STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR. LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAL-ĦAMIS U L-ĠIMGHA 8 U 9 TA’ DICEMBRU 2011
Mr Speaker,
Dalgħodu, hija l-ewwel opportunita' li għandi sabiex nirraporta lill-Kamra dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżamm bejn il-Ħamis filgħaxija u l-bieraħ.
Nibda billi nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Konkluzjonijiet ta' dan il-Kunsill Ewropew kif ukoll kopja tad-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern taz-Zona Ewro.
Jiena nqis dan il-Kunsill Ewropew bħala wieħed mill-aktar kruċjali fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea. It-taqlib finanzjarju u ekonomiku li għaddejja minnu kemm l-Unjoni kif ukoll il-Punent, huwa l-akbar wieħed fl-istorja riċenti.
F'dan il-kuntest, inqis li dan il-Kunsill huwa suċċess kbir fis-sens li ġew indirizzati l-elementi li s-swieq finanzjarji kienu qed jistennew sabiex jerġghu ikunu partecipi fl-attivita' ekonomika u b'hekk jigu mħarsa u jinħolqu l-postijiet tax-xoghol. Kif għidt konsistentament fl-aħħar stqarrijiet tiegħi, il-Gvern iqis li l-attivita ekonomika mhix ezerċizzju astratt. Għalina l-ekonomija hija l-ħidma u l-impenn biex jigi maħluq u mħares ix-xogħol u biex jitkattar il-gid li jwassal għal ħajja aħjar għall-ħaddiema u l-familji tagħna.
Is-swieq finanzjarji kienu qed jitolbu mill-Gvernijiet Ewropej żewg affarijiet bażiċi: l-istabbilita' u ċ-ċertezza. Jidhirli li f'dan il-Kunsill, wara dibattitu twil u iebes, wasalna biex sibna l-formola kif nagħtu dawn iż-żewg elementi, iċ-ċertezza u l-istabbilita', li fuqhom is-swieq finanzjarji jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-attivita' ekonomika.
Mr Speaker,
Jiena għidt li dan il-Kunsill Ewropew kien magħmul minn dibattitu twil u iebes. Fil-fatt, il-ħidma għal dan il-Kunsill ilha għaddejja għall-għadd ta' ġimgħat. Hawn nixtieq nirringrazzja b'mod partikolari lir-Rapprezentanza Permamenti ta' pajjiżna għall-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment ghax-xoghol siewi li wettqu. Fil-punt tat-tluq u matul il-proċess kien hemm elementi u proposti li kienu qed ħassbuna. Izda, b'sodisfazzjoni ngħid li l-argumenti u l-punti li ressaqna ġew kkunsidrati u r-rizultat finali huwa wieħed fejn dak kollu li kien qed iħassibna gie indirizzat.
Bazikament, l-għodda bazika li qbilna fuqha f'dan il-Kunsill Ewropew hija budget nazzjonali bilancjat.
Mr Speaker,
Aħna m'għandna l-ebda problema b'dan. Anzi, dan huwa l-programm tal-Gvern. Kif stqarrejt kemm-il darba, il-politika tal-Gvern hija li jasal għal budget bilanċjat u aħna mexjin f'din id-direzzjoni. Kieku ma kellniex ir-riċessjoni tal-2009 u allura kellna nieħdu mizuri eċċezzjonali biex inħarsu eluf ta' postijiet tax-xogħol, kieku llum diġa wasalna. Imma ma jiddispjaċini xejn li għamilna dmirna u ħarisna il-ħobza ta' kuljum ta' eluf ta' ħaddiema taghna. Madanakollu ninsabu fid-direzzjoni t-tajba biex nagħlqu din is-sena billi nkunu wieħed mill-ftit pajjizi li għandhom deficit taht it-3% tal-Prodott Gross Domestiku u noħorgu mill-Excessive Debt Procedure.
Għalhekk, lanqas għandna problema li dawk il-pajjiżi li ma josservawx dan l-element tal-Patt ta' Stabilta' u Tkabbir ikollhom penali u miżuri korrettivi awtomatiċi. Lanqas għanda problema li r-regola ta' budget nazzjonali bilanċjat, l-imsejjħa golden rule, tkun parti mill-Kostituzzjoni tagħna. Nistieden lill-Opposizzjoni biex tinghaqad mal-Gvern sabiex naghmlu dan il-pass ghal harsien tal-impjiegi tal-ħaddiema tagħna u ta' pajjizna. F'dan il-kuntest nixtieq nirringrazzja lill-Opposizzjoni li, skont kif smajt fil-mezzi tax-xandir, qed taqbel mal-posizzjoni li ħa l-Gvern f'dan il-Kunsill.
Dan il-pass, imsejjaħ ukoll compact fiskali, ser jiddaħħal fis-seħħ permezz ta' Trattat Intergovermentali bejn is-17-il Pajjiż Membru taz-Zona Ewro. Disa' pajjiżi oħra, jiġifieri l-bqija tal-Unjoni Ewropea minbarra r-Renju Unit, espremew l-interess tagħhom li jissieħbu f'dan il-proċess. Xorta waħda, ix-xewqa tal-Gvern Malti tibqa' li dan il-proċess ikun proċess tas-27 Pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien ma' dan qbilna li x-xogħol fuq l-Mekkanizmu Ewropew ta' Stabbilita' (ESM) għandu jitħaffef u jigi ratifikat sa nofs is-sena d-dieħla waqt li jitħaffef ukoll ix-xogħol fuq il-Facilita' Ewropea ta' Stabbilita' Finanzjarja (EFSF) fejn huwa stmat li bejniethom ikollhom 500 biljun ewro. Qbilna wkoll li l-Unjoni Ewropea żżid ir-riżorsi tal-Fond Monetarju Internazzjonali b'200 biljun ewro. Dan ifisser li l-Bank Ċentrali tagħna jislef 150 miljun ewro lil dan il-Fond.
Fil-kuntest ta' stabbilita' u ċertezza qbilna li jiġi affermat li l-Private Sector Involvement li kien operat fil-programm Grieg kienet miżura unika u eċċezzjonali.
Matul dan il-Kunsill Ewropew iffirmat it-Trattat ta' Adezjoni tal-Kroazja. Dan huwa pass sinifikattiv ħafna kemm għall-Kroazja, għar-reġjun tal-Balkani kif ukoll għall-bqija tal-Unjoni Ewropea. F'dan it-taqlib kollu, l-Unjoni Ewropea tibqa' strument ta' ġid, stabbilta' u zvilupp.
Il-qasam tal-enerġija gie diskuss ukoll. Hawnhekk komplejna niżviluppaw id-diskussjoni li kellna fi Frar li għadda. Ta' interess partikolari għall-pajjiżna huwa l-fatt li qbilna li hemm bzonn urġenti ta' progress f'għadd ta' oqsma inkluż id-dikjarazzjoni li “ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma' għandu jibqa' iżolat min-networks ewropej tal-gas u l-elettriku jew ikollu is-sigurta tal-enerġija tiegħu mhedda minħabba n-nuqqas ta' konnessjonijiet xierqa”.
F'isem il-Gvern Malti tkellimt ukoll dwar il-ħtiega li l-assi Libjani li bħalissa jinsabu ffrizati jiġu mqiegħda għad-disposizzjoni tal-Gvern Libjan sabiex dan ikun jista' juzahom biex jerġa' jibda jibni dan il-pajjiż. Nieħu gost ninnota li kien hemm qbil dwar dan.
Mr Speaker,
Għaddejna u għaddejjin minn żmien imqalleb. Imma flimkien qed jirnexxilna nieħdu l-passi sabiex nilqgħu u negħlbu dan il-maltemp. L-impenn tal-Gvern tiegħi huwa li jibqa' jaħdem bla waqfien sabiex iħares l-impjiegi tal-ħaddiema tagħna. B'hekk inkunu nistghu nizguraw li jinħoloq il-ġid li jifisser dinjita' u zvilupp personali tal-ħaddiema tagħna, servizzi ta' saħħa u edukattivi xierqa, servizzi soċjali, investiment fl-ambjent u kwalita' ta' ħajja aħjar għall-familji tagħna.
Jalla f'din il-Kamra naħdmu flimkien ghal dan il-għan.
Other Press Releases:
PR262015
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...
PR262014