TIFTAĦ IL-CAREERS CONVENTION FL-UNIVERSITÀ
Il-Gvern qed jinvesti biex joħloq niċeċ ġodda li joffru xogħolijiet għaż-żgħażagħ tal-lum u t’għada
“Irridu ninvestu fl-edukazzjoni sabiex niggarantixxu x-xogħol għaż-żgħażagħ tal-lum u t’għada”. Dan qalu l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu fetaħ uffiċjalment il-Konvenzjoni tal-Karrieri fl-Università li qed tittella’ din il-ġimgħa mill-Kunsill Studenti Universitarji u l-AIESEC
Waqt id-diskors tal-ftuħ l-Onor Puli qal li edukazzjoni hija ċ-ċavetta tas-suċċess għaż-żgħażagħ tagħna u spjega kif il-Gvern qiegħed jinvesti 359 miljun ewro li hija żieda ta’ € 23 miljun fuq is-sena ta’ qabel, kif ukoll l-akbar nefqa fl-edukazzjoni ta’ kull Gvern mill-Indipendenza ’l hawn. Hu qal li dan l-investiment jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li qed jagħmlu pajjiżi Ewropej li qed jieħdu miżuri ta’ awsterità li qed jaffetwa ukoll l-investiment taghhom fl-edukazzjoni.
Clyde Puli qal li għas-sena d-dieħla n-nefqa rikorrenti tal-Università u l-Junior College se tlaħħaq il-58.2 miljun u fakkar ukoll li din is-sena għandna rekord ta’ 11,341 student li qed jattendu l-Università u rekord fl-ammont ta’ studenti ġewwa l-MCAST. Hu tenna li bħalissa madwar 18,000 student qed ikomplu jistudjaw u qed jieħdu stipendju fejn għas-sena d-dieħla l-Gvern qed jalloka 22.3 miljun Ewro fi stipendji.
L-Onor Puli qal li kif ftit tas-snin ilu l-Gvern kien investa biex ikabbar is-settur tas-servizzi finanzjarji llum il-Gvern qiegħed jinvesti biex jattira niċeċ ġodda fil-Health Biotechnology u fit-Teknoloġija tal-Informatika
Hu semma kif bħalissa qed isir xogħol kbir fl-Università bil-kostruzzjoni ta’ fakulta ġdida tal-ICT u faċilitajiet ta’ Health Biotechnology b’investiment ta’ 7.2 miljun Ewro. Dan fl-istess waqt li qed isir investiment ta’ 2.6 miljun Ewro ieħor fil-laboratorji fl-iskejjel sekondarji.
Clyde Puli tenna li pajjiżna jinsab minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi Ewropej bl-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, b’sitt punti perċentwali anqas mill-medja Ewropea.
Fil-Konvenzjoni pparteċipaw numru ta’ organizzazzjoniiet kummerċjali mis-setturi tal-komunikazzjoni, finanzjarji, innovazzjoni, edukazzjoni u saħħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en