xolt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014