FESTUBRU 2012: TRADIZZJONI, IKEL U FOLKLOR F’TA’ KERĊEM
Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-ambjent naturali suġġestiv u fertili ta’ Wied il-Lunzjata ser ikun qed joffri xenarju mill-isbaħ fl-attivitajiet marbuta mal-festival ta’ tradizzjoni, ikel u folklor għall-familja kollha. L-Għaqda Mużikali San Girgor flimkien mal-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem ser itellgħu Festubru 2012 fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Ottubru f’dan il-wied li jinsab hekk kif wieħed iħalli l-belt Victoria biex imur Ta’ Kerċem.
Il-programm ser jiftaħ il-Ġimgħa fid-9 a.m. b’mixja informattiva organizzata għat-tfal tal-iskejjel. F’din il-mixja ser tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura u l-wirt naturali u t-tfal ser ikunu akkumpanjati minn Kikku, il-personaġġ marbut mat-tfal fil-proġett ekoGħawdex. Il-mawra ser tkun tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tat-taqsima Hands on Farming fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex. Il-programm ippreparat mill-Kumitat Organizzattiv ser ikun mimli attivitajiet u attrazzjonijiet diversi marbuta direttament mat-tradizzjoni, li fost l-oħrajn jinkludu l-produzzjoni tal-għasel u taż-żejt taż-żebbuġa, l-insiġ tan-newl kif ukoll wirja b’għasafar tal-priża fosthom il-Falkun Malti. Is-Sibt filgħaxija ser jiġi servut inbid lokali u ikel tradizzjonali, waqt li tkun għaddejja fjakkolata u attività animata minn Tal-Fuklar Folk Group, Yanica Dance Academy, Centre Stage Academy, Ta’ Ċiangura Folk Group u kantanti lokali fosthom Joseph Refalo u Ryan Farrugia. Attrazzjoni partikolari matul il-jum tal-Ħadd hija l-logħba tradizzjonali tal-Brilli, li għadha tintlagħab fil-lokalità ta’ Kerċem. Dawk preżenti jkunu jistgħu wkoll iduqu ħobż Malti moħmi frisk u togħmiet oħra tal-kċina Għawdxija. Matul it-tliet ijiem tal-festival ser jiġi ċċelebrat ukoll il-quddies fil-Kappella tal-Lunzjata li toffri lok ta’ devozzjoni f’dan il-wied pittoresk.
Festubru 2012 ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mal-President tal-Għaqda Mużikali San Girgor u kunsilliera mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem.
L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva u l-ħidma ħabrieka tal-Għaqda Mużikali San Girgor biex Festubru ġie stabbilit bħala avveniment kulturali annwali. Hija fissret kif minbarra li jesponi l-karatteristiċi tradizzjonali ewlenin li jagħtu lil Għawdex identità distinta, Festubru se jservi wkoll bħala attrazzjoni addizzjonali fil-gżira bil-għan li jattira aktar it-turiżmu intern f’dan iż-żmien tas-sena. Il-Ministru Debono spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex jippromwovi u jsostni dawn l-attivitajiet li jimxu id f’id mal-proġett ekoGħawdex, li fost objettivi oħra jinkludi l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt tradizzjonali u naturali tal-gżira ta’ Għawdex.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.bandasangirgor.org, fuq Facebook, bit-telefon fuq in-numru 99246047 jew permezz ta’ imejl fuq festubru@bandasangirgor.org.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en