Left arrow Go Back

FESTUBRU 2012: TRADIZZJONI, IKEL U FOLKLOR F’TA’ KERĊEM

pr-2157
Date Icon 03/10/2012

Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-ambjent naturali suġġestiv u fertili ta’ Wied il-Lunzjata ser ikun qed joffri xenarju mill-isbaħ fl-attivitajiet marbuta mal-festival ta’ tradizzjoni, ikel u folklor għall-familja kollha. L-Għaqda Mużikali San Girgor flimkien mal-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem ser itellgħu Festubru 2012 fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Ottubru f’dan il-wied li jinsab hekk kif wieħed iħalli l-belt Victoria biex imur Ta’ Kerċem.

Il-programm ser jiftaħ il-Ġimgħa fid-9 a.m. b’mixja informattiva organizzata għat-tfal tal-iskejjel. F’din il-mixja ser tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura u l-wirt naturali u t-tfal ser ikunu akkumpanjati minn Kikku, il-personaġġ marbut mat-tfal fil-proġett ekoGħawdex. Il-mawra ser tkun tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tat-taqsima Hands on Farming fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex. Il-programm ippreparat mill-Kumitat Organizzattiv ser ikun mimli attivitajiet u attrazzjonijiet diversi marbuta direttament mat-tradizzjoni, li fost l-oħrajn jinkludu l-produzzjoni tal-għasel u taż-żejt taż-żebbuġa, l-insiġ tan-newl kif ukoll wirja b’għasafar tal-priża fosthom il-Falkun Malti. Is-Sibt filgħaxija ser jiġi servut inbid lokali u ikel tradizzjonali, waqt li tkun għaddejja fjakkolata u attività animata minn Tal-Fuklar Folk Group, Yanica Dance Academy, Centre Stage Academy, Ta’ Ċiangura Folk Group u kantanti lokali fosthom Joseph Refalo u Ryan Farrugia. Attrazzjoni partikolari matul il-jum tal-Ħadd hija l-logħba tradizzjonali tal-Brilli, li għadha tintlagħab fil-lokalità ta’ Kerċem. Dawk preżenti jkunu jistgħu wkoll iduqu ħobż Malti moħmi frisk u togħmiet oħra tal-kċina Għawdxija. Matul it-tliet ijiem tal-festival ser jiġi ċċelebrat ukoll il-quddies fil-Kappella tal-Lunzjata li toffri lok ta’ devozzjoni f’dan il-wied pittoresk.

Festubru 2012 ġie mniedi waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mal-President tal-Għaqda Mużikali San Girgor u kunsilliera mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem.

L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva u l-ħidma ħabrieka tal-Għaqda Mużikali San Girgor biex Festubru ġie stabbilit bħala avveniment kulturali annwali. Hija fissret kif minbarra li jesponi l-karatteristiċi tradizzjonali ewlenin li jagħtu lil Għawdex identità distinta, Festubru se jservi wkoll bħala attrazzjoni addizzjonali fil-gżira bil-għan li jattira aktar it-turiżmu intern f’dan iż-żmien tas-sena.  Il-Ministru Debono spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex jippromwovi u jsostni dawn l-attivitajiet li jimxu id f’id mal-proġett ekoGħawdex, li fost objettivi  oħra jinkludi l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt tradizzjonali u naturali tal-gżira ta’ Għawdex.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku www.bandasangirgor.org, fuq Facebook, bit-telefon fuq in-numru 99246047 jew permezz ta’ imejl fuq festubru@bandasangirgor.org.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Disa’ persuni b’diżabilità jiksbu ħiliet ġodda għal aktar indipendenza u opportunitajiet ta’ xogħol

PR262022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

More Press Releases Right arrow