IX-XOGĦLIJIET FUQ TRIQ SAN PAWL FIL-BELT VALLETTA MEXJIN KIF IPPJANAT - IL-KUNSILLI LOKALI JLESTU 256 TRIQ RESIDENZJALI
Nofs Triq San Pawl fil-Belt Valletta, minn Triq l-Arċisqof ‘l isfel, issa għandha servizzi ġodda u ingħatat wiċċ ġdid bit-tarmak. Ix-xogħlijiet tlestew fil-ġimgħat li għaddew u saru bħala parti mill-proġett tal-Public Private Partnership (PPP) għat-toroq residenzjali. Ix-xogħlijiet saru wara ftehim li kien intlaħaq bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, il-GRTU u l-Kunsill Lokali nnifsu u li permezz tiegħu il-proġett ta’ Triq San Pawl tqassam f’fażijiet sabiex jintlaħqu l-aspettattivi u l-eżiġenzi kemm tar-residenti kif ukoll tas-sidien tan-negozji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said u s-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli żaru l-proġett ta’ Triq San Pawl. Fil-Belt Valletta se jkunu qed isiru ħames erba’ toroq oħra bil-PPP. Minbarra li titkompla Triq San Pawl, se jsiru wkoll Triq San Nikola, Triq l-Isptar il-Qadim, Trejqet l-Isptar il-Qadim u Triq it-Tramuntana.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li bl-għajnuna finanzjarja mgħoddija mill-Gvern taħt skemi differenti inkluż bil-PPP, matul it-18-il xahar li għaddew, il-Kunsilli Lokali lestew 256 triq. Hu qal ukoll li l-Gvern qed ikompli jinvesti fil-Belt Valletta bi proġetti varji sabiex iħares il-wirt storiku. Minbarra l-proġett ta’ Renzo Piano li jinkludi l-bini l-ġdid tal-Parlament u l-proġett tat-Teatru, proġetti oħra li saru fis-snin li għaddew jinkludu r-restawr ta’ Ġnien Hastings, il-Barrakka ta’ Fuq, Misraħ San Ġorġ, ir-restawr tas-Swar, il-pavimentar ta’ Triq il-Merkanti u toroq oħra, ir-restawr tal-Monte di Pietà u l-bqija.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar ukoll li fil-Baġit 2012, l-allokazzjoni finanzjarji annwali li l-Gvern jgħaddi lill-Kunsilli Lokali żdiedet għal €32 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 25 fil-mija fil-baġit tal-Kunsilli Lokali fuq perjodu ta’ erba’ snin. Barra minn hekk il-Gvern ivvota fond ta’ miljun Ewro oħra għal inizjattivi speċjali fil-lokalitajiet, €1.4 miljun għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali, €1.64 miljuni għal servizzi lil Kunsilli Lokali, €1.5 miljun bħala vot kapitali, nofs miljun Ewro għall-ko-finanzjament ta’ proġetti b’fondi tal-UE u €100,000 għat-taħriġ. Dan ifisser li f’erba’ snin il-Gvern se jkun għadda qrib €159 miljun għall-Kunsilli Lokali
Hu qal li fi żmien meta minħabba l-kriżi internazzjonali, pajjiżi oħra qed jaqtgħu il-baġits tal-Gvernijiet Lokali, il-Gvern Malti qed iżidhom. Dan juri li l-Gvern għandu fiduċja fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali għaliex tul is-snin li għaddew, il-maġġoranza assoluta tagħhom ħadmu kemm felħu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262014
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...
PR262013