Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI, DWAR IL-BUDGET 2012

pr2271
Date Icon 23/11/2011

Mr. Speaker,

B’għaqal u b’serjetà biss nirbħu l-maltemp. Dan hu l-messaġġ ewlieni li l-Gvern li jiena għandi l-unur li mmexxi jixtieq li jwassal lill-poplu kollu tagħna f’dawn iż-żminijiet imqallba li qegħdin ngħixu lkoll flimkien.

Huwa messaġġ ta’ fiduċja li hu minsuġ madwar il-karatteristiċi ewlenin li dejjem kienu r-raġuni għaliex il-poplu tagħna iffaċċja, rebaħ u ħataf sfidi u opportunitajiet li sab ma’ wiċċu tul l-istorja twila tiegħu.

L-għaqal u s-serjetà tal-poplu tagħna li dejjem spikkaw, imma spikkaw speċjalment f’dawk il-mumenti ta’ kriżi li pajjiżna sab ma’ wiċċu fil-mixja tiegħu lejn maturità politika, ekonomika, soċjali u kulturali. Huma karatteristiċi li spikkaw meta l-poplu tagħna induna li l-aktar ħwejjeġ għeżież għalih kienu fil-periklu.

Spikkaw meta lkoll flimkien għexna żmien fejn id-demokrazija f’pajjiżna kienet mhedda u kellna nerġgħu nakkwistaw il-libertajiet tagħna.

Spikkaw meta l-poplu tagħna għaraf li s-settur privat hu l-mutur ekonomiku ta’ pajjiżna u mhux Gvern li jrid jiddettalek fejn taħdem, x’tagħmel, x’tixtri u anki x’tisma’ u x’tara.

L-għaqal u s-serjetà spikkaw fl-akkwist tal-Indipendenza, fit-twaqqif tar-Repubblika u quddiem l-għażla bejn sħubija fl-Unjoni Ewropea u Svizzera fil-Mediterran.

Spikkaw imbagħad meta kellna nagħmlu l-għażla ta’ aktar integrazzjoni fl-Unjoni Europea u għażilna li nadottaw l-Ewro bħala l-munita tagħna. Kienet għażla li fissret li pajjiżna ried jagħmel sagrifiċċji biex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja u ekonomika tiegħu għaliex sħubija fl-Ewro kienet tesiġi li pajjiħ jilħaq kriterji ta’ dħul li kienu u għadhom iebsin.

Illum nirrikonoxxu li dik kienet għażla għaqlija ħafna għaliex dawk is-sagrifiċċji li l-poplu tagħna għamel fis-snin bejn l-2004 u l-2007 wassluna biex meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, aħna konna pajjiż li kien diġà wettaq numru ta’ riformi li tawh is-saħħa ekonomika u finanzjarja li kellu bżonn biex stajna nilqgħu għall-maltemp li faqqa’ fit-tieni nofs tas-sena 2008 u baqa’ għaddej magħna sal-lum.

L-għaqal u s-serjetà ħarġu fil-beraħ proprju matul dawn it-tliet snin u nofs u cioè minn mindu faqqgħet l-ewwel kriżi finanzjarja li ġabet il-kollass ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar u magħrufa fl-Amerka u ftit wara fl-Ewropa.

Kriżi finanzjarja u riċessjoni li ġabu kollass f’pajjiżi kbar ħafna li konna nqisuhom l-aktar pajjiżi b’saħħithom fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja.

Għaqal u serjetà li wrejna meta minħabba d-daqqa tar-riċessjoni l-Gvern kellu jintervjeni biex salvajna eluf kbar ta’ impjiegi fil-fabbriki tagħna, fl-impriżi tagħna, fl-industriji tagħna. F’dak iż-żmien diffiċli fassalna u implimentajna pakkett ta’ stimolu ekonomiku li ġie kkalkulat mill-istess Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-akbar pakketti li Gvern tal-Unjoni Ewropea iddedika għall-impjiegi. Dan għamilnieh biex insalvaw fabbriki importanti f’pajjiżna li kienu qegħdin jaħsbu li jnaqqsu l-impiegi jew li f’ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali saħansitra jżarmaw l-operazzjoni tagħhom minn pajjiżna.

Pakkett ta’ stimolu li ssarraf għaliex mhux biss salvajna l-postijiet tax-xogħol imma inċentivajna lill-istess kumpaniji biex jinvestu u jkabbru l-operazzjonijiet tagħhom f’Malta malli tgħaddi l-kriżi. Fosthom:

• It-Trelleborg żiedet l-impjegati minn 450 għal 564 – żieda ta’ 114 impjegat
• Methode żiedet l-impjegati minn 748 għal 1,008 – żieda ta’ 260 impjegat

Hemm oħrajn bħalhom.

Kien għalhekk bis-saħħa ta’ investiment għaqli li fil-mument ta’ bżonn għen lil dawn il-fabbriki imma li rrenda lura dak kollu li tajna bħala għajnuna għaliex ġab investiment akbar u ħolqien ta’ aktar mijiet ta’ postijiet tax-xogħol.

Ta’ min infakkar lil din il-Kamra u lill-eluf ta’ haddiema li bbenefikaw illi fl-2009, il-kumpaniji li ġew mgħejuna mill-Gvern għamlu investiment ta’ €35 miljun f’pajjiżna, filwaqt li fl-2010 investew €74 miljun oħra.

Dawn huma riżultati li jagħmlulna ġieħ. Riżultati li juru bil-fatti kif l-għaqal u s-serjetà jwassluna biex nirbħu l-maltemp li kien, għadu u ser jibqa’ jdur madwarna żgur fix-xhur li ġejjin.

Hawnhekk ma nistax ma nsellimx u ma nirringrazzjax lill-investituri Maltin u Għawdxin, lill-employers kollha li ħadmu magħna b’mod mill-aktar kostruttiv u kreattiv biex sibna soluzzjonijiet fattibbli u vijabbli.

Nirringrazzja lill-ħaddiema nfushom, lill-Unions tagħhom u lill-Korpi Kostitwiti kollha li wkoll fehmu kemm kien hemm bżonn li naħdmu flimkien f’dawk iċ-ċirkostanzi diffiċli u delikati li għaddejna minnhom.

Kienu mumenti kulltant drammatiċi iżda li llum nħarsu lura lejhom u nirrikonoxxu li għandu jkollna sodisfazzjon kbir li dak li għamilna flimkien tagħna l-aqwa riżultat possibli – salvajna l-post tax-xogħol għall-ħaddiema tagħna, għall-familji tagħna, għall-għarajjes tagħna – u llum qegħdin naraw li dak li għamilna ma kienx flus fil-ħela, imma, kif għedt diġà, qiegħed jagħtina riżultati li minnhom qegħdin tgawdu intom il-ħaddiema; intom il-familji ta’ dawn il-gżejjer; intom li qegħdin tiggradwaw mill-Università, mill-MCAST u mill-istituzzjonijiet l-oħra ta’ tagħlim u taħriġ li għandna f’pajjiżna. 

L-Unjoni Ewropea stess irrikonoxxiet li l-pakkett ta’ stimolu finanzjarju li l-Gvern Malti ipprovda fil-qofol tal-krizi, jiġifieri fl-2008 u l-2009, kien fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.

Forsi l-uniku nota stunata f’dan kollu ġejja biss minn naħa tal-Oppożizzjoni li donnha trid tgħidilna biex ma nagħmlux għaġeb għaliex wara kollox infaqna ftit miljuni. Diskors li smajnieħ ukoll jiġi ripetut nhar it-Tnejn li għadda mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Sinċerament nemmen li dan id-diskors dispreġattiv, ġej minn dak li hu suppost huwa l-Partit tal-Ħaddiema, ma jagħmel ġieħ lil ħadd u l-anqas ma hu għaqli.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrepeta u rrepeta l-kelma “għaqal” fil-messaġġi tiegħu tal-aħħar ġimgħa imma sinċerament nemmen li: diskors li jmaqdar lil pajjiżna; diskors li jaqta’ qalb il-ħaddiema tagħna; diskors li jpinġi kollox iswed; diskors li jwarrab jew saħansitra jmeri t-tajjeb li għandna u s-suċċessi li qegħdin nirreġistraw f’tant oqsma – dan kollu mhuwiex għaqli għal ħadd – anzi ħsara biss jagħmel.

Jien m’inix qiegħed ngħid għall-kritika fejn hi ġustifikata. Dik naccettaha kif dejjem għamilt u meta żbaljajt ammettejt li żbaljajt u kkoreġejt fejn stajt. Imma hemm differenza bejn kritika ġustifikata u d-diskors li issa drajna nisimgħu :
• X’għaqal hu li taħbi r-realtà li għexna u qegħdin ngħixu?
• X’għaqal hu li twarrab is-suċċessi ekonomiċi li pajjiżna qiegħed jakkwista frott is-sagrifiċċji li l-poplu tagħna ġie mitlub li jagħmel?
• X’għaqal hu dan li f’mument fejn aħna ninsabu imdawrin b’inkwiet u instabbiltà kbira f’pajjizi viċini ħafna tagħna, tipproġetta messaġġ li donnu qisu ma qiegħed jiġri xejn?
• X’għaqal hu dan li tiggarantixxi ċertu stqarrijiet li ma jiddependux minnek imma jiddependu fuq is-swieq internazzjonali?

Jaħasra din ma hijiex xi logħba politika biex issib ruħek fil-poter. Il-parti d-diffiċli ma hijiex kif tikseb il-poter imma kif tamministra dak il-poter meta jkun f’idejk fil-mumenti d-diffiċli; fil-mumenti tal-prova.

U bħalissa pajjiżna dan għandu bżonn. Għaqal u serjetà minn kulħadd f’dan il-mument ta’ prova diffiċli ħafna li għaddejjin minnu lkoll flimkien.

Għaqal u serjetà li wera l-poplu Malti u Għawdxi mill-2008 l’hawn meta pajjiżna qed jara ma’ wiċċu l-mewġ kollu li ġej minn pajjiżi oħra - kemm Ewropej kif ukoll dawk barra l-Ewropa.

Din il-Kamra taf li dak li seħħ tliet snin ilu bil-kriżi finanzjarja u r-riċessjoni mondjali, għadu għaddej bl-effetti diżastrużi tiegħu. F’dawn l-aħħar sitt xhur dħalna f’fażi ġdida u inkwetanti ħafna.  Issa nħolqot il-kriżi marbuta man-nuqqas ta’ fiduċja fis-swieq internazzjonali finanzjarji u qegħdin naraw gvernijiet eletti demokratikament jikkollassaw mhux minħabba proċess demokratiku imma minħabba l-forza ta’ dawn is-swieq li f’daqqa waħda tilfu jew tellfu l-fiducja f’dawk l-istess gvernijiet.

L-Amerka għada sal-lum ma tistax issib irkaptu tal-ekonomija tagħha u għandha waħda mill-ogħla rati ta’ defiċit li kellha f’dawn l-aħħar snin. Imma aktar viċin tagħna rajna pajjiżi, bħall-Greċja, l-Irlanda, Spanja, il-Portugall u issa anke l-Italja jgħaddu minn mumenti diffiċli, u nkunu magħhom fl-isforzi biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni għall-ġid tagħhom u tagħna lkoll.

Min isegwi l-iżviluppi jaf li għad hemm instabbiltà kbira fis-swieq internazzjonali finanzjarji, liema instabbiltà qegħda tpoġġi pressjoni kbira mhux biss fuq il-pajjiżi taż-żona tal-Ewro imma anke fuq pajjiżi li huma barra miż-żona tal-Ewro.

Donnu qisu dan ma kienx biżżejjed. Pajjiżna ġie imsejjaħ biex jagħti eżempju ta’ għaqal u serjetà fix-xhur li għaddew meta l-poplu tagħna iffaċċja kriżi oħra li pajjiżi oħra Ewropej ma ffaċċjawx jew ma ffaċċjawx daqsna. Fi Frar ta’ din is-sena faqqgħet il-kriżi fil-Libja wara li fix-xahrejn ta’ qabel kienet bdiet ir-rivoluzzjoni Għarbija fit-Tuneżija u fl-Eġittu. Sa Frar li għadda kienu waqgħu żewġ dittaturi – dawk tat-Tuneżija u l-Eġittu – bil-popli ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi jibdew l-ewwel passi diffikultużi tagħhom lejn sistema ġdida demokratika.

Minn dak iż-żmien kien qiegħed jidher ċar li l-għawġ beda jgħolli rasu sew fin-naħa tagħna tal-Mediterran.

Imma fi Frar faqqgħet r-rivoluzzjoni tal-poplu Libjan kontra r-reġim ta’ Gaddafi.

Għalina din kienet il-parti l-aktar diffiċli mill-avvenimenti kollha li kienu qegħdin iseħħu.  Diffiċli u drammatiċi. Fin-nofs kellna l-fama tagħna ta’ pajjiż serju, il-fama tagħna ta’ poplu sensittiv li jivvalorizza l-ħajja u d-dinjità tal-persuna; il-fama tagħna ta’ poplu li jkun dejjem fuq in-naħa tas-sewwa, in-naħa t-tajba tal-istorja.

Imma għalina u għall-Gvern tiegħi ma kinitx biss kwistjoni ta’ fama u reputazzjoni.

Kienet ukoll kwistjoni ta’ riskji kbar għall-ekonomija tagħna għaliex ma tridx wisq biex tifhem li l-ġlied f’pajjiż ftit bogħod minna kien ser jaffettwana. L-eluf kbar ta’ nies jaħarabu minn dak il-ġlied, l-eluf ta’ midruba u vittmi ta’ azzjonijiet mill-aktar ħorox kontrihom u l-ġlied li kien hemm fit-toroq ta’ Tripli, Benghazi, Misurata, Sirte u postijiet oħra fil-Libja  – dan kollu kellu effetti diżastrużi fuq numru ta’ Maltin li kienu jaħdmu jew investew fil-Libja u li għalhekk kellhom kollox imdendel ma’  ħajta.

Ma nistax ma nsemmix ukoll l-impatt qawwi li ħassew uħud mill-fabbriki tagħna li jesportaw lejn il-Libja u li sabu ruħhom esposti fuq kuntratti u ordnijiet li saru għal-Libja – ordnijiet li f’daqqa waħda sparixxew minn fuq il-kotba tagħhom.

Fi ftit ġranet intilfu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol; valur ta’ miljuni ta’ ordnijiet li pperikolaw postijiet tax-xogħol f’fabbriki f’Malta filwaqt li ġew f’riskju l-miljuni kbar li investituri Maltin kellhom u għad għandhom fil-Libja.

Dan apparti r-riskju enormi li konna qegħdin niffaċċjaw għall-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna li spiċċat tbati anke għaliex kien hawn min – u dan nistħi ngħidu – Maltin stess li għal raġunijiet purament politiċi partiġġjani għamlu ħilithom biex ipinġu lil pajjiżna bħala pajjiż li kien qiegħed fil-periklu ta’ xi sparar ta’ missili mill-Libja għal fuq gżiritna.

Il-messaġġ ta’ dawn it-talin li jiktbu fil-gazzetti li jappoġġjaw lill-Partit Laburista, kien messaġġ ta’ qtigħ il-qalb, ta’ biża, ta’ twerwir li żgur kellu l-iskop li jgerrex lil min ikun imħajjar iżur lil gżiritna.

Fortunatamanent min ried jaqta’ qalb il-poplu tagħna ma rnexxilux jagħmel dan. L-għaqal u serjetà tagħna u tal-poplu tagħna ħarġuna minn din is-sitwazzjoni ta’ diffikulta kbira, u nieħu pjaċir ngħid, li ħarġuna bl-unuri. Kburi b’dak li għamel il-poplu tagħna f’dawk il-mumenti diffiċli u uħud minnhom drammatiċi. 

Ilqajna hawnhekk fostna eluf kbar ta’ ċittadini minn pajjiżi oħra li kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenza u l-periklu li kien għaddej fil-Libja.

Ilqajna hawnhekk żewġ piloti li fl-ewwel ġranet tar-rivoluzzjoni għamlu att erojku, abbandunaw lill-forzi tal-ajru ta’ Gaddafi u ippilotaw żewġ ajruplani tal-gwerra (Mirages) lejn pajjiżna u malli waslu Malta talbu kenn politiku. Kenn politiku li tajnihom mingħajr diffikulta għaliex il-gwida tagħna minn dejjem kienu l-għaqal u s-serjetà speċjalment fid-deċiżjonijiet id-diffiċli u riskjużi li kellna nieħdu. Żammejnihom hawnhekk fostna għal seba’ xhur u rrifjutajna li nirritornaw iż-żewġ ajruplani tal-gwerra lil Gaddafi anke meta bdiet ġejja pressjoni qawwija kontra tagħna.

Ilqajna f’pajjiżna Libjani u oħrajn feruti.  Tajna l-għajnuna u l-appoġġ lill-forzi tal-ajru ta’ pajjiżi differenti waqt li dawn kienu fuq missjoni ta’ no fly zone biex tigi infurzata riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fuq talba tal-Kapijiet tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Transizzjoni magħmula lili personalment mill-Prim Ministru (ta’ dak iż-żmien) Jibril – f’mument kritiku ħafna - ipprovdejna trasport għal-Libjani feruti li kienu maqbuda f’Tuneż mingħajr mezz ta’ trasport lura lejn il-familji tagħhom f’Misurata u Benghazi. Malta għamlet magħhom dak li pajjiżi oħra ma rnexxielhomx jagħmlu.

U din il-Kamra taf li kull fejn stajna, anke b’riżorsi limitati, lqajna fostna feruti u dewwejnihom fl-isptarijiet tagħna.

U rbaħna r-rispett u l-gratitudni mhux biss tal-poplu Libjan imma wkoll tal-komunità internazzjonali kollha mingħajr eċċezzjoni. Xhud ta’ dan kienu d-diskorsi sbieħ ta’ persunaġġi magħrufa li ġew Malta propju biex iwasslu dan l-apprezzament b’mod personali.

Imbagħad tiġi hawn. Tisma’ diskors ta’ sagħtejn u donnu dan kollu qisu qatt ma kien xejn. Kollox mistur. Kollox moħbi. Kollox mgħotti.

Min lest li jagħmel kollox biex jakkwista l-ambizzjoni politika tiegħu, lest ukoll li jissagrifika l-verità. Imma kif jgħid il-Malti, d-dnub ma jorqodx u ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.  U l-poplu Malti u Għawdxi jaf x’qed jiġri madwaru anki jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jixtieq li ma jkunu jafu xejn dwar x’qed jiġri fil-pajjiżi ta’ madwarna.

Qiegħed ngħid dan kollu biex nispjega d-diffikultajiet li għaddejna minnhom f’dawn it-tliet snin li għaddew u b’mod speċjali f’dawn l-aħħar għaxar xhur. Diffikultajiet kbar li ffaċċjajna, irbaħna u dawwarna f’opportunitajiet.

Għalhekk kull analiżi ekonomika li ssir dwar ir-rizultati li ser inkunu akkwistajna sal-aħħar ta’ din is-sena; dwar il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, dwar il-qagħda tax-xogħol, dwar it-turiżmu, dwar l-investiment barrani – kull analiżi ġenwina u sinċiera ma tistax issir jekk mhux fil-kuntest ta’ din ir-retroxena drammatika li għexna flimkien.

X’jiswa li tiġi tgħidli prosit kemm mexxejt tajjeb f’din il-kwistjoni tal-Libja jekk ma taċċettax il-fatt li anke b’dak il-periklu kollu ser jirnexxielna nagħlqu din is-sena b’wieħed mill-aħjar riżultati ekonomiċi li qatt akkwista pajjiżna; b’track rekord mill-aqwa ħdejn pajjiżi oħra li qegħdin għarkubbtejhom; b’rekord fit-turiżmu, rekord fil-ħolqien tax-xogħol; u b’numru rekord ta’ studenti jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom fit-toroq tagħna minflok li jipprotestaw fit-toroq bħal ma qed jagħmlu miljuni ta’ żgħażagħ oħra bla xogħol fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Pajjiżna rnexxielu jibqa’ sod fir-rotta tiegħu u baqa’ pajjiż kapaċi joħloq ix-xogħol, jikkrea l-ġid u jqassmu b’ġustizzja soċjali.

Tant li wasalna sa hawn b’Budget li ġie imfassal biex iwieġeb b’mod konkret għal realtajiet ta’ madwarna jiġifieri l-bżonn li nikkonsolidaw il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna; il-bżonn li noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar; il-bżonn li ninvestu fis-setturi ekonomiċi kemm dawk industrijali kif ukoll dawk tan-negozji ż-żgħar; il-bżonn li nkomplu nindukraw it-turiżmu, ninvestu fl-edukazzjoni ta’ uliedna, fil-karriera taż-żgħażagħ tagħna; fil familji tagħna u fl-anzjani tagħna; u f’dak kollu li jsaħħaħ il-kultura u l-identità tagħna.

Hekk għamilna. U rnexxielna nagħmlu dan għaliex ħdimna b’għaqal u serjetà u flok smajna minn Oppożizzjoni mhedija biex tmaqdar kollox u lil kulħadd b’pariri ħżiena li kienu jdaħħluna f’ħajt, bħalma ġara lil pajjiżi oħra, ħsibna biex nagħmlu l-għażliet anke l-iktar diffiċli u forsi l-inqas popolari.

It-tentazzjoni li tagħżel dak li jagħmlek popolari qegħda dejjem hemm.  Imma min għandu r-responsabbiltà ta’ tmexxija jaf li l-popolarità mhux qies tajjeb biex tiddeċiedi dak li hu sewwa.

F’dawn it-tliet snin kien neċessarju li nwieġbu għaż-żieda rekord tal-prezz taż-żejt. Kultant ninsew li l-prezz taż-żejt fi żmien l-aħħar Gvern tal-Labour (1996-1998) kien ta’ $12-il barmil. Minn dak in-nhar iż-żejt qabad rota li fit-tieni partI tal-2008 wasslet għal prezz ta’ kważi $150-il barmil. Bħalissa qiegħed jilgħab bi prezz ta’ ftit inqas minn $100-il barmil. Il-Ħadd li għadda ltqajt ma’ persuna u qaltli fakkarhom li f’dawn l-aħħar erbgħa ġimgħat il-prezz taż-żejt varja bi 30%.

Dan iqiegħed piż kbir fuq dawk li jridu jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kemm tagħmel hedging, dwar ir-rata tal-kambju tad-dollaru mal-ewro; dwar deċiżjonjiet li trid tieħu anke jekk ma tkunx tista’ tbassar bi preċiżjoni dak li jkun qiegħed iseħħ.

Hemm bżonn li niftakru li din l-instabbiltà kollha fil-prezz taż-żejt gabet magħha sfida kbira għall-Gvern li jiena mmexxi. Fassalna pjan fit-tul għall-enerġija ta’ pajjiżna b’għażliet diffiċli li kellhom isiru fl-interess ta’ pajjiżna. Għażliet li ser nispjega aktar ‘il quddiem, imma fosthom għażla waħda speċifika – dik li nħeġġu, ngħinu u nissusidjaw lil dawk il-familji u negozji kbar jew żgħar li kienu lesti li jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva li tipproduċi l-enerġija mix-xemx.

Fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dan il-punt ma ssibu mkien. Anzi toħroġ kontradizzjoni f’dak li qiegħed jipproponi. Minn banda jgħidlna li hu jemmen li għandu jkun hemm bidla fil-mod ta’ kif nintaxxaw f’pajjiżna u allura qiegħed jissuġġerixxi li nibdew nintaxxaw lil min iħammeġ, u fl-istess nifs jgħidilna li jiġri x’jiġri hu ser inaqqas it-tariffi tad-dawl u l-ilma anke lil min ma ħaqqux igawdi minn dan it-tnaqqis.

Dan ma jidhirlix li hu għaqal.

Bħal ma jidhirlix ukoll li konna nkunu għaqlin li kieku għamilna dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jgħidilna li missna għamilna fir-rigward tat-Tarzna. Il-poplu tagħna jaf li kien neċessarju li nsibu rkaptu darba għal dejjem tat-Tarzna li kienet qegħda tixorbilna €25 miljun kull sena f’sussidji f’telf li fl-aħħar sentejn laħaq livelli insostenibbli.

Kien neċessarju li nindaħlu biex insalvaw lill-Air Malta, asset strateġiku ta’ importanza nazzjonali kbira, minħabba l-impatt tal-prezz taż-żejt u l-kompetizzjoni qalila li kienet tfaċċat fuq is-suq.

Kien neċessarju li nagħmlu riforma fit-Trasport Pubbliku biex nagħtu lill-poplu tagħna sistema ta’ karozzi tal-linja moderni, li ma jniggsux; aċċessibbli u li jinkoragguk tirkibhom b’servizz li jixirqilna lkoll.

Dawn kienu kollha deċiżjonijiet iebsin għalina, speċjalment fiċ-ċirkostanzi tal-kriżi finanzjarja. Imma ahna għarafna li l-għaqal u s-serjetà ma jistgħux jitkejlu bil-kliem fieragħ jew bl-illużjonijiet. Niftakru wkoll li d-deċiżjonijiet tal-Air Malta u t-Trasport Pubbliku għadhom ‘work in progress’. L-għaqal u s-serjetà jitkejlu bil-kwalità tad-deċiżjonijiet li nieħdu minn żmien għal żmien ispirati mill-kriterju ta’ dak li hu sewwa u mhux ta’ dak li issibu fuq in-naħa tal-konvenjenza politika jew tal-populiżmu komdu.

Smajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jaqbel mal-mod kif il-Gvern Malti ttratta l-kwistjoni tal-Libja. Imma allura ma jistax jippretendi li l-kuntest li fih qed isir dan il-budget ma jinkludix ukoll din ir-realtà. Naħseb għandi raġun nistaqsi għaliex ma lissinx imqar kelma waħda dwar dawk il-mumenti drammatiċi li għexna flimkien. Jaf id-diffikultajiet li kellna għax żammejtu nfurmat. Jaf ukoll li dawk id-diffikultajiet kellhom bilfors impatt ekonomiku fuq ir-riżultati għal din is-sena li qegħdin fiha u li qegħdin nippreżentaw f’dan il-budget. Hu ċar li apposta għażel li jaħbi dan mill-analiżi tiegħu.

Smajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li llum huma biddlu r-rotta tagħhom dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-Ewro. Imma allura għaliex ma jiddistakkax ruħu minn dak li jikteb u jgħid l-Onorevoli Alfred Sant li għadu sal-lum jinsisti li dak kien żball.

Smajnik tgħid li inti temmen fis-settur privat imma allura għaliex titkaża għaliex tajna kumpens lis-sidien tal-karozzi tal-linja b’ġustizzja magħhom għaliex xtrajna l-liċenzji li kellhom?  Mela issa għalikom li Gvern iħallas kumpens xieraq sar xi kapriċċ?

Jiena nieħu pjaċir nisimgħak titkellem dwar d-drittijiet ċivili tal-persuni imma allura għaliex ma taqbadx u tagħti lura lis-sidien it-tlett każini Laburisti li kienu nsterqu mingħand is-sidien privati biex għamiltuhom każini politiċi tagħkom? Possibbli inti tista’ tgħix komdu ma’ skandlu li sar mill-partit tiegħek fiż-żmienijiet meta pajjiżna kien għaddej mid-dlam tas-soċjaliżmu estrem?

Dan kollu jikkuntrasta bil-kbir mad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni li smajna nhar it-Tnejn li għaddew.

Dak kien diskors li jibda bl-ewwel sentenza tiegħu: “Il-poplu Malti u Għawdxi qatt ma beża’ mill-futur. Irnexxejna għax ma bżajniex”.

Ma stajtx nemmen dak li kont qiegħed nisma’. Irid inessina li fil-ħajja politika tiegħu għamel ħiltu biex jipperswadina li ma kienx jaqblilna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea.

Irid inessina l-argumenti kollha li domna nisimgħu għaxar snin sħaħ, mingħandu u mingħand sħabu – argumenti mibnija fuq is-sens ta’ inferjorità li l-Partit Laburista għandu għall-poplu tagħna.

Iridna ninsew li qalulna li pajjiżna makku; li jekk nissieħbu fl-Unjoni Ewropea nieħdu miljun lira biss; li l-vuċi tagħna madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet Ewropej tkun f’minoranza u ma tinstemax; li jekk nissieħbu ż-żgħażagħ tagħna jkollhom imorru għal-lieva.

Iridna ninsew il-mass meetings li kienu jagħmlu u f’kull wieħed minnhom kienu jiġu b’lista ta’ fabbriki u negozji li skont huma kienu ser jagħlqu.

Iridna ninsew li huma iffriżaw l-applikazzjoni għas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea u riduna nkunu Svizzera fil-Mediterran mingħajr ħadd ma jaf din x’kienet.

Iridna ninsew li hu tant kien deċiż li hu kontra s-sħubija li saħansitra mar f’pajjiż ieħor – l-Iżlanda – biex jipperswadihom ħalli ma jissieħbux fl-Unjoni Ewropea.

Qalilna: “Il-poplu Malti u Għawdxi qatt ma beża’ mill-futur. Irnexxejna għax ma bżajniex”. Dan hu veru – imma mhux grazzi għall-Partit Laburista – Partit li għamel ħiltu biex ibeżża’ lill-poplu Malti u Għawdxi mill-futur. Hu veru għaliex il-poplu Malti sab mexxejja tal-Partit Nazzjonalista li konsistentement emmnu fil-kapaċità ta’ dan il-poplu li jwelled nazzjon, jindukraħ, joħolqu ekonomija vibranti u jwasslu għal sħubija fil-komunità Ewropea biex jieħu postu fejn jixraqlu – fil-qalba tal-Ewropa.

U sfortunatament il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu juża l-istess strateġija.  Filwaqt li jistqarr li l-poplu Malti rnexxielu għax ma beżax, imexxi partit li l-media kollha tiegħu tintuża biex tiżra’ l-biża’, id-dubju, il-qtigħ il-qalb, kemm b’mod kollettiv kif ukoll kontra kull min ma jaqbilx magħhom.

Nhar it-Tnejn li għadda jiena segwejt b’attenzjoni id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dak dover tiegħi u bħal ma nagħmel dejjem f’dawn l-okkażjonijiet, ma niddejjaq qatt nesprimi l-apprezzament tiegħi lilu u lill-politiċi kollha li żgur jagħtu sehemhom b’mod ġenwin għall-interessi ta’ pajjiżna.

Imma rrid nerġa’ nirrimarka li f’diskors ta’ sagħtejn il-Kap tal-Oppożizzjoni ma sabx il-ħin li għal ħames sekondi biss jirrikonoxxi l-maltemp enormi li qegħdin ngħumu fih bħalissa u li għadu jfaqqa’ bil-kbir madwarna. Qed ngħid dan mhux biex nirrepeti lili nnifsi imma għaliex jidhirli sinċerament li l-poplu tagħna jistħoqqlu li jkollu l-istampa ċara, realistika u sħiħa quddiemu.

Is-sena d-dieħla ser tkun sena diffiċli.  Il-maltemp għadu għaddej u qiegħed jikkarga. Imma aħna għandna xorta nagħmlu kuraġġ. Wasalna sa hawn b’riżultati sbieħ ħafna li jnisslu fina enerġija ġdida li nixtiequ naqsmuha mal-poplu tagħna kollu, mill-kbir saż-żgħir.

Għalhekk il-messaġġ tagħna lkoll għandu jkun wiehed ta’ realiżmu imma wkoll ta’ fiduċja, kuraġġ u entużjażmu.

Fil-Budget ta’ din is-sena ppreżentajna programm sħiħ biex nilqgħu flimkien għall-maltemp ta’ madwarna u ndawru l-isfidi f’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u ħolqien tal-ġid. Għall-Kap tal-Oppożizzjoni dan il-programm qisu ma ġiex ippreżentat.

Minflok ma rrisponda għall-programm ippreżentat fil-baġit, fil-preżentazzjoni tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li kien qiegħed jippreżenta 51 hekk imsejħa proposta.

Suppost 51 proposta konkreta. Il-verita’ hi li dawn huma kollha dikjarazzjonijiet idoqqu fil-widna imma bla sustanza. Kulħadd jista’ jagħmilhom imma l-mistoqsija vera hi : X’qiegħed tipproponi preċiż? Kemm tiswa? Kif ser titwettaq? Min ser iħallas għaliha?

Meta tagħsar kollox issib li nofshom - 25 - huma dikjarazzjonijiet ta’ intenzjonijiet sbieħ, 14 oħra diġà qed jitwettqu, u 3 minnhom huma diġà parti mill-programm dikjarat tal-gvern fil-proċess li jitwettqu fix-xhur li ġejjin. 

Ħa l-okkażjoni wkoll li jerġa’ jsemmi l-kwistjoni tal-Onorarja.  Naturalment ma semmiex il-fatt li l-Awditur ikkonferma li ma sar xejn  ħażin.  Iżda li hu importanti mhux dak.  Għalih li hu importanti qal li aktar minn hekk huwa l-fatt li dwar l-Onorarja qal li malli jsir Prim Ministru jreġġa l-arloġġ lura. Iwaqqaf Kumitat u imbagħad jerġa’ jreġġa l-arloġġ ’il quddiem biex jiżdiedu l-Onorarja. Jien diġà għidt li setgħet ġiet implimentata aħjar, fid-dawl ta’ deċiżjonijiet li ħadna fil-leġiżlatura li għaddiet li bihom ġew indirizzati sitwazzjonijiet ta’ deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, u jafu x’qed ngħid.

Nhar it-Tnejn li għaddew qalilna: “Il-poplu ma qabbilx lilu nniffsu ma’ min hu f’qagħda agħar minnu, iżda ħares lejn min hu aħjar biex nitgħallmu minnu, nilħquh u naqbżuh”

Dan x’tahwid hu. Is-sena li għaddiet inti qabbiltna ma’ Ċipru. Issa x’sar minn Ċipru? Mela d-diskors tiegħek tilgħab bih kif trid inti. Sena ilu għedtilna hekk :

“Mhux biss Lawrence Gonzi mhuwiex kapaċi daqs ta’ qablu imma lanqas huwa kapaċi daqs mexxejja oħra ta’ pajjiżi kompetituri tagħna.  Ħudu l-gżira ta’ Ċipru.  Dawn daħlu magħna fl-Unjoni Ewropea, daħlu magħna fiż-żona ewro u kulħadd iqabbilna magħhom. ......  Mela allura kif taħt l-Onor. Lawrence Gonzi l-Maltin waqgħu lura u ċ-Ċiprijotti, bil-kriżi internazzjonali b’kollox, qabżu ‘l quddiem?!  Issa nittama li ma jiġix il-Prim Ministru jgħidilna li l-kriżi ma laqtitx lil Ċipru!” 

Onor. Kap tal-Oppożizzjoni mhux hekk ser ngħidlek. Ser ngħidlek bil-kontra. Il-kriżi laqtet lil Ċipru daqs kemm laqtet lilna, imma proprju għaliex ma smajniex minnek aħna qegħdin f’qagħda aħjar minnhom filwaqt li nawgurawlhom biex jirkupraw malajr kemm jista’ jkun.

Fl-2010 kellhom deficit ta’ 5.3%. Aħna kellna deficit ta’3.6%
Fl-2011 il-qgħad hu ta’ 7.8%. Aħna għandna 6.2%

Fl-2010, l-Eurostat qal hekk :

In all, 25 Member States recorded a worsening in their government balance relative to GDP in 2009 compared with 2008, and two (Estonia and Malta) an improvement.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li ma jsemmi xejn dwar is-suċċessi li qegħdin nirreġistraw fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna.  Irid jaħbilkom dawn il-fatti ukoll:

Fl-aħħar pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (15 ta’ Novembru) jirriżulta li meta tqabbel Ġunju tas-sena l-oħra ma’ Ġunju ta’ din is-sena dawk li jaħdmu bi qliegħ full-time żdied bi 3,112.
Fl-istess perijodu ta’ żmien il-qgħad niżel bi 8.3% għal 6,212.

L-impiegi mas-settur privat jilħqu 72.4% tat-total li tfisser żieda ta’ 2.3% fuq Ġunju tas-sena l-oħra.

Fl-istess perijodu ta’ żmien - Ġunju 2010 sa Ġunju 2011 - kellna żieda ta’ 2,568 mara li daħlu fid-dinja tax-xogħol.

It-total ta’ ħaddiema jaħdmu part-time żdied bi 3.9%. It-total ta’ ħaddiema li għandhom post full-time u xogħol part time żdied b’5.2%.

Ma jidhirlekx li dawn huma riżultati ta’ Gvern li qiegħed jirnexxielu jasal fejn ħaddiehor ma jasalx? Ma jidhirlekx li dawn ir-riżultati akkwistati meta ntilfu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol fil-Libja, huma riżultati li għandhom jagħmluna kburin u jimlewna b’kuraġġ għall-ġejjieni?

Ma taħsibx li qiegħed tagħmel ħażin li taħbi dan kollu mill-poplu tagħna?   U allura dan mhux għaqal.

Dawn ir-riżultati qed nakkwistawhom biss bi tmexxija tajba imma wkoll bl-isforzi ta’ kulħadd.  U jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jaħbi dawn ir-riżultati qed jipprova jaħbi r-riżultati miksuba bil-ħila tal-poplu Malti kollu.

Qiegħed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni oħra importanti li turi l-progress li qegħdin nirreġistraw f’dan il-pajjiż. Din l-iskeda turi ż-żieda fis-salarji annwali gross li qegħdin nirreġistraw u tesponi b’mod ċar il-fatt li kellna żidiet sostanzjali fil-medja tal-pagi fit-tmien snin li għaddew jiġifieri mill-2004 sal-lum.

Għandi dokument ieħor li juri t-tnaqqis qawwi li kellna mill-2009 sal-lum fin-numru ta’ sensji li fl-2009 kienu jlaħħqu total ta’ 2,003 u din is-sena huwa ta’ 1,254.

Dokument ieħor li wkoll qiegħed inpoġġi fuq il-mejda juri ż-żieda fl-attività ekonomika li rreġistrajna f’dawn l-aħħar tliet snin billi testrapola n-numru ta’ postijiet tax-xogħol vojta li ġew reġistrati mal-ETC. Din il-grafika turi li filwaqt li fl-2009 in-numru ta’ postijiet battala tax-xogħol kien ta’ 5,927, din is-sena laħqet iċ-ċifra ta’ 10,756.

Dawn huma kollha riżultati ta’ politika li f’ħafna aspetti tagħha tmur kontra dak li l-Oppożizzjoni tgħidilna li għandna nagħmlu. Eżempju klassiku ta’ differenza kbira bejna u l-Oppożizzjoni huwa l-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn il-proġetti. Għal raġuni li għadni ma nistax nifhimha sal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni u sħabu għandhom ħabta jikkritikaw bil-goff ċertu proġetti li qegħdin nagħmlu bl-argument li dawn huma ħela ta’ flus il-poplu.

Aħna naraw l-affarjiet mod ieħor. Fl-opinjoni tagħna, dawn huma proġetti li jġibu qabża ta’ kwalità kbira għal pajjiżna u fl-istess ħin jipprovdu x-xogħol għal mijiet ta’ ħaddiema direttament u indirettament. Ħalli nsemmi ftit eżempji:

Bini tal-iskejjel ġodda, qed nibnu skola ġdida kull sena
Ħaddiema: 70 fuq is-sit u madwar 50 oħra li jipprovdu servizzi għall-bini tal-iskola. 



MCAST
Dan hu proġett b’investiment ta’ €120 miljun. Fuq xogħol ta’ skavar u l-bini tal-ewwel fażi hemm 40 ħaddiem.  Mis-sena d-dieħla, kif il-bini jibda jiġi attrezzat, il-ħaddiema jiżdiedu b’100 oħra u jitilgħu għal 140.

Proġett Daħla tal-Belt
Dan il-proġett b’investiment ta’ €80 qed jaħdmu fuqu, fuq is-sit, 70 persuna.  Dan minbarra oħrajn li jaħdmu lilhinn mis-sit fosthom kumpaniji li jippreparaw ħadid, enforcement, concrete, konsulenti, ħaddiema fil-barrieri u periti.

Pjazza San Ġorġ
Waqt li kien għaddej il-proġett kien hemm 73 ħaddiem jaħdmu f’xi fażi jew oħra tal-proġett.

Santu Wistin, ir-Rabat
Il-proġett li għaddej fl-inħawi ta’ Santu Wistin fir-Rabat, fejn qed isir proġett ta’ pavimentar jaħdmu medja ta’ 20 ħaddiem kuljum.

Ġnien pubbliku f’Baħar iċ-Ċagħaq
Qed isiru proġetti ta’ postijiet miftuħa għall-familji.  Għamilna l-proġett ta’ Qui si Sana u bħalissa qed isiru Parks ġodda f’Baħar iċ-Ċagħaq, il-Mellieħa u Wied il-Għajn li bħalissa hemm jaħdmu 80 ħaddiem kuljum fuq dawn il-proġetti. Dawn se jiżdiedu aktar ma javvanza x-xogħol.

Impjant ta’ Sant’Antnin
Waqt li kien għaddej il-proġett tal-immodernizzar tal-Impjant ta’ Sant’Antnin kien hemm 55 ħaddiem. Immodernizzar li l-Oppożizzjoni kienet kontra tiegħu.

Swali ġodda f’SVPR
Fuq il-proġett ta’ swali ġodda f’San Vincenz de Paul, fejn saru swali ġodda għal persuni li għandhom id-dimentia, kien hemm 130 ħaddiem f’fażijiet differenti tal-proġett.

M’Xlokk Breakwater
Fuq il-proġett tal-Breakwater hemm 70 ħaddiem jaħdmu.

Proġett taż-Żewwieqa Waterfront f’Għawdex
Fuq dan il-proġett, taż-Żewwieqa Waterfront f’Għawdex, li għaddej bħalissa, hemm 45 ħaddiema.

Issa dan ma jinkludix mijiet ta’ negozjanti żgħar u medji li jgawdu indirettament minn din l-attività kollha. Qiegħed nirreferi għal mastrudaxxa, plumbers, electricians, bejjiegħa tal-għamara, white goods u tant oħrajn li direttament jew indirettament igawdu minn din l-attività ekonomika.

Għalhekk ankè fuq dan il-punt aħna ma naqblux. Qegħdin noħolqu aktar xogħol f’settur li għandu bżonn imma qegħdin ukoll nagħmlu qabża ta’ kwalità mill-medjokrità għal dak li hu tal-ogħla livell kreattiv; mis-second hand għal ġdid fjamant; minn dak li jniġġeż għal dak li hu ambjentalment aċċettabbli fid-dinja tal-lum.

U hawn jidhirli li għandi nirreġistra suċċess ieħor kbir li rnexxielna nakkwistaw din is-sena għat-tielet sena konsekuttiva. Is-suċċess fit-turiżmu. It-tielet sena ta’ rekord fin-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna, fl-iljieli li qattgħu hawnhekk u fl-ispiża li nefqu waqt iż-żjara tagħhom hawn. Anke hawn, is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni iżda ġie għaliex investejna miljuni kbar fir-reklamar ta’ pajjiżna, fl-aċċessibilita’ minn u lejn pajjiżna u fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Din ta’ l-aħħar hi mportanti ħafna. L-investiment tagħna fil-proġetti tal-Kottonera, fl-Imdina, fir-restawr tas-swar, fil-Belt Valletta, fl-aċċessibilita lejn il-Belt Valleta nkluż il-lift li ser jgħaqqad il ‘cruise liner terminal’ mal-qalba tal-Belt u f’tant proġetti oħra qiegħed isir mhux għaliex aħna ħalja u nieħdu pjaċir nonfqu l-flus ta’ min iħallas it-taxxi f’pajjiżna, imma qiegħed isir għal żewg raġunijiet ewlenin.

L-ewwel raġuni għaliex aħna għandna d-dmir li nagħtu lil uliedna pajjiż isbaħ u aħjar minn dak li writna aħna mingħand missirijietna.

It-tieni raġuni hi għaliex aħna nemmnu li Malta toffri esperjenza unika u eċċezzjonali għal min jagħżel li jiġi jżurna. Il-forte tagħna m’huwiex biss il-baħar (illum nadif) ta’ madwarna u x-xemx tiżreg kważi s-sena kollha, imma huwa l-kultura, l-wirt, il-patrimonju li aħna għandna u li ħadd fid-dinja ma għandu bħalu.

Mhux ta’ b’xejn li minkejja l-kriżijiet kbar mill-pajjiżi li minnhom jiġu t-turisti tagħna, xorta din is-sena se tkun sena oħra rekord.  Bilfors qed nagħmlu xi ħaga tajba Mr. Speaker.

Dan hu l-għaqal ta’ veru.  Huwa għaqal ukoll għax qatt ma nieqfu u ngħidu li għamilna biżżejjed.  Dejjem naraw x’nistgħu nagħmlu aktar.

Fid-diskors tiegħu ta’ nhar it-Tnejn li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa għamel xi ħaġa li issa drajnieha : eżercizzju fittizju biex jipprova jargumenta li miżuri mħabbra fil Budget tas-sena l-oħra ma ġewx implimentati.

Bħal ma għamilt fis-snin li għaddew qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokument li jispjega preċiż fejn wasalna fit-twettieq ta’ dawn l-inizjattivi kollha u li jikxef in-nuqqas ta’ serjeta u s-superfiċjalita tal-analiżi tal Kap tal-Oppożizzjoni.

Per eżempju proprju fil-bidu jgħidilna “Wiegħed li jwaqqaf Fond għat-Taħriġ tal-Intraprenditorja. Ma sar xejn”. Imbagħad insibu li l-Programm ‘Entrepreneurship through Education’ twaqqaf u qiegħed jitħaddem b’20 proġett innovattiv fi skejjel differenti li gawdew mill-iskema li poġġiet €100,000 f’fond apposta.

Qalilna “Wiegħed li se jwaqqaf grupp ta’ ħidma biex iħares lejn metodi u l-proċessi tax-xiri fis-settur pubbliku, jipproponi strateġiji u jtejjeb l-effiċjenza. Ma sar xejn”. Imbagħad insibu li dan sar, tlesta abbozz ta’ Kodiċi li jidħol fid-dettal u dan ser jigi ppubblikat dalwaqt.

Qalilna “Wiegħed programm favur id-dħul ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Ma sar xejn”. Imbagħad insibu li din il-miżura giet implimentata b’Avviż Legali Nru 13 tal-2011.

Qalilna “Wiegħed li jissewwa l-breakwater tal-Port il-Kbir. Ma sar xejn”. Meta fil fatt ix-xogħol ta’ tiswijiet fuq il-breakwater fuq in-naħa tal-Belt Valletta beda u jispiċċa sas-Sajf li ġej.

Qalilna “Wiegħed politika Nazzjonali u pjan ta’ azzjoni favur il-kultura tat-tifdil. Ma sar xejn”. Imbagħad insibu li dan ġie ppubblikat fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali li bħalissa qiegħed għall-konsultazzjoni pubblika.

Qalilna “Wiegħed waterpark ġewwa Buġibba. Ma sar xejn” imbagħad insibu li l-Water Park ġie approvat mill-Bord tal-MEPA u nħarġu t-tenders.

Qalilna “Wiegħed li jirranġa Forti Sant’Iermu. Minflok €17.7 Miljuni nefqu €50,140.” Imbagħad insibu li saret applikazzjoni għall-fondi tal-ERDF biex isir restawr komplet ta’ dan il-Forti. Inħarġu żewġ sejħiet għall-offerti waħda għal ‘project management’ u l-ieħor għax-xogħolijiet meħtieġa.

Insomma nistieden lil min għandu ż-żmien biex jaqra r-rapport sħiħ li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra li minnu tinkixef l-falsita tal-analiżi tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Mr. Speaker,

Diga għedt li l-mument li għaddej minnu pajjiżna jitlob sens ta’ għaqal u responsabbilta kbira minna lkoll – inkluż mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu.

Kien għalhekk li nhar il-Ħadd li għadda, jiena għażilt li f’isem il-poplu Malti nqiegħed għaxar mistoqsijiet sempliċi lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tlabtu jwieġeb fid-diskors tiegħu tat-Tnejn. Jiddispjaċini ngħid li ma wieġeb ebda waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Anzi nħoss li nsulenta lill-poplu kollu bl-atteġġjament leġġer li għażel li jieħu dwar punti ta’ importanza kbira li jistghu jaffettwaw il-futur ta’ pajjiżna u l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada tal poplu tagħna.

Huma mistoqsijiet marbuta mal-Budget li fassalna, mal-istrateġija ekonomika li aħna għażilna għal pajjiżna, mal-għażliet diffiċli li rridu nagħmlu u mal-pjan strateġiku fit-tul speċjalment fil-qasam tal-enerġija. Jidhirli ghalhekk li għandi d-dover li nerġa niġbed l-attenzjoni għal mistoqsijiet li għamilt u li sfortunatament baqgħu mingħajr tweġiba.

L-ewwel mistoqsija li qed jistaqsi l-poplu Malti kienet tgħid hekk : Xi tbiddel mill-istrateġija ekonomika li miexi biha l-Gvern, inkluż iżżommx mal-miri fiskali li l-Gvern qed jagħti għal pajjiżna?

Imkien fid-diskors tiegħu ta’ nhar it-Tnejn ma tagħna xi ħjiel jew indikazzjoni ta’ l-istrateġija ekonomika li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandu għall-pajjiżna. F’ebda ħin m’għamel l-istqarrija li lkoll konna qegħdin nistennew u cioe li hu jżomm mal-miri fiskali u finanzjarji li l-Gvern għandu għal pajjiżna.

Fi kliem ieħor, il-poplu Malti jrid ikun jaf jekk huwiex ser jintrabat li nibqgħu naħdmu biex inniżżlu d-‘deficit’ sakemm jiġi fix-xejn b’mira dikjarata kull sena.

Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed. Aħna qed inkunu ċari. Din is-sena id-‘deficit’ ser jinżel għal 2.8% tal-GDP. Is-sena d-dieħla ser naħdmu biex id-‘deficit’ jinżel għal 2.3% tal-GDP u s-sena ta’ wara, fl-2013, irridu li nagħlqu dik is-sena bir-rata ta‘ 1.8%.

Magħna tafu fejn qegħdin imma miegħu ħadd ma jaf fejn qiegħed.

Għaliex hemm bżonn li nkunu nafu x’inhi l-pożizzjoni tiegħu? Għaliex faċli twiegħed l-ilma jiżfen lil kulħadd jekk bil-moħbi inti tiddeċiedi li tħalli d-‘deficit’ jisplodi.

Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma tanix tweġiba ċara dwar dan il-punt fundamentali jista’ jfisser biss żewġ affarjiet: jew li lest jipperikola l-l-istabbilita fiskali ta’ pajjiżna basta jogħġob lil kulħadd jew inkella qiegħed jidħak bina lkoll bħal ma ġara fl-1996 meta qalulna li ser ineħħu l-VAT ta’ 15% taxxa imma ma qalulniex li minflokha kienu ser idaħħlu taxxa tas-CET li laħqet 23%f’ċertu każijiet.

Dan ma nsejjaħlux għaqal speċjalment f’dawn iż-żmenijiet ta’ taqliq finanzjarju. Proprju llum il-‘Financial Times’ ippubblikat artikolu dwar miżuri ġodda li qegħdin jissemmew fl-ambjent Ewropew għal kontrolli finanzjarji akbar fuq dawk il-pajjiżi sija fiż-żona Ewro u sija barra miż-żona tal-Ewro li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji.

Allura l-għaqal u l-esperjenza li qegħdin naraw madwarna m’għandhomx jiggwidawna lejn  triq li tenfasizza l-importanza tal-miri finanzjarji tagħna? U jekk naqblu fuq dan, allura ma kienx ikun ferm aktar għaqli u aħjar li f’dan id-dibattitu nisimgħu mingħand l-Oppożizzjoni proposti li jikkonsolidaw il-finanzi tal-pajjiż u mhux proposti vojta li ma jagħmlu xejn ħlief jilludu lil poplu tagħna li nistgħu ngħixu f’dinja tal-ħolm.

It-tieni mistoqsija tiegħi kienet din : Kif se tnaqqas id-dejn nazzjonali mingħajr ma żżid it-taxxi?

Anke hawn ma kien hemm ebda tweġiba minn naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal din il-mistoqsija fundamentali.

Nhar it-Tnejn smajna mingħandu li ma kien xejn għajr populista. Ma qalilniex kif ser irażżan id-‘deficit’ u lanqas ma qalilna kif ser irażżan id-dejn nazzjonali.

Għal kuntrarju, l-populiżmu tiegħu spiċċa jikkritika lil dan il-Gvern u l-Gvernijiet ta’ qablu għaliex għandna r-rata ta’ dejn nazzjonali li għandna llum. Rata li tilħaq is-69% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż.

Anke hawn. Magħna kulħadd jaf fejn qiegħed. Aħna rridu nkomplu nnaqqsu dan id-dejn nazzjonali biex pajjiżna jġorr piż li jkun sostenibbli.

Aħna rridu li d-dejn li nagħmlu jkun primarjament mal-poplu tagħna u mhux dejn barrani li jista jesponina għal riskji kbar.

Aħna rridu li d-dejn li nagħmlu jkun f’investimenti produttivi u mhux f’investimenti li ma jagħmlu xejn ħlief jissusidjaw it-telf tal-monopolji tal-Gvern.

Qabel xejn tajjeb li nfakkar li Biljun Ewro (elf miljun) mid-dejn nazzjonali tagħna huwa kollu kemm hu marbut mat-Tarzna.

F’22 xahar il-Gvern Laburista tal-1996-1998 għamel dejn li jlaħħaq is-somma ta’ €300 Miljun ma jmissu ma xejn. L-uniku proġett li tista’ ssib jekk tmur tfittex fejn mar dan id-dejn kollu kien il-famuż proġett ta’ Buġibba li kellu jsir mill-ġdid minn Gvern Nazzjonalista wara l-1998.

Bil-kumplament tad-dejn nistgħu ngħidu li Gvernijiet Nazzjonalista biddlu lil pajjiżna u immodernizzah: Power Station ġdida; Airport ġdid; Sptar Mater Dei Ġdid; Impjanti tar-Reverse Osmosis li solvew il-problema tal-ilma f’pajjiżna; Infrastruttura ta’ telekomunikazzjoni ġdida u moderna; Toroq ġodda u tal-aqwa kwalità; impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ li solva l-problema li kellna dwar drenaġġ fl-ibħra tagħna; Impjanti tat-trattament tal-iskart li qed isolvu l-problema tal-muntanja tal-Magħtab; Università modernizzata; MCAST li qiegħed jikber u lista sabiħa ta’ skejjel ġodda fjamanti għal uliedna fosthom :

• Ftuħ ta’ skejjel ġodda:
o L-iskola Sekondarja tas-Subien, il-Karwija (2006)
o L-iskola Sekondarja tas-Subien, Ħandaq (2007)
o L-iskola Sekondarja tas-Subien, il-Verdala (2008)
o L-iskola Primarja ta’ Pembroke (2009)
o L-iskola Sekondarja tas-Subien f’Għawdex (2010)
o L-iskola Sekondarja tas-Subien fil-Mosta (2011)
o L-iskola Sekondarja tal-Bniet, Ħandaq (2012)

Imbagħad il-Kap tal-Oppożizzjoni pprova jbeżżagħna billi qalilna li qegħdin inħallsu €500,000 interessi kuljum.

Veru dan imma ejjew ngħidu wkoll li d-dħul tal-Gvern huwa ta' €8.1 miljun Ewro kuljum (dħul rikorrenti).

Ejjew ngħidu wkoll li aħna ninvestu €986,000 kuljum fl-edukazzjoni, (eskluż nefqa kapitali).

Ejjew ngħidu wkoll li aħna ninvestu miljun Ewro kuljum fis-saħħa u l-kura tal-anzjani, (eskluż nefqa kapitali).

Ninvestu 2.1 miljun Ewro kuljum fil-pensjonijiet u s-servizzi soċjali.

U tant investimenti oħra li juru l-għaqal u serjetà fil-prioritajiet tan-nefqa tagħna.

Naturalment dan ma jfissirx li ma għandiex noqogħdu attenti – anzi l-pjan tagħna hu li nkomplu naħdmu biex innaqsu l-ammont ta’ dejn nazzjonali fuq medda ta’ snin. Imma s-suċċess hemm qiegħed u ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna.

Il-prova ta’ dan u tal-fiduċja li aħna nġorru magħna ngħatat proprju nhar il-Ġimgħa li għaddiet meta l-ħruġ tal-istocks tal-Gvern ġibed investiment mingħand il-Maltin li kien id-doppju ta’ dak li konna qiegħdin nistennew. Kellna bżonn nisselfu ftit aktar minn €150 miljun u daħlu talbiet għal aktar minn €300 miljun. U dan għall-pakketti ta’ self li wieħed jasal sal 2017 u l-ieħor jasal sa l-2031.

Mela dan mhux att ta’ fiduċja b’saħħtu daqs kemm hu b’saħħtu l-azzar li għadda minn ġon-nar. Riżultat bħal dan kien ikun tajjeb ħafna f’ċirkostanzi normali, aħseb u ara kemm hu tajjeb meta aħna mdawrin minn pajjiżi li qed joħroġu fis-swieq biex jissellfu bħal ma għamilna aħna u mhux qed jirnexxilhom jew qed jirnexxilhom b’imgħaxijiet għolja ħafna li jersqu viċin dak li mhuwiex sostenibbli.

Imma mbagħad fid-diskors tiegħu ta’ nhar it-Tnejn naqas li jsemmi dan is-sinjal qawwi ta’ fiduċja fil-Gvern  – sinjal muri bl-investiment qawwi fl-istocks tal-Gvern minn ċittadini u investituri Maltin.

Jidher li l-anqas ma qiegħed jaqbel ma’ dak li qed nagħmlu għall-Air Malta ghaliex li kien għalih messna ħallejna kollox kif inhu qisu ma ġara xejn f’dawn l-aħħar tlett snin. Li kien għalih messna għamilna ta’ bir-ruħna li l-prezz taż-żejt ma għoliex u ħallejna kollox kif kien taparsi l-għoli tal-prezz taż-żejt jolqot lil kulħadd ħlief lilna.

Donnu li kien għalih nagħmlu ta’ bir-ruħna li n-natura tat-turiżmu baqgħet li kienet għaxar snin ilu u ma nbidlitx. Il-verità hi li anke f’dan is-settur kien hemm tibdil radikali li ma nistgħux naħarbu minnu. Illum għandna l-low-cost carriers, l-internet, u l-weekend breaks li ċaqilqu s-suq turistiku mill-għeruq tiegħu u talbu tweġibiet oħra, innovattivi, kuraġġużi u effettivi biex insalvaw u nsaħħu dan il-pilastru importanti għat-turiżmu lejn pajjiżna.

Dak li għamilna aħna u dak li kkunsidrajna bil-għaqal meta ġejna ffaċċjati bis-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li l-Air Malta spiċċat fiha anke minħabba dawn iċ-ċirkostanzi kollha li semmejt.

Dwar l-Air Malta nixtieq ngħid li jidher li mexjin lejn soluzzjoni dejjiema għaliex mill-informazzjoni li ħarġet il-bieraħ jidher li l-ħaddiema aċċettaw bi ħġarhom il-proposti tal-Gvern. Infakkar li dawn huma proposti li ħasbu fil-ħaddiema li ser jintlaqtu. Iva ser jiswewlna l-flus imma għalina dan hu investiment li minn banda ser jgħin lill-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-Air Malta biex isibu opportunitajiet oħra u mill-banda l-oħra ser jiftaħ opportunitajiet ġodda għal-linja tal-ajru tagħna.

Il-bidliet li qed isiru huma essenzjali biex l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li qed jiġi diskuss bejn il-Gvern u il-KE ikun jista’ jiġi implimentat b’suċċess.

Il-Gvern u l-Management offrew lill-Unions u lill-ħaddiema pakkett ta’ soluzzjonijiet ta’ kif jistgħu jitnaqqsu l-ħaddiema mill-kumpanija bl-anqas impatt fuq dawk il-ħaddiema li ma jistgħux jibqgħu mal-kumpanija, waqt li dawk il-ħaddiema li ser jibqgħu mal-kumpanija qed jintalbu jaċċettaw prattiċi tax-xogħol ġodda biex tiżdied l-effiċenza tal-impriża.

Minkejja li l-Budget qed jipprovdi għall-ħlas lura tas-self ta’ 52 miljun bl-interssi rridu lkoll nifhmu li dan hu obbligu skont ir-regoli tal-EU; billi din hi ir-rescue loan li giet estiża mis-6 xhur oriġinali sakemm il-Kummissjoni tapprova il-Pjan ta’ Ristrutturar.

Il-Budget qed jipprovdi għal 20 miljun Euro li ser jiġu injettati fil-kapital tal-kumpanija fl-2012 però nassigura lil kullhadd li dak li qegħdin nipproponu lill-Kummissjoni nsaħħu l-Air Malta hu ħafna aktar mill-20 u it-52 f’daqqa fuq medda ta’ snin.

Dettalji dwar dan joħorġu aktar ’il quddiem ladarba l-Kummissjoni tibda il-proċess ta’ approvazzjoni.

Irrid għalhekk nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu magħna f’dawn ix-xhur li għaddew nkluż lill-Unions kollha u anke lill-Oppożizzjoni u nawgura li nkomplu naħdmu flimkien biex nsarrfu dan kollu fir-riżultat mixtieq għalina lkoll.

It-tielet mistoqsija li għamilt lill-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd li għadda kienet din: Jekk biex tnaqqas id-dejn se żżid it-taxxi, allura l-poplu Malti issa jrid ikun jaf liema taxxi se tgħolli: L-Income Tax; il-VAT; il-Bolla; Taxxi fuq l-Industrija?

M’aħniex ta’ wara l-muntanji. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax iwiegħed l-ilma jiżfen lil kulħadd u jibqa’ kredibbli. Biex jagħmel dak li qiegħed jgħid bilfors ser ikollu jżid it-taxxi. U allura l-mistoqsija tiġi waħedha: liema taxxi ser iżżid?

Mhux l-ewwel darba li smajtek tgħid illi inti trid sistema li ċċaqlaq il-piż tat-taxxi fuq min iħammeġ. Tajjeb. Jimporta tispjegalna dan x’jfisser fil-prattika. Iġifieri inti li għamilt plejtu fuq is-service charge fuq il-fabbriki issa ser tgħidilna li ser iddaħħal taxxa akbar fuqhom? Ser iġġiegħel lil tal-monti jħallsu aktar għall-iskart li jkun hemm wara li jispiċċaw ibiegħu? Ser iġġiegħel lil lukandi iħallsu taxxi ogħla għaliex it-turisti jżidu fuq il-bżonnijiet ambjentali tagħna? Ser iġġiegħel lil tal-grocer, tal-laħam, il-pitkal iħallsu aktar għaliex huma jipproduċu skart iżjed minn ħaddieħor?

Mistoqsijiet li sal-lum m’għandniex tweġiba għalihom.

Ir-raba’ mistoqsija hi wkoll fundamentali. Mistoqsija sempliċi ħafna: B’kemm se traħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Ladarba jaf kollox. Ladarba qiegħed jagħtina il-kelma tiegħu li jkun x’ikun il-każ ser iraħħas it-tariffi tad-dawl u tal-ilma. Ladarba allura tant hu ċert minn dak li qiegħed jgħid, għaliex ma jgħidilniex b’kemm ser iraħħas it-tariffi. Kemm? B’Ewro, b’żewġ Ewro, b’għaxar Ewro?

Possibbli mistoqsija sempliċi bħal din mhuwiex kapaċi jweġibha? Hawnhekk m’inhix qiegħed nistaqsih għas-soluzzjonijiet li hu jgħid li għandu imma għal fatt wieħed sempliċi. Għidilna x’ikunu r-riżultati ta’ dawn l-hekk imsejħa soluzzjonijiet li inti għandek u allura għidilna b’kemm ser jorħsu l-kontijiet.

Il-mistoqsija sabet skiet perfett u bilfors ikun hekk għaliex jiena konvint li hu ma jistax iwieġeb din il-mistoqsija. U jiena konvint għaliex naf li l-prezz taż-żejt ħadd ma jista’ jbassar x’ser ikun u għalhekk ħadd fid-dinja ma jista’ jintrabat bl-illużjonijiet li qed jitkellem dwarhom il-Kap tal-Oppożizzjoni.

U hawn, ippermettuli nirrepeti li dwar dan il-punt partikolari l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed ikun irresponsabbli għall-aħħar. Ma tistax tilludi lill-poplu tagħna b’dan il-mod irresponsabbli. Inti taf daqsi li m’għandekx kontroll fuq il-prezz taż-żejt, tad-diesel, tal-gas, u ta’ kull sors ta’ enerġija ieħor li għada pitgħada nistgħu nagħmlu użu minnu. Għalhekk kieku veru temmen fl-għaqal kont tirrealizza li inti qatt ma tista’ tagħti garanzija li traħħas it-tariffi – stqarrija irresponsabbli li erġajt irrepetejt nhar it-Tnejn li għaddew għal skopijiet purament populisti.

Intenni li dan mhuwiex għaqal u mhuwiex fl-interess veru ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna.

Il-ħames mistoqsija tkompli ma’ ta’ qabilha għaliex staqsejtu: Se traħħas id-dawl u l-ilma għal kulħadd?

Din il-mistoqsija ssir b’mod naturali għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jaqa’ fit-tentazzjoni tal-aħħar Ministru tal-Finanzi tal-Partit Laburista li qiegħed hawn fostna. F’wieħed miż-żewġ Budgets tagħhom, Leo Brincat Ministru tal-Finanzi, introduċew l-ogħla tariffi possibbli meta l-prezz taż-żejt kien fl-anqas livelli immaġinabbli (12 il-dollaru l-barmil imqabbel mal-prezz tal-lum ta’ kważi 95 dollaru l-barmil). Dak in-nhar mhux biss għollew it-tariffi imma daħħlu 33 taxxa ġdida inkluż taxxa fuq kull mediċina u fuq kull riċetta. Dan apparti li l-istipendji lill-istudenti nbidlu minn għotja għal dejn fuq spallejhom li kellhom iħallsu wara li jiggradwaw.
Għaż-żgħażagħ li qegħdin jisimgħuna ngħidilhom li l-istess nies li ipproponew dan kollu meta kienu fil-gvern, illum qegħdin hawnhekk quddiemi jippruvaw jipperswaduna li se jagħmlu dak li ebda gvern fl-Ewropa m’għamel – iraħħas l-enerġija meta l-prezz taż-żejt laħaq livelli rekord.

Anke din il-mistoqsija ma sabitx tweġiba.

Is-sitt mistoqsija li għamilt kienet tgħid hekk: Jekk se traħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jkun għola l-prezz taż-żejt xorta se traħħas il-kontijiet?

Din hi mistoqsija fundamentali oħra. Izda hi mistoqsija li wkoll ma sabet ebda tweġiba mingħand il-Kap tal-Oppożizzjoni. Smajnih fid-diskors tiegħu jerġa jtenni li għandu ħafna soluzzjonijiet.

Qalilna hekk :

Għandna f’idejna numru ta’ possibiltajiet li ninsabu kunfidenti ħafna dwarhom u li nafu li se jwasslu biex b’teknoloġiji ġodda u tmexxija aħjar innaqqsu l-kontijiet tad-dawl b’mod realistiku u sostenibbli

Għal darb’ohra nistiednek tgħidilna liema huma dawn is-soluzzjonijiet?

Donnok għandek xi dettalji dwar proposti ta’ investiment f’pajjiżna minn xi ħadd partikolari. Inti Kap tal-Oppożizzjoni u għandek dover daqsi li tkun trasparenti. Allura ninsisti miegħek biex tgħidilna min huma dawn li inti ltqajt magħhom? Ma min tkellimt? Jekk iltqajt magħhom għidilna meta ltqajt magħhom, x’wegħdthom u xi studji tawk.

Int għedtilna : “….ninsabu kunfidenti ħafna dwarhom u li nafu li se jwasslu biex b’teknoloġiji ġodda u tmexxija aħjar innaqqsu l-kontijiet tad-dawl b’mod realistiku u sostenibbli” Nassumi stqarrija bħal din ma kientx issir mingħajr ma inti tkun rajt l-istudji tekniċi u ħadt il-pariri tekniċi neċessarji. Jekk hu hekk u jekk inti daqshekk perswaz allura nistiednek biex tippublika l-istudji kollha li tawk biex ipperswaduk b’daqshekk konvinzjoni li inti ċert li ser jippermettulek traħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Jekk qiegħed tirreferi għas-Sargas, jiena nista’ ngħidlek li jiena ltqajt ma’ delegazzjoni ta’ Sargas darba biss numru ta’ xhur ilu. Dakinhar tawni ċertu informazzjoni dwar proġett li kien ser juża fondi tal-Unjoni Ewropea taħt skema magħrufa bħala NER 300 u li kellu x’jaqsam mal-faħam.

Mill-informazzjoni li ngħatatli rriżulta li l-impjant mhuwiex wieħed li jiġġenera enerġija rinnovabbli izda mpjant ta' enerġija konvenzjonali li juza hekk imsejjaħ biopaste - taħlita ta’ żejt, faħam u biomass -  b’sistema elaborata li tiġbor l-emissjonijiet u wara tiddisponi minnhom u li jkun impjant fuq il-baħar, floating, fl-ibħra territorjali tagħna.

Xi xhur wara li saret il-laqgħa miegħi rrizulta li dan il-proġett kellu jinbidel f’xi aspetti importanti anke għaliex kienu laħqu seħħew l-avvenimenti fil-Libja li lkoll nafu bihom u li inevitabbilment biddlu l-parametri tal-proġett għaliex kien hemm rabta ma’ option fil-Libja.

Dakinnhar li ltqajt magħhom jiena għedtilhom biex jippreżentaw lit-tekniċi tagħna il-proposti tagħhom biex dawn jiġu studjati mill-esperti. Irrid nagħmilha ċara li ma għalaqt il-bieb lil ħadd, imma nenfasizza li għadni sal-lum mingħajr parir tekniku favorevoli.

Jiena tlabt pariri mhux biss fuq it-teknoloġija sperimentali li qiegħda tiġi proposta imma wkoll dwar ir-riskju li jkollok parti mill-enerġija tiegħek tiddependi fuq impjant li jkun jiggaleġġja fil-baħar ta’ madwarna.

Sadanittant naħseb li għandi ntenni li l-istrateġija tal-Gvern  tiegħi hi waħda li hi mmirata lejn għan aħħari wieħed: l-eliminazzjoni ta’ kull vulnerabilita’ għal pajjiżna. Dan ifisser li l-preferenzi tagħna għandhom jibqgħu lejn konnessjonijiet permanenti mal-grid Ewropew biex jippermettulna l-akbar flessibilita’, l-anqas tniġġiz, l-iċken vulnerabilita’ u l-aħjar preżż.

Nista’ nikkonferma li bħalissa, apparti l-interconnector, qegħdin nikkunsidraw pjan ta’ investiment f’infrastruttura ta’ pipeline li jwassal lejn Malta gass naturali min-network Ewropew. La darba din l-infrastruttura se tkun qed tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ riżorsi finanzjarji, il-Gvern diġa’ għamel kaz mal-Kummissjoni Ewropea biex Malta tiġi allokata fondi apposta.  F’dan ir-rigward il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Qafas Finanzjarju 2014-2020 qegħda tipproponi li Malta tirċievi fondi biex tagħmel dan il-proġett. B’dan il-proġett insiru parti min-network Ewopea tal-gass.

Tajjeb insemmu li llum il-prezz tal-gass LPG f’ċilindri li huwa wzat f’Malta jiswa 11-il ċenteżmu għal kull kilowatt/hour (kWh) waqt li f’pajjizi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea li għandhom infrastruttura ta’ gass naturali u ta’ distribuzzjoni lid-djar, il-prezz li tħallas il-mara tad-dar hu ferm inqas. 

Is-seba’ mistoqsija tiegħi kienet ukoll marbuta ma’ din il-famuża wegħda tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ser iraħħas it-tariffi. Staqsejtu hekk: Jekk se traħħas il-kontijiet anke jekk jgħola ż-żejt, kif se tagħmel tajjeb għad-differenza?

Hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ jaħrab mill-punt kruċjali jiġifieri li ħadd minna ma jista’ jipprevedi x’ser ikun il-prezz taż-żejt u allura la darba hu qiegħed jintrabat li jraħħas it-tariffi, qiegħed jintrabat ukoll li jagħmel tajjeb għad-differenza jekk u meta jgħola l-prezz taż-żejt.

Dwar dan il-punt, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hu ppreżenta xi lista ta’ soluzzjonijiet izda għal darb’oħra meta tfittex is-sustanza ma ssib xejn konkret. X’qalilna?

“Illum se nfakkru fi tlett proposti li għamilna u li hu injora.

• L-ewwel nett, biex il-power station jagħmilha tal-gass u mhux taħdem bil-Heavy Fuel Oil. (Issa jaf li hemm spiża kbira biex nagħmlu dan il-pass imma jaf ukoll li aħna ddikjarajna li mexjin f’din id-direzzjoni ferm qabel ma ħareġ b’din l-istqarrija).  Ta’ min niġbed l-attenzjoni, pero’, li din hija mizura li żżid il-preżżijiet ta’ l-elettriku b’aktar mit-€12-il miljun li qal li se jraħħashom.

• It-tieni nett ipproponejna biex il-formula tar-‘Return on Capital Employed’ li jitgħabba fuq il-kontijiet tad-dawl tkun aktar realistika u jqarribha lejn ir-rata ta’ pajjiżi oħra bħar-Renju Unit…… B’ din il-miżura biss jiġu ffrankati €12-il miljun fis-sena (Issa meta tagħsar din il-proposta tinduna li dan m’hu xejn ħlief logħob biċ-ċifri. Innaqsu kemm innaqsu mill-formola tar-Return On Capital Employed, xejn mhu ser inaqqas il-preżż taż-żejt, jew il-valur tal-investimenti jew l-ispiża rikorrenti ta’ dak li għandna llum u allura din il-proposta m’hi xejn  ħlief logħob biċ-ċifri).

• It-tielet nett, ipproponejna l-introduzzjoni ta’ night tariff, jiġifieri rata speċjali għal bil-lejl li tgħin tistabilizza d-domanda, tagħmel l-industrija aktar kompetittiva, u tgħin lill-familji jiffrankaw fuq l-użu tal-elettriku. L-ineffiċjenza fil-proġett tal-ismart meters ma ħalliex li l-familji u negozji igawdu minn din il-proposta. (Nittama li ndunajtu li hu stess qiegħed jammetti li din il-proposta tista’ sseħħ biss permezz ta’ l-ismart meters – proġett li għaddej,  imma li sab l-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni mill-bidu nett – u issa jidher li għandna U-turn oħra għaliex issa jidher li qed jikkritikana mhux għaliex qed nagħmlu dan il-proġett imma għaliex għadna ma lestejniħx.)

Allura dawn xi proposti huma? Huma proposti li ma jispjegawx kif u b’liema mod ser ikun jista’ jraħħas it-tariffi, jsostni l-investiment enormi li hemm bżonn u jaħseb għal soluzzjonjiet fit-tul kif qegħdin nagħmlu aħna.

Ma dan kollu rrid inżid aspett ieħor. Minn studju li sar, jirriżulta li fuq perjodu ta’ 8 xhur (Mejju sa Diċembru 2012) jiġifieri minn meta tibda’ topera l-estensjoni ta’ Delimara, l-ispiża tal-fuel u l-ispiża ta’ dak li jissejjaħ abatement cost tal-gasoil, id-differenza hi stmata li tilħaq kważi l-€20 miljun aktar mill-użu tal-HFO. Naturalment fuq medda ta’ sena dan ifisser li jkollna nonfqu €30 miljun aktar bir-riżultat li l-impatt fuq it-tariffi zgur jinħass ħafna iżjed.

Dan hu punt importanti ieħor li hemm bżonn li l-Kap tal-Oppożizzjoni jukkunsidrah sew meta jiġi biex jagħmel ċertu stqarrijiet li hu ovvju li ma jkunux studjati sew.

Mr. Speaker,

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie għal darb’oħra quddiem il-poplu Malti u Għawdxi u fuq l-aktar ħaġa li weġġgħet lill-poplu tagħna fl-aħħar tliet snin ittrattah bl-aktar mod superfiċjali.  Wiegħed li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, waqt li m’għandux kontroll fuq il-prezz taż-żejt, u ppropona miżuri li jżidu n-nefqa ta’ l-Enemalta biex tipproduċi l-elettriku. U għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi bilfors jistaqsi: Dan x’għaqal hu?

It-tmien mistoqsija tiegħi kienet fuq xi ħaġa differenti imma xorta ta’ importanza enormi. F’din il-mistoqsija fakkartu x’qal hu stess ftit tal-ġranet ilu ċioè: li jekk ikun Prim Minstru jieħu deċiżjonijiet kontroversjali? Staqsejtu x’ridt tfisser biha? Ifisser li se taghmel bil-MEPA dak li trid, kif kien isir fi zmien Lorry Sant?

Naħseb li kont ċar ħafna f’din il-mistoqsija. Kull m’għamilt tlabt spjegazzjoni dwar stqarrija li għamel hu stess fil-pubbliku. Nerġa’ ntenni li l-poplu tagħna għandu dritt ikun jaf jekk aħniex ser inreġġgħu l-arloġġ lura ghal dak iz-zmien meta d-deċiżjonijiet kienu jittieħdu mill-politiku, bl-iskandli kbar li lkoll nafu bihom u li għadna sal-lum inħallsu prezz ambjentali għoli ħafna minħabba fihom.

Id-disa’ mistoqsija tiegħi kompliet fuq ta’ qabilha. Veru li f’laqgħat li kellek dan l-aħħar ma kuntratturi f’pajjiżna għidtilhom li toħorġilhom il-permess ma’ l-ewwel ġranet li tkun Prim Ministru? U veru li fl-istess waqt kont qed tiltaqa’ ma’ għaqdiet ambjentali u tgħidilhom bil-kontra?

Anke hawn il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li ma jwieġeb xejn ħlief li għamel din id-dikjarazzjoni : Gvern Ġdid immexxi minni jkun ‘straight-forward’ kemm mal-ambjentalisti u mal-iżviluppaturi, fejn nuru x’inhuma l-prijoritajiet tagħna, ma ntellfux ħin lill-iżviluppaturi fuq proġetti li ma nħossux li huma ta’ prijorità għal pajjiżna, filwaqt li mal-ambjentalisti ma ninħbewx wara burokraziji iżda nerfgħu r-responsabiltà tad-deċiżjonijiet li nieħdu.

L-għaqal jitlob li l-Kap tal-Oppożizzjoni jkun straight-forward mal-poplu Malti u Għawdxi u jgħid fil-miftuħ x’qed iwiegħed u lil min.

U l-aħħar mistoqsija għamlet referenza għall-iskandlu li ħareġ fil-beraħ u li l-Kap tal-Oppożizzjoni jipprova jaħbi minn għajnejn il-pubbliku. Jiena staqsejtu jekk huwiex vera li kkomunika ma’ kapijiet ta’ dipartimenti u ħeġġiġthom jispjunaw fuq min iħaddimhom, bħalma għamilt ma’ ġurnalista tal-RTK?

F’sagħtejn sħaħ għażel li ma jweġibx għal din il-mistoqsija li hi mibnija fuq fatt u mhux fuq l-għidut. Mibnija fuq email miktuba mill-istess Kap tal-Oppożizzjoni li hu ma ċaħadx imma pprotesta għaliex ħarġet fil-pubbliku. Bħallikieku l-fatt li din l-email tibqa’ mistura u moħbija b’xi mod jista’ qatt jiġġustifika dan l-aġir ta’ nuqqas ta’ etika serja li jikxef xi standards ta’ etika u aġir politiku għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront ta’ valuri li ħaddiem għandu jkollu lejn min iħaddmu.

Eżempju ieħor ċar u fattwali li juri li dan mhux għaqal.

Mr. Speaker,

Hemm baħar jaqsam bejn din in-naħa u n-naħa l-oħra. Aħna għandna fiduċja fil-kapaċità tal-poplu tagħna u kien għalhekk li fassalna dan il-budget b’miżuri li tista’ taqsamhom f’żewġ kategorji. Għanda miżuri maħsuba apposta biex jinċentivaw l-ekonomija ħalli noħolqu aktar xogħol f’pajjiżna. U għandna miżuri li huma maħsuba biex jgħinu lill-familji tagħna.

Ippermettuli nfakkar fl-ewwel grupp ta’ miżuri li huma mmirati lejn dawk li joħolqu l-ġid f’pajjiżna: l-investituri, is-sidien tal-ħwienet, il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda tagħna, u l-ħaddiema kollha.

Ikkonsultajna mal-korpi kostitwiti u għażilna dawk il-miżuri li dehrilna li pajjiżna jista’ jerfa’ f’dan il-mument u li jagħmlu sens ekonomiku.

Ħsibna fis-sidien iż-żgħar u medji u nidejna skema ġdida li tippermettilna nidħlu bħala garanti mal-banek għal min għandu negozju diġà jew ser jiftaħ negozju ġdid, irid jissellef imma ma għandux x’jagħmel tajjeb. Din skema li pprovdejnilha b’€20 miljun – somma li tista’ tikber jekk ikollna s-suċċess li qegħdin nipprevedu.

Din l-iskema tingħaqad mal-miżuri l-oħra li ġibna fis-seħħ din is-sena u li kellhom suċċess kbir fost is-sidien tan-negozji ż-żgħar f’pajjiżna.

Mill-iskema MicroCREDIT diġà gawdew 141 negozju ġdid u dawn qed jinvestu €20 miljun fin-negozji tagħhom. Din l-iskema hija miftuħa għall-SMEs kollha u tgħinhom jinvestu fin-negozji tagħhom b’self sussidjat, u b’rati vantaġġjużi. L-iskema hija mħaddma mill-BOV u tifforma parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea JEREMIE.

L-iskema MicroInvest għall-intrapriżi micro - jiġifieri dawk li jħaddmu inqas minn għaxar impjegati – din għenet għadd kbir ta’ negozji biex jinvestu sabiex jinnovaw, jespandu u jiżviluppaw il-kumpaniji tagħhom u possibilment ifittxu swieq ġodda.  Taħt din l-iskema, il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa li jammonta għal 40% tal-investiment sa massimu ta’ €25,000. Il-kreditu ta’ taxxa huwa ta’ 60% tal-investiment għall-kumpaniji Għawdxin, peress li dawn spiss ikunu żvantaġġjati minħabba l-insularità doppja.

Sal-aħħar ta’ Ottubru 2011 applikaw total ta’ 707 kumpanija li bejniethom investew mat-€13–il miljun u hu stmat li talbu madwar €5.5 miljuni f’tax credits. Minn dawn, madwar 500 applikazzjoni kienu pproċessati u diġà ngħataw €3.3 miljuni fi krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji li bejniethom ħolqu kważi 200 impjieg ġdid bl-għajnuna ta’ din l-iskema.

Ftit inqas minn 200 kumpanija jew kważi terz tal-kumpaniji li applikaw joperaw minn Għawdex. Bejniethom, dawn investew aktar minn €2 miljuni u huwa stmat li se jieħdu aktar minn €1.2 miljun fi krediti tat-taxxa.

Is-suċċess ta’ din l-iskema wriena li mhux biss kellna nġeddu din il-faċilità għas-sena d-dieħla imma saħħaħniha issa bl-iskema l-ġdida li biha l-Gvern jidħol garanti mal-banek għal min ikun irid jissellef imma ma jkollux biex jagħmel tajjeb għal dak is-self.

Hawn sarrafna l-fiduċja tagħna fis-sid tal-ħanut, fin-negozjant iż-żgħir u sarrafna l-kliem fil-fatti li jiswew il-miljuni.

Ħabbarna miżuri li jgħinu lill-Industrija li tuża volum qawwi ta’ enerġija fil-manifattura tagħha. Il-Budget għas-sena d-dieħla jagħmel dikjarazzjoni b’saħħitha ta’ fiduċja fl-industrija f’pajjiżna. Aħna nemmnu f’industrija li tagħtina valur miżjud, f’industrija li tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, f’industrija li taħtaf lill-eluf ta’ żgħażagħ li qegħdin jitħarrġu fl-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali f’pajjiżna.  F’industrija li hi msieħba magħna fis-suċċess ta’ dan il-pajjiż.

Aħna ma niddejqux meta nisimgħu suġġerimenti dwar kif nistgħu nkomplu nkunu attraenti għal aktar investiment. Nifhmu però, li t-tip ta’ industrija speċjalizzata li qegħdin nattiraw lejn pajjiżna, fosthom dik tal-faramċewtika, jirrikjedu ambjent infrastrutturali tal-ogħla kwalità; jirrikjedu sistema ta’ enerġija kostanti u sostenibbli u jirrikjedu sistema ta’ kif wieħed jittratta l-iskart tagħhom li f’ċertu każi jkun tossiku.

Għalhekk mhuwiex biżżejjed li nitkellmu dwar is-service charge li tintuża għall-upgrading taż-żona industrijali li jgawdi minnha kullħadd. Imma forsi aktar importanti minn hekk irridu nitkellmu u nsibu soluzzjonijiet fuq l-isfidi l-aktar importanti: enerġija, trattament ta’ skart u riżorsi umani.

Din tal-aħħar hi storja oħra ta’ suċċess għal pajjiżna. Nammetti li ħadt pjaċir il-gimgħa li għaddiet meta żort fabbrika tal-farmaċewtika li qed ikollha suċċess kbir f’Malta u l-Managing Director qalli li għandu bżonn aktar gradwati mill-Università fil-qasam tal-bijoloġija, xjenza u fiżika.  Qalli wkoll li għandu bżonn ħaddiema oħra li mhux neċessarjament ikollhom dan il-livell għoli akkademiku imma li jkollhom livell sekondarju tal-Matsec b’attitudni miftuħa għal taħriġ vokazzjonali li jiftħilhom l-opportunità f’dik l-industrija.

L-istess ngħid għall-industrija tal-maintenance tal-arjuplani – industrija li issa qed tikber bl-aviation park li nittama dalwaqt inħabbru inizjattiva oħra li ser iżżid mal-varjetà tas-servizzi li din l-industrija tal-ajruplani jkollha bżonn.

Huwa importanti li ż-żgħażagħ jisimgħu dawn il-messaġġi li ġejjin minn naħa tal-industrija tagħna. Pajjiżna għandu bżonn ikompli jara ż-żieda li rajna fin-numru ta’; żgħażagħ li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara li jispiċċaw mill-iskola sekondarja.

Veru li qegħdin nirreġistraw progress sostanzjali minn sena għal oħra. Fis-sena 2008 kellna 19,772 studenti li komplew l-istudji tagħhom fl-Upper Secondary, Junior College, MCAST, ITS u Università. Din is-sena dan in-numru tela’ għal 22,514 - żieda ta’ kważi 3,000 student f’temp ta’ tliet snin.

Imma għandna bżonn iżjed studenti u għandna bżonnhom f’karrieri ġodda li qegħdin jinfetħu u li fuq medda ta’ ħames snin oħra ser ikunu jikkompetu għal min ikun studja f’dawn l-oqsma l-ġodda.

Proprju ftit tal-ġranet ilu ħabbarna t-twaqqif ta’ inizjattiva li ser tiftaħ orizzonti ġodda fil-qasam tal-life sciences f’pajjiżna.

Il-BioMalta Campus, ser joffri lir-riċerkaturi, li dan iċ-ċentru mistenni jattira lejn Malta, il-possibilità li jkollhom kollaborazzjoni mill-qrib ma’ riċerkaturi oħra fl-Università u fl-Isptar Mater Dei. Iċ-ċentru, li mistenni jitlesta fl-2014, għandu jipprovdi spazju u faċilitajiet għar-riċerkaturi u kumpaniji involuti fl-oqsma tal-bijoteknoloġija u l-life sciences, b’mod li tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma f’Malta. Ix-xogħol fuq il-proġett, li se jitwettaq b’investiment ta’ kważi €30 miljun kofinanzjati bejn il-Gvern, il-Malta Enterprise u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, beda f’Settembru bit-twaqqiegħ ta’ dik li kienet il-fabbrika tal-Yorkie.

Flimkien ma’ esperti barranin, twaqqfet ukoll il-BioMalta Foundation li se tkun responsabbli mill-iżvilupp tal-mudell kummerċjali għall-amministrazzjoni ta’ dan iċ-ċentru u se tkun qed taħdem biex tattira aktar kumpaniji f’dan il-qasam lejn Malta kif ukoll tgħin biex jitwaqqfu aktar kumpaniji lokali. Għal dan il-għan il-BioMalta Foundation se tkun qed twaqqaf fond ta’ madwar €200 miljun.

Proprju lbieraħ ħabbarna inizjattiva oħra fil-qasam tal-entertainment elettroniku permezz ta’ logħob hekk imsejjaħ multiplayer online games fuq il-kompjuters b’investiment privat li ser jissarraf fil-ħolqien ta’ madwar 100 post tax-xogħol f’dan il-qasam speċjalizzat.

Anke hawn, għadna fil-bidu ta’ inizjattiva li fuq medda ta’ żmien ser tiftaħ opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tas-software għal-entertainment kompjuterizzat b’mod online li llum sar suq li jiġbed investiment ta’ biljuni ta’ ewro. Il-fiduċja li l-investituri barranin u stakeholders ta’ fama mondjali qegħdin juru f’pajjiżna għandha timlina b’kuraġġ. Dawn huma nies magħrufa sew f’dan il-qasam. Kellhom l-għażla li jmorru l-Canada, l-Istati Uniti, Londra jew xi pajjiżi oħra Ewropej. Imma għażlu lil pajjiżna.

Issa lkoll irridu naħdmu biex naraw lil dan is-settur, li diġà kien twieled f’pajjiżna anke b’inizjattivi tal-privat, issa narawh ikompli jikber u jissaħħaħ.

Infakkar li dawn kollha huma setturi li semmejniehom fil-Viżjoni 2015 għal pajjiżna u li bil-mod il-mod qegħdin isiru realtà.

Mr. Speaker f’dik il-viżjoni konna poġġejna l-Edukazzjoni bħala wieħed mis-seba’ pilastri li ntrabatna li nikkonċentraw fuqhom sas-sena 2015 u lil hinn.

Għalhekk huwa importanti li nagħti ħarsa dettaljata lejn il-qasam tal-edukazzjoni avvanzata u terzjarja - wieħed mis-setturi l-aktar importanti biex uliedna u l-poplu tagħna jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom kif ukoll għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. 

Dan huwa settur li f’dawn l-aħħar snin ra investiment li qatt ma kien ra bħalu.

Bħalissa il-Belt timtela bl-istudenti jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom.  Tafu kemm iggradwaw studenti fl-ewwel gradwazzjoni wara li nbidel il-Gvern f’Mejju 1987? Lanqas temmnu! 246 student u studenta f’dik is-sena. Tafu kemm qed jiggradwaw studenti bħalissa? 2844 student u studenta f’din is-sena li qegħdin fiha. Aktar minn għaxar darbiet iżjed!!  U hawn mhux insemmi l-istudenti tal-MCAST.

Daqstant importanti hu l-fatt li 60% ta’ dawn l-istudenti huma nisa u l-40% l-oħra huma rġiel – sinjal li mexjin biex inkomplu nżidu r-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna.

Imbagħad jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna fil-proposta numru 31 li ser jagħmel “pjan ewlieni” biex iż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw wara li jagħlqu 16-il sena!! Fl-aħħar ħames snin il-budget korrenti tal-Universita ta’ Malta rdoppja, minbarra l-investiment kapitali kbir li għaddej.  Ma dawn hemm l-investiment fl-MCAST, fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, u l-programmi ta’ boroż ta’ studju li qed joffri l-Gvern. Tafu kemm kien il-budget tal-Univerista tal-aħħar Gvern Soċjalista qabel l-1987? Lm 1,566,000 jew €3,640,000!!  Illum huwa €50 miljun rikorrenti u €11 miljun kapitali.

Fid-dinja globalizzata li qed ngħixu fiha, università ma tikbirx jekk tibqa’ b’viżjoni dejqa u parrokkjali. Trid tħares lil hinn min xtutna. U għalhekk b’sodisfazzjoni kbir ninnota li l-Università ta’ Malta ħadmet bi prijorita fl-aħħar ħames snin biex tifrex ’il barra minn xtutna. Illum l-Università għandha studenti minn 76 pajjiż differenti, esperjenza unika għall-istudenti Malti u Għawdxin.  Imma aktar importanti minn hekk, l-Università ta’ Malta rnexxilha tattira universitajiet prestiġġjużi barranin biex jiftħu programmi f’Malta bi sħab mal-Università.

Illum f’Malta għandna l-King’s College tal-Università ta’ Londra, il-James Madison University, is-San Diego State University, il-George Mason University u l-University of Maryland li qed joffru programmi fil-livell ta’ Masters Degree flimkien mal-Università ta’ Malta.  Din hija biss ħarsa fuq fuq tal-iżvilupp li għaddej f’dan is-settur u ma tinkludix in-numru dejjem jikber ta’ programmi multilaterali ma’ universitajiet ewropej f’tant oqsma differenti.

Permezz ta’ din l-istrateġija li toffri programmi flimkien, l-Università ta’ Malta b’mod konkret u reali diġà rnexxielha ġġib f’Malta ħames universitajiet barranin ta’ prestiġju. U dan għall-benefiċċju ta’ studenti Maltin u barranin li waqt li jistudjaw f’Malta jikkwalifikaw b’degrees mogħtija flimkien mill-Università ta’ Malta u l-università barranija.

Permezz ta’ din l-istrateġija, l-Università tagħna poġġiet lil Malta fil-mappa internazzjonali tal-edukazzjoni terzjarja.

Fil-budget ħabbarna l-għażliet strateġici li jmiss biex l-Università ta’ Malta tkun tista’ timpenja l-assi tagħha sabiex ittejjeb it-tagħlim, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Tajjeb insemmi wkoll l-MCAST u Istitut għall-Istudji Turistiċi.  L-investiment kbir li qed isir hawnhekk qed iwassal biex aktar studenti jkomplu l-edukazzjoni wara s-sekondarja, u numru sabiħ qed jibqgħu mexjin lejn edukazzjoni terzjarja.  Is-sena d-dieħla se nkunu impenjati ma’ kull minn hu involut f’dan is-settur biex inwasslu għal aktar kordinazzjoni strateġika fil-qasam tal-edukazzjoni post sekondarja u terzjarja.

Il-Qafas għall-Assigurazzjoni ta’ Kwalità li għadu kemm ġie ppreżentat jassigura li s-settur privat ta’ kwalità wkoll jiżviluppa fil-qasam tal-edukazzjoni avvanzata.

Jekk ma’ dan l-iżvilupp tgħodd il-mijiet ta’ boroż ta’ studju li l-Gvern qed jagħti biex studenti Maltin ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom f’livelli ta’ Masters u Dottorat, allura nibdew napprezzaw ingredjent ewlieni mis-suċċess li qed jagħmel pajjiżna. 

Mr. Speaker,

F’dan il-Budget żidna l-investimenti tagħna fil-qasam tal-kultura, teatru, arti u l-kreattività b’numru ta’ inizjattivi li mhux biss ser jaraw lil pajjiżna joħroġ fil-beraħ il-patrimonju u l-wirt tiegħu restawrat u mogħti l-ġmiel oriġinali tiegħu, imma ser jara wkoll lill-Belt Valletta terġa’ takkwista l-ġmiel u d-dinjità li jixirqilha bħala Belt kapitali tal-gżejjer tagħna.

Dan ukoll hu parti mill-viżjoni tagħna għal pajjiżna. Viżjoni li madwarha ġie minsuġ il-Budget għas-sena d-dieħla bil-miżuri kollha li qegħdin jittieħdu inkluż fil-qasam tal-arti, kultura, mużewijiet, teatru eċċ.

F’dan il-kuntest insemmi wkoll li f’dan il-Budget nedejna inizjattivi oħra li l-ħsieb warajhom hu li nieħdu ħsieb il-bini skedat imma abbundunat li jinstab fil-qalba tal-bliet u rħula tagħna. L-iskop ta’ din l-inizjattiva hi mhux biss li nsalvaw postijiet sbieħ u prezzjużi u narawhom jintuzaw flok jibqgħu abbandunati.

Nixtieq nirreferi wkoll għal inizjattiva oħra li ħabbarna f’dan il-Budget u li ġiet ikkritikata b’xi mod mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Nedejna inizjattiva biex ninċentivaw lil numru ta’ operaturi – il-maġġoranza tagħhom sidien ta’ negozji zgħar – biex isolvu l-problemi ta’ arretrati li għandhom fil-ħlas tal-VAT u fl-istess ħin jiffrankaw il-multa li altrimenti jkollhom iħallasu.

Irrid nirrepeti li din ma hijiex amnestija tal-VAT dovut. L-ammont tal-VAT irid jitħallas kollu kemm hu. Il-vantaġġ għal min juża din l-iskema ser ikun li jkun jista’ jiffranka l-multa u l-imgħax fuq il-multa imma b’mod speċjali jkun jista’ jiġi in-line mal-obbligi tiegħu skont il-liġi u darba għal dejjem jeħles mill-inkwiet biex jikkonċentra fuq in-negozju.

Miżura oħra li wkoll tistimola l-attività ekonomika imma għandha dimensjoni ambjentali qawwija hi d-deċiżjoni li ħadna biex inkomplu ninċentivaw lill-konsumaturi jixtru karozzi ġodda minflok second hand u dan bl-iskop li jkollna flotta ta’ karozzi aktar moderni li jħammġu inqas u li jużaw inqas fuel minn karozzi oħra.

Implimentajna l-miżura li nnaqqsu l-bolla għall-bdiewa u r-raħħala tagħna apparti l-miljuni l-oħra li marru għall-għajnuna diretta lil dan is-settur li din is-sena kellu jħabbat wiċċu ma’ numru ta’ sfidi inkluż il-kompetizzjoni mal-prodott li jiġi impurtat minn Sqallija. Hawnhekk irrid nirrimarka li daħħalna proċeduri ġodda li jippermettulna noqogħdu għassa għal dak li qiegħed jidħol u fejn hemm ksur tal-liġi jiġi kkonfiskat il-prodott u eventwalment jew mibgħut lura minn fejn ġie jew jiġi distrutt.

Inżid ngħid li l-Gvern qed jaħdem fuq miżura oħra biex jgħin lill-bdiewa u lir-raħħala full-time jkopru parti mill-ispejjeż li qed jerfgħu minħabba l-użu tal-fuel. Inizjattiva bħal din ovvjament trid tkun konformi mar-regoli Ewropej.

U komplejna bl-investiment qawwi fil-Gżira Għawdxija li bil-mod il-mod qegħda takkwista dejjem iżjed id-dimensjoni ta’ gżira li hi ekoloġikament ta’ livell għoli. 

Hemm imbagħad it-tieni kategorji ta’ miżuri li huma indirizzati lejn il-familji tagħna. Bla dubju l-aktar wahda importanti u effettiva hija dik li daħħalna tax band ġdida għal ġenituri li jrabbu t-tfal sa 18 il-sena jew sa 21 sena jekk dawn jattendu f’xi istituzzjoni post-sekondarja.

Infakkar ukoll li f’dan il-budget żidna r-rata minima ta’ Children’s Allowance li titħallas lill-familji kollha u dan biex nuru li għandna katina sħiħa ta’ inizjattivi mfassla proprju biex ipoġġu lil uliedna u l-ġenituri tagħhom fl-aħjar pożizzjoni possibbli li ċ-ċirkostanzi jippermettulna sal-lum.

Imbagħad ma nistax ma nsemmix l-għajnuna li tingħata lill-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom fi skejjel privati. Ħabbarna li se jinħoloq fond biex jgħin lil dawn l-iskejjel, li s-sena d-dieħla se jipprovdi €1 miljun f’għajnuniet.

Barra minn dan, tingħata għajnuna diretta wkoll lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’dawn l-iskejjel. Bħalissa hemm 4,160 familja li jkollhom tnaqqis fl-income tax għax jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati. Dawn il-ġenituri bejn l-2008 u l-2010 iffrankaw total ta’ €4.7 miljun f’taxxa.

Issa ħabbarna li mis-sena d-dieħla se jiżdied l-ammont massimu ta’ tnaqqis f’taxxi lill-ġenituri li jħallsu miżati tal-iskola għal uliedhom.

Mr. Speaker,

Dawn huma miżuri importanti mhux biss għax se jgħinu lil tant familji li jinvestu fl-edukazzjoni obbligatorja ta’ wliedhom imma għax isaħħu d-dritt tal-għażla fl-edukazzjoni obbligatorja, dritt li l-poplu Malti u Għawdxi bata għalih u li jeħtieġ nagħmlu minn kollox biex inħarsuh.

Imbagħad hemm l-investiment l-ieħor li qegħdin nagħmlu fil-qasam tas-saħħa fejn nerġa’ ntenni s-sens ta’ sodisfazzjon tal-Gvern meta nirrikonoxxu li qed jirnexxielna nkabbru l-investiment fil-qasam tas-saħħa inkluż fi sptar ġdid biex inżidu l-ġlieda kontra l-marda tal kanċer.

Dan apparti l-investiment miżjud biex innaqqsu l-lista ta’ stennija, nagħtu aktar mediċini b’xejn u naħsbu f’dawk li huma l-aktar dgħajfa fis-socjetà tagħna minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom.

Dwar il-lista ta’ stennija jidher li għamilna progress fil-qasam tal-katarretti. Issa rridu nibdew nagħmlu progess f’oqsma oħrajn fejn għandna waiting list bħal fil-każ tal-hip replacement. Irrid ukoll insellem lill-professjonisti, nurses, u ħaddiema oħra li jaħdmu f’dan l-isptar tagħna b’tant dedikazzjoni. Ngħidilhom grazzi għall-fatt li llum qed isiru kważi 42,000 operazzjoni f’Mater Dei meta fl-2007 fl-Isptar San Luqa kienu saru ftit inqas minn 33,000.

Infakkar ukoll li l-Budget għas-sena d-dieħla ħaseb għall-anzjani u l-pensjonanti. Il-pensjonanti llum qegħdin jirċevu ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja, jistgħu jmorru jaħdmu u jaqilgħu kemm iridu mingħajr ma jitilfu l-pensjoni u min għandu pensjoni tas-servizz ser inħallulu kwota akbar minn dik il-pensjoni fil-but tiegħu.

Imma l-anzjani għandhom bżonnijiet oħra wkoll. Ħsibna biex ikollna aktar sodod fid-djar tal-anzjani fil-komunità. Ħsibna biex erġajna nnaqqsu t-taxxa tad-dħul għal dawk il-familji li jħallsu biex l-anzjani tagħhom jibgħatuhom fid-djar privati. Ħsibna biex tajna allowance ġdida lil dawk l-anzjani li ma jgħixux f’dar residenzjali imma jgħixu waħedhom jew mal-familji tagħhom. U issa ħsibna għal aktar mediċini b’xejn, inkluż fil-qasam tad-dementia.

Irrid ngħid ukoll li jiena kburi li mill-budget għas-sena d-dieħla żidna l-vot fil-qasam tal-persuni b’diżabilità b’€2.2 Miljun f’għajnuniet iddedikati għal servizzi lil persuni b’diżabilità li issa b’kollox laħqet total li jaqbeż il-€11-il miljun. Il-prijorità tagħna hi li nagħmlu kull ma nistgħu biex nagħtu soluzzjoni lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li huma dejjem inkwetati dwar x’ser jiġri lil uliedhom meta jiġu neqsin huma jew meta għal raġunijiet ta’ mard ma jkunux jistgħu jkomplu jieħdu ħsieb ta’ uliedhom kif jixtiequ.

Dan kollu qed nagħmluh meta ħaddiehor qiegħed inaqqas mhux iżid l-ispejjeż fil-qasam soċjali.

Inkomplu naraw żieda fid-dinja tax-xogħol, b’żieda speċjalment fin-numru ta’ nisa li jagħżlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol bl-aħjar sistemi li jgħinu biex jinstab il-bilanċ mad-doveri li l-ġenituri għandhom lejn il-familja u t-trobbija tat-tfal.  Ħabbarna żieda fil-maternity leave.

Għal darb’oħra, pajjiżna reġa’ qiegħed f’salib it-toroq.

Din mhix l-ewwel darba u lanqas ser tkun l-aħħar waħda. Għaddejna minn toroq iebsa ħafna. Toroq għat-telgħa u toroq imħarbta għall-aħħar.

Konna ppreparati u rnexxielna nipproteġu ħobżna ta’ kuljum, ix-xogħol, is-servizzi tas-saħħa, l-pensjonijiet, l-edukazzjoni, l-istipendji, il-kwalità tal-ħajja li ħdimna għaliha mill-Indipendenza ‘l hawn. Mhux biss irnexxilna nżommuhom, iżda bis-saħħa tal-poplu ħawtiel tagħna irnexxielna ntejbuhom.

Mixjin. Id-direzzjoni li qbadna hi tajba u s’issa tatna riżultati eċċellenti.

Imma t-triq quddiemna għada iebsa.

F’dan il-budget qed nuru b’mod ċar it-triq li se nkomplu nimxu fiha. Fid-direzzjoni li mexjin s’issa fiha. Direzzjoni li hi mibnija fuq valur wieħed essenzjali – il-fiduċja sħiħa tagħna fil-poplu Malti u Għawdxi.

Mr. Speaker,

Aħna għandna fiduċja kbira fil-poplu tagħna. Aħna kburin bil-poplu tagħna.

Le. Il-poplu Malti mhux makku. Makkak forsi, imma mhux makku!

Lanqas mhu poplu beżżiegħ.  F’salib it-toroq faċli jkun hemm min iħajrek taqbad it-triq li tidher aktar ħafifa, jew li ddawwar ir-rotta u terġa’ lura, jew li taqbad triq bla direzzjoni ċara.

Huma f’dawn il-mumenti li għandna nibqgħu sodi u determinati fid-direzzjoni li mexjin fiha.

Ma tistax taqbad triq skont kif ifettillek, jew skont ma’ min tkun qed titkellem, jew skont l-opportuniżmu politiku, jew skont fejn ikun qiegħed jonfoħ ir-riħ.

Pajjiżna ma jistax jitlef l-għaqal u l-istabbiltà li mexxewna fil-maltemp li għaddejna minnu.

Għada pitgħada, it-tfal tat-tfal tagħna jħarsu lura lejn id-deċiżjonijiet li qed nieħdu llum u jagħrfu fihom is-sisien ta’ Malta u Għawdex li jkunu qed jgħixu fihom.

Din hija l-ispirazzjoni tagħna.

Għal dan qed nistinkaw lejl u nhar.

U konvinti li b’għaqal u b’serjetà biss nirbħu l-maltemp

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow