Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-KONFERENZA “L-IŻVILUPP FIL-PROFESSJONIJIET TAN-NURSING U L-MIDWIFERY LEJN SERVIZZ AĦJAR”, ORGANIZZATA MILL-MUMN – MARFA – L-ERBGĦA 23 TA’ NOVEMBRU 2011

pr2267
Date Icon 23/11/2011

Bonġu.  Grazzi tal-istedina tagħkom sabiex nindirizza dan is-seminar.

Nixtieq nieħu l-opportunità biex naqsam magħkom xi ħsibijiet u riflessjonijiet tiegħi, bħala ċittadin, bħala tabib, u bħala Ministru tas-Saħħa, fuq it-tema tas-seminar, ta’ llum.

Bħala ċittadin, u xejn iżjed minn ċittadin komuni, l-unika żvilupp f’dawn il-professjonijiet li wieħed ikollu verament interess li jara, huwa dak l-iżvilupp li jissarraf direttament f’titjib fil-kwalità u l-livell tal-kura li tingħata mill-infermiera u mill-qwiebel.

F’dawn l-aħħar snin rajna avvanzi kbar fil-kwalità u fid-diversità ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħrig għal dawn iż-żewġ professjonijiet. F’għajnejn iċ-ċittadin, dawn l-avvanzi huma ta’ xi valur biss jekk jissarfu f’servizz aħjar lejn il-pazjenti.

Iċ-ċittadin ftit li xejn iqis il-valur ta’ riżultati oħra ta’ avvanzi fit-taħriġ u l-edukazzjoni, bħalma huma l-livell jew it-tip ta’ kwalifika li jġorru dawn il-professjonisti. Iċ-ċittadin jinterresah li jirċievi servizz tajjeb, minkejja l-kwalifiki għolja jew minimi, li jkollhom l-infermiera jew l-qwiebel li jieħdu ħsiebu.

Tajjeb li lkoll nifhmu li l-avvanzi fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-infermiera u l-qwiebel huma tassew tajbin ħafna. Bla dubju aħna determinati li nkomplu fuq dan it-tip ta’ żvilupp ta’ taħriġ u edukazzjoni, imma nixtieq naċċenna fuq l-importanza ewlenija li għandha l-imġieba tal-infermiera u tal-qwiebel.

Ejja ma ninsewx li hija l-imġieba ta’ dawn il-professjonisti li tiddetermina bil-kbir il–livell tas-servizz li jiġi pprovdut.

Ejja mela lkoll nifhmu u flimkien naħdmu sabiex insostnu l-iżvilupp fit-taħriġ u l-edukazzjoni, filwaqt li nżommu enfasi kbira fuq s-sejba u t-tkattir ta’ imġieba tajba fost l-infermiera u l-qwiebel tagħna….biex verament nimxu lejn servizz aħjar…

Bħala tabib, (ilkoll tafu, qed nassumi, li jien tabib - psikjatra) nista’ ngħid li mhux biss naf x’avvanzi diġà saru, imma nifhem, għax kelli l-esperjenza naħdem ma’ infermiera u qwiebel, bħala student u gradwat tal-mediċina, u waqt id-dmirijiet tiegħi, fis-servizzi tas-saħħa tul is-snin. 

Bħala tabib, ninnota bi pjaċir li dan iż-żmien l-infermiera u l-qwiebel jistudjaw fuq l-istess bank u fl-istess libreriji tal-Università mat-tobba u professjonisti oħra. Ninnota b’sodisfazzjon li ħafna mid-diżlivelli li forsi kienu jeżistu bejn il-professjonijiet diversi tas-saħħa, naqsu.

Jista’ jkun li fadal xi sfidi li għad irridu ngħelbu, imma llum, f’pajjiżna wkoll,  nagħrfu biċ-ċar li kull professjoni għandha rwol distint tagħha, par ma’, imma differenti mir-rwol ta’ professjonijiet tas-saħħa oħra. L-infermiera u qwiebel tagħna llum żgur jgħammru f’eżatti l-istess xena ta’ professjonisti tas-saħħa l-oħra,…. imkien aktar !

Bħala tabib, jiena mhux biss naf, imma sinċerament nemmen li l-pass ħabrieki tal-avvanz fil-professjonijiet tal-infermiera u l-qwiebel, li ilna naraw f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, irid jinżamm. Il-kura tas-saħħa kontinwament tinbidel, tikber, tavvanza u titkattar….allura l-professjonijiet tas-saħħa iridu jagħmlu l-istess.

Bħala tabib, naf fiż-żgur li l-professjoni tal-mediċina….tagħna t-tobba…ilha li qabdet ritmu stabbli li ma jidhirx li ser jitnaqqas. Jien fiduċjuż li l-infermiera u l-qwiebel ukoll kapaċi jżommu r-ritmu ta‘ żvilupp meħtieġ…biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar !

Inwiegħed bħala tabib, li nibqa’ naħdem biex ikompli jikber ir-rispett u wisq iżjed l-apprezzament lejn l-infermiera u l-qwiebel u l-professjonijiet tagħhom.

Fl-aħħar nett nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet bħala Ministru tas-Saħħa.

Emmnuni, jien kuntent ħafna li llum ġejt mistieden nindirizza membri, (infermiera u qwiebel), tal-MUMN, li hija Union li kemm-il darba  iddiżappuntatni bl-attitudni u kliem ikrah, ħażin u żbaljat fil-konfront tiegħi bħala Ministru tas-Saħħa, u tax-xogħol u r-rwol tiegħi bħala Ministru.

Nispera, u sinċerament nittama li fi triqitkom lejn l-avvanz tal-professjonijiet tal-infermiera u tal-qwiebel ma terġgħux tweġġgħu b'diskorskom, bħalma diġà ġara. Ejja verament infittxu li naħdmu lejn servizz aħjar, naħseb naqblu lkoll li ma hemmx lok għal żbalji bħalma esperjenzajna, jekk veru rridu navvanzaw biex naslu għal servzz aħjar.

Bħala Union hemm kontribut enormi u siewi li tistgħu tagħtu ; bħala Ministru mhux biss nafu dan, imma lest li nirċievi l-kontribut għaqli u kostruttiv tagħkom.

Grazzi u nawguralkom seminar tajjeb.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow