IL- KUMMISSJONI GĦOLJA TA’ MALTA FL-INDJA TIPPARTEĊIPA F’ATTIVITA’ ANNWALI TA’ ROTARY PUBLIC SCHOOL
Fis-26 ta' Novembru 2011, is-Sinjura Theresa Cutajar, Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Indja, ipparteċipat bħala mistiedna speċjali f’attivita’ annwali ta' “Rotary Public School, Gurgaon”. Din hija skola sekondarja b’reputazzjoni għolja fis-subborgi ta’ New Delhi, li hija proġett tar-Rotary Club.
Il-funzjoni annwali, li ġibdet udjenza ta' madwar 2000 persuna, inkluż għalliema, membri eminenti tar-Rotary Club, studenti u l-ġenituri tagħhom, kienet tinkludi ballet bit-tema li tikkonċerna kwistjonijiet kontemporanji tas-soċjetà Indjana, kif ukoll żfin imsejjaħ Tadka Firangi.
Fid-diskors tagħha, il-Kummissarju Għoli ferħet lill-iskola għall-ispettaklu ta’ kwalita li telgħu kif ukoll esprimiet l-apprezzament tagħha għal mod kif l-iskola rnexxielha tintegra kemm eċċellenza akkademika kif ukoll l-iżvilupp tal-personalità tal-istudneti, fil-kurrikulum. Il-Kummissarju Għoli, tkellmet dwar is-sistema edukattiva f'Malta, kif ukoll dwar il-proġetti edukattivi varji imfassla mill-Kummissjoni Għolja ta' Malta flimkien ma' “Rotary Public School”. Hija wkoll enfasiżżat l-intenzjoni li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat permezz tal-organiżżazzjoni ta' inizjattivi ta' interess komuni kif ukoll permezz ta' skambji għall-istaff akkademiku u l-istudenti f'oqsma ta’ interess reċiproku. Il-Kummissarju Għoli elaborat ukoll dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Indja, kif ukoll dwar l-istorja, il-politika u s-setturi ekonomiċi ewlenin ta’ Malta.
Parti mportanti oħra ta’ din l-attivita’ kienet iċ-ċerimonja ta' distribuzzjoni ta’ premjijiet, fejn l-Kummissarju Għoli ppreżentat apprezzamenti lill-studenti idonji. Is-Sur Karan Prakash, student ta’ mertu ta’ din l-iskola, ġie ppreżentat bi premju speċjali mill-Eċċellenza Tagħha, għall-film animat tiegħu, intitolat "Beginning of the End" fuq it-tema "Save Earth", li għenu jirbaħ il-Premju Nazzjonali Indjan ta’ l-Arti Grafika.
Il-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Għoli f’din l-attivita’ kienet riżultat ta’ l-isforzi li qed issiru sabiex tissaħħ il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Indja fil-qasam edukattiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Għolja ta' Malta flimkien mal-Università ta' Malta qed jaħdmu fuq diversi proġetti ma’ numru ta’ institutuzzjonijiet edukattivi Indjani.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014