Il-PRESIDENT GEORGE ABELA JŻUR IL-KULLEĠĠ TA’ DE LA SALLE
Il-President George Abela dalgħodu żar il-Kulleġġ ta’ De La Salle fejn iltaqa’ mal-għalliema u studenti tal-Primarja, Sekondarja u tas-Sixth Form.
Il-President Abela, li kien akkumpanjat minn Brother Martin Borg, iltaqa’ mal-istudenti tas-Sixth Form li qassmu miegħu esperjenzi ta’ volontarjat li kellhom ma’ tfal minn naħa tal-Kottonera fejn kienu jiddedikaw ammont ta’ ħin magħhom jgħinuhom jagħmlu l-Homework. Din il-ħidma saret ma’ tfal li jinsabu f’familji bi problemi soċjali. Il-President faħħar din l-inizjattiva u qal li l-volontarjat huwa valur sabiħ li l-Presidenza tiegħu qedha tagħtiha l-importanza mistħoqqha. Il-President Abela ġie milqugħ mill-istudenti ċkejknin tal-primarja li b’ħafna entużjażmu kantaw l-innu tal-iskola b’animazzjoni iggwidata minn student ċkejken. Fil-primarja segwa ukoll lezzjoni tax-xjenza u dawn l-istudenti spjegaw lill-President l-esperimenti xjentifiċi li kienu qed jagħmlu. “Dan huwa żmien sabiħ li tridu tibżgħu għalih u tieħdu l-aħjar li tistgħu minnu”, żied jgħid il-President ta’ Malta.
Filwaqt li ltaqa’ mal-istudenti tas-Sekondarja li ukoll jiffurmaw parti mill-kulleġġ, il-President Abela nieda cross country race. “L-isport għandu jkunu fil-ħajja ta’ kull wieħed minnkom sabiex verament tiżviluppaw b’mod sħiħ”, qal il-President Abela li ma naqasx milli jħeġġiħhom ukoll jieħdu sehem fil-Fun Run tal-President li ser ssir nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru b’risq l-Istrina.
Fi tmiem iż-żjara f’dan il-kulleġġ bi tradizzjoni ta’ mitt sena, il-President George Abela awgura ħidma fejjieda lill-mexxejja u l-għalliema tagħha liema ħidma ssarraf f’edukazzjoni tal-ogħla livell, waħda inklussiva kif ukoll fit-tkattir ta’ valuri oħrajn li jiffurmaw is-soċjetà tagħna.
Il-President Abela żar l-iskejjel primarji u sekondarji kollha tal-Gvern f’Malta u Għawdex u minn din is-sena skolastika beda jżur l-iskejjel tal-Knisja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en