Left arrow Go Back

IL-KUNSILLI LOKALI B’26 PROĠETT BIEX ITEJBU L-AĊĊESSIBILITA’

pr2411
Date Icon 09/12/2011

Il-Gvern se jkompli jgħin Kunsilli Lokali jtejbu l-aċċessibilita’ fl-uffiċċji amministrattivi u faċilitajiet oħra tagħhom b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tar-residenti kollha tagħhom bl-aħjar mod.  Għal dan il-għan, għat-tieni darba fi spazju ta’ tliet snin, il-Gvern se jkun qed jgħin numru ta’ Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti permezz tal-Iskema dwar Aċċessibilita’ Aħjar fil-Lokalitajiet.  B’kollox se jsiru 26 proġett b’investiment bl-assistenza tal-Gvern li tqarreb lejn il-€200,000. Dawn jiżdiedu mal-14-il proġett li diġà twettqu bl-iskema maħruġa fl-2009.

Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar il-lista ta’ proġetti li se jsiru bl-iskema l-ġdida.  Il-konferenza tal-aħbarijiet ingħatat fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali Tal-Pietà fejn fix-xhur li għaddew sar investiment fl-istallazzjoni ta’ platform lift, passengers lift, u toilets aċċessibbli. Barra minn hekk saru xogħlijiet strutturali fil-binja eżistenti biex issa l-uffiċċji huma aktar spazjużi u għaldaqstant iż-żewġ sulari tal-binja saru aċċessibbli anki b’siġġijiet tar-roti. 

Fl-2009, terz biss tal-uffiċċji amministrattivi tal-Kunsilli Lokali fil-gżejjer Maltin kienu aċċessibbli għal kullħadd. Permezz tal-Iskema dwar Aċċessibilità Aħjar fil-Lokalitajiet imħaddma mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, fis-sentejn li għaddew ingħatat għajnuna finanzjarja biex terz ieħor tal-Kunsilli Lokali saru aċċessibbli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li permezz ta’ din l-iskema, il-Kunsilli Lokali ser ikunu qed jagħtu sehem attiv fit-twettiq tal-politika ta’ Lokalitajiet Sostenibbli, u ċioè li jkunu protagonisti fl-iżvilupp fiżiku tal-lokalità billi jaħsbu sabiex  il-postijiet pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd.  Kemm l-Att dwar Kunsilli Lokali (Artiklu 48) kif ukoll id-dokument tat-Tiġdid “Biex il-Kunsill Jagħtik l-Aqwa Servizz”, fl-ewwel kapitlu tiegħu, jagħmlu enfasi fuq “il-ħtieġa li l-postijiet pubbliċi, b’mod partikolari l-uffiċċju tal-Kunsill, għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar diversi żviluppi li twettqu fis-snin li għaddew fosthom li l-Kunsilli Lokali illum jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jagħtu l-aħjar servizz lir-residenti tal-lokalita li jirrappreżentaw. Il-Gvern jistenna li r-residenti u dawk li jżuru l-lokalitajiet għandhom isibu fl-ufficcji tal-Kunsilli Lokali one stop shop. B’hekk ir-residenti u viżitaturi jkunu jistgħu jmorru mhux biss għall-ilmenti u bżonnijiet relatati direttament mal-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali iżda anki ma’ dawk li huma kompetenza ta’ dipartimenti u entitajiet governattivi.

Il-proġetti kollha li se jsiru bl-Iskema dwar Aċċessibilità Aħjar fil-Lokalitajiet huma dawn:

Kunsill Lokali

Proġett

Il-Belt Valletta

It-twaħħil ta’ poġġamani tul Triq it-Teatru l-Antik

L-Isla

Lift fl-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali

Ħal Qormi

Titjib tal-aċċessibilita’ fil-latrini pubbliċi

Ħaż Żabbar

Titjib ġenerali fl-aċċessiblita’ fl-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali bit-twaħħil ta’ rampi, installazzjoni ta’ lift, u llivellar tal-art.

Is-Siġġiewi

Il-bini l-ġdid tal-Kunsill Lokali se jsir aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali

Iż-Żejtun

Tiżdied l-aċċessibilita’ għal Ġnien San Girgor min-naħa tad-Dar tal-Anzjani u taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-anzjani.

Ħ’Attard

Lift fl-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali.

Birżebbuġa

Se jkunu installati bandli għal tfal bi bżonnijiet speċjali.

Floriana

Alterazzjonijiet fil-latrini taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-anzjani.

Il-Fontana

Titneħħa bankina għolja u perikoluża sabiex ittejjeb l-aċċessibilita’ għall-playing field, is-sala tal-komunita’ u l-latrina pubblika.

L-Għarb

Rampa li ttejjeb l-aċċessibilita’ għall-iskola u għall-uffiċċju tal-Kunsill Lokali

L-Iklin

Titjib fl-aċċessibilita’ għall-uffiċċju tal-Kunsill LOkali

Ħal Kirkop

Lift fiċ-Ċentru għall-Kura tal-Komunita’

Marsaskala

Se jiġu rranġati bankini li m’għandhomx aċċess għal min juża siġġijiet bir-roti

Il-Mellieħa

Rampa li ttejjeb l-aċċess għax-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija

L-Imġarr

Se tiġi rranġata l-bankina li tagħti fuq il-pjazza tar-raħal

L-Imsida

Se jsiru madwar 12-il rampa fuq il-bankini fiċ-ċentru tal-lokal

Il-Munxar

Se jsiru żewġ liftijiet fil-bini li jilqa’ fih l-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali, l-Għassa u l-Klinika

In-Naxxar

Se jsiru rampi fuq il-bankini

Pembroke

Se jkunu installati bandli għal tfal bi bżonnijiet speċjali.

Il-Qrendi

Se tiġi rranġata bankina u se jsir lift fl-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill Lokali

San Ġwann

Se jiġu rranġati bankini li jagħtu aċċess għal diversi postijiet pubbliċi

San Lawrenz

Se jsiru xogħlijiet biex il-bajja tad-Dwejra tkun aċċessibbli għal kullħadd

San Pawl il-Baħar

Se jiġu rranġati bankini li jagħtu aċċess għal diversi postijiet pubbliċi

Ħal Tarxien

Titjib tal-aċċessibilita’ fil-latrini pubbliċi

Rabat (Għawdex)

Se tinbena rampa fiz-zuntier ta’ quddiem il-Knisja dedikata lill-Madonna tal-Grazzja

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru jinawgura investiment ta’ €13-il miljun fl-oqsma tat-teknoloġija, is-servizzi regolatorji u l-avjazzjoni

PR262015

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jinawgura inves...

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Dr George-Marius Hyzler, Maltese Member of the European Court of Auditors, presents the ECA’s Annual Audit Report on the implementation of the EU Budget for 2025 to Mr Charles Deguara, Auditor General

PR262014

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Dr George-Marius Hyzler, Maltes...

More Press Releases Right arrow