XJENZAT MALTI NOMINAT BIEX JIEĦU SEHEM FIN-NOBEL LAUREATES MEETING F’LINDAU
Iffirmat Memorandum of Understanding mal-Universita’ ta’ Malta
Ix-xjenzat Malti Dr. Andre’ Xuereb kien nominat mill-Gvern Malti biex jieħu sehem fil-laqgħa tan-Nobel Laureates għax-Xjenza li se ssir is-sena d-dieħla f’Lindau fil-Ġermanja. Dan kien possibbli wara li fuq inizjattiva tas-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Universita’ ta’ Malta u n-Nobel Foundation iffirmaw memorandum of understanding sabiex Malta tieħu sehem f’dawn il-laqgħat bejn l-2012 u l-2014.
Il-laqgħa tan-Nobel Laureates issir kull sena fil-Ġermanja. In-Nobel Laureates Meetings ilhom isiru mill-1951. Madwar 30 Lawreat tan-Nobel jipparteċipaw kull sena u jkunu preżenti għal-lectures u diskussjonijiet ma’ mijiet ta’ studenti, riċerkaturi u xjentisti minn madwar id-dinja. F’Ġunju li għadda saret il-61 laqgħa tax-xorta tagħha u fiha saru diskussjonijiet dwar il-Fiżjoloġija u l-Mediċina. Fiha ħadu sehem 23 lawreat tan-Nobel u 566 riċerkatur minn 77 pajjiż madwar id-dinja. Fuq l-aġenda tal-laqgħa għall-2012 hemm diskussjoni dwar il-Fiżika.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li din hi inizjattiva oħra għal pajjiżna fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u r-riċerka li permezz tagħha mhux biss qed jinħolqu opportunitajiet għal riċerkaturi u xjentisti Maltin iżda wkoll qed jitwessgħu aktar il-parametri tal-istudji u r-riċerka tagħhom ma’ xjentisti minn madwar id-dinja.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Gvern qed jinvesti ħafna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Diġà beda x-xogħol fuq park industrijali b’investiment ta’ €30 miljun imsejjaħ BioMalta Campus. Dan se jipprovdi l-infrastruttura neċessarja għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali lill-industrija tal-farmaċewtika u xjenzi relatati mal-ħajja. Fl-istess ħin spjega l-impenn tal-Gvern li jkompli jżid il-valur miżjud tal-industrija Maltija billi jgħinha tinvesti aktar fir-riċerka, l-innovazzjoni u fl-iżvilupp teknoloġiku. Kien propju għalhekk li fil-Baġit 2012 tħabbar li l-inċentivi fiskali li kienu japplikaw għal min kien jaħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-on-line gaming, issa ġew estiżi għal dawk il-Maltin li huma speċjalizzati iżda li jixtiequ jirritornaw biex jaħdmu Malta, kif ukoll għal dawk li jridu jagħmlu riċerka, jikkummerċjalizzaw xi invenzjoni jew teknoloġija f’Malta.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) Jeffrey Pullicino Orlando qal li fil-Baġit 2012 il-Gvern żied il-vot tar-riċerka tal-MCST għal €1.6 miljun. Fl-istess ħin inħoloq fond ġdid biex tingħata għajnuna fl-internazzjonalizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Riċerkaturi Maltin se jkunu megħjuna biex jipparteċipaw fl-FP7 tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk se jsir investiment ta’ €3.5 miljun f’Ċentru Interattiv tal-Xjenza li għandu jservi biex iħajjar aktar tfal u żgħażagħ jinteressaw irwieħhom fix-xjenza.
Ir-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta Prof. Juan Camilleri tkellem dwar ir-rwol tal-Universita’ ta’ Malta u qal li din għandha sehem importanti mhux biss fit-tagħlim iżda wkoll fir-riċerka, fil-kreattivita’ u fl-innovazzjoni li huma tant importanti għat-tkattir tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku.
Dr. Andre’ Xuereb irringrazzja lil min ħadem biex jingħata din l-opportunita’. Hu sostna li l-Lindau Nobel Laureates Meeting hi importanti għaliex il-parteċipanti jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu u jiddiskutu mal-akbar imħuħ fil-qasam tax-xjenza fid-dinja. Hu sostna li se juża din l-opportunita’ biex jakkwista aktar għarfien u japplikah fi proġetti ta’ riċerka f’Malta.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll id-Dekan tal-Fakulta’ tax-Xjenza il-Professur Charles Sammut.
Il-Curriculum Vitae ta’ Dr. Andre’ Xuereb qed jintbagħat separatament ma’ din l-istqarrija.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en