IL-MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA JILTAQA’ MA’ DELEGAZZJONI MILL-KUMMISSJONI EWROPEA GĦALL-EFFIĊJENZA FIL-ĠUSTIZZJA
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern dalgħodu kellu laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza fil-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa (CEPEJ), fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li bħalissa tinsab Malta biex tkompli x-xogħol tagħha b’rabta ma’ proċess ta’ evalwazzjoni u tħejjija ta’ proposti dwar is-sistema ġudizzjarja f’Malta.
Din kienet żjara oħra li qed issir minn din il-Kummissjoni wara li fis-sena 2008 l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien l-U.T. Vincent De Gaetano kienu qablu li għandu jsir proċess ta’ awditjar indipendenti ta’ dak li għaddej fil-Qorti ta’ Malta. Il-Kummissjoni, għalkemm qatt ma kellha talba simili, aċċettatha fis-sena 2009. F’Diċembru ta’ dik is-sena stess, saret l-ewwel żjara minn delegazzjoni tas-CEPEJ li bdiet ix-xogħol preliminari tagħha. Abbażi ta’ dan, diġà saru numru ta’ osservazzjonijiet preliminari li tlestew f’Mejju 2010.
Fl-osservazzjonijiet preliminari tagħha, il-Kummissjoni ffukat fuq numru ta’ punti importanti - fosthom l-aspett tal-kawżi ċivili, l-aspett tal-kawżi kriminali, it-taħriġ tal-professjonisti ġuridiċi, in-numru u l-kundizzjoni tagħhom, it-taħriġ tal-avukati, kif ukoll dwar l-amministrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-Qorti.
Il-Kummissjoni ser tkompli ukoll taħdem f’iktar dettal dwar l-imminaġġjar tax-xogħol ġudizzjarju fl-awli.
Għalhekk fix-xhur li ġejjin ser ikomplu jsiru laqgħat mal-operaturi legali kollha li huma involuti fl-aspetti koperti minn dawn l-osservazzjonijiet biex wara jiġi ppreparat dokument iktar dettaljat mibni fuq il-pariri tal-Kummissjoni innifisha u s-suġġerimenti tal-istakeholders Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en