Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JIGGARANTIXXI L-GĦAŻLA FL-EDUKAZZJONI ... AKTAR GĦAJNUNA LILL-ISKEJJEL INDIPENDENTI

pr2256
Date Icon 22/11/2011

Il-Gvern irid ikompli jiggarantixxi d-dritt li l-ġenituri jagħżlu huma f’liema skejjel iridu jibagħtu lil uliedhom, u dan qed jagħmlu billi jagħtu wkoll għajnuna lill-iskejjel indipendenti.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina żaret l-iskola sekondarja tas-St. Michael’s Foundation li hi skola indipendenti u li għandha wkoll skola primarja f’Pembroke.

Bħalissa, l-iskejjel indipendenti, flimkien ma’ dawk tal-Gvern u tal-Knisja qed jikkollaboraw flimkien fid-diversi riformi li qed isiru fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-Gvern jibqa’ impenjat li safejn hu possibbli jkompli jgħin ukoll l-iskejjel indipendenti u lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fihom, għax b’hekk ikompli jsaħħaħ l-għażla tal-ġenituri għall-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Madwar 6,700 tifel u tifla, jattendu fi skejjel indipendenti mferrxa ma’ Malta u Għawdex.  Fil-fatt hawn 19-il kindergarten indipendenti li fihom jattendu madwar 1450 tifel u tifla; 14-il skola primarja fejn jattendu 3,000 tifel u tifla u 10 skejjel sekondarji li fihom jattendu 2243 student.

Il-Ministru Cristina qalet li l-Gvern jirrikonoxxi l-kontribut li jagħtu dawn l-iskejjel fil-qasam edukattiv u għalhekk se jinħoloq fond biex jgħin lil dawn l-iskejjel, li s-sena d-dieħla se jipprovdi €1 miljun f’għajnuniet.

Dan il-fond se jintuża mill-iskejjel skont in-numru ta’ studenti li għandhom u l-flus minnu jistgħu jintużaw għal servizzi marbuta mal-ħtiġijiet individwali tal-istudenti, biex jinxtara software jew liċenzji tal-IT, biex itejbu l-faċilitajiet għat-tagħlim tax-xjenza jew faċilitajiet sportivi kif ukoll għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema.

Mal-iskejjel indipendenti qed infasslu programm ta’ tliet snin ta’ kollaborazzjoni flimkien biex inkomplu nsaħħu s-settur edukattiv ta’ pajjiżna.

Barra minn dan, tingħata għajnuna diretta wkoll lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’dawn l-iskejjel.  Bħalissa hemm 4,160 familja li jkollhom tnaqqis fl-income tax għax jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati.  Dawn il-ġenituri bejn l-2008 u l-2010 iffrankaw total ta’ €4.7 miljuni f’taxxa.

Fil-Baġit tħabbar li mis-sena d-dieħla se jiżdied l-ammont massimu ta’ tnaqqis f’taxxi lill-ġenituri li jħallsu miżati tal-iskola għal uliedhom. 

Min għandu tfal f’daycare centre jew kindergarten se jiffranka €1,300 fis-sena, €100 aktar milli kien jiffranka sal-lum; min għandu tfal fil-primarja se jiffranka €1,600 flok €1,200 u min għandu tfal fis-sekondarja jiffranka €2,300 flok €1,600.

Barra minn dan, il-Gvern jgħaddi flus lill-ġenituri li uliedhom imorru fi skejjel indipendenti u jkollhom bżonn is-servizz ta’ Learning Support Assistants, biex ikunu jistgħu jħallsu għal dan is-servizz.  Matul din is-sena hemm 55 Learning Support Assistant li qed jagħtu servizz lil 86 student fi skejjel indipendenti u l-Gvern se jħallas sa €400,000 għal dan is-servizz.

Matul din iż-żjara l-Ministru żaret diversi klassijiet, laboratorji u faċilitajiet oħra li toffri l-iskola. Alfred Sant Fournier wieħed mid-Diretturi tas-St. Michael’s Foundation irringrazzja lill-Ministru Cristina kemm għaż-żjara li għamlet fl-iskola kif ukoll għall-għajnuna u l-appoġġ li tagħti lill-iskejjel indipendenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow