Left arrow Mur Lura

AKTAR MINN €11 MILJUN F’GĦAJNUNIET LIL PERSUNI B’DIŻABILITÀ

pr2233
Date Icon 18/11/2011

Il-Gvern hu kommess li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità jimplimentaha b’azzjonijiet konkreti.  Dan l-impenn tal-Gvern hu rifless fil-Baġit tas-sena d-dieħla fejn hemm żieda ta’ €2.2 miljun fuq is-sena li għaddiet f’għajnuniet dedikati għal servizzi lil persuni b’diżabilità, li issa se jaqbżu l-€11-il miljun.

Dan ħabbritu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina waqt żjara li għamlet f’Dar Arka, f’Għawdex li tilqa’ fiha u toffri kenn lil persuni b’diżabilità.

Il-Ministru fakkret li ftit tal-ġranet ilu l-Parlament approva numru ta’ emendi f’diversi liġijiet bl-iskop li tkun tista’ tiġi ratifikata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Persuni b’Diżabilità li Malta diġà ffirmat.  Il-persuni b’diżabilità għandhom kull dritt għal għajnuna li tgħinhom jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti, inkluż id-dritt li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-pajjiż hu obbligat li jgħin b’kull mezz possibbli lil dawk il-membri tas-soċjetà li għandhom bżonnijiet speċjali jew li jbagħtu minn xi diżabilità u jassikura li jibqgħu integrati fil-komunità li jgħixu fiha.

Biex jassigura dan id-dritt il-Gvern joffri diversi servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom u jaħseb ukoll b’mod partikolari f’dawk li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jgħixu fil-familja tagħhom iżda jridu jibqgħu integrati fil-komunità li fiha għexu.

Waħda mill-biżgħat ta’ ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità hi xi jsir minn uliedhom meta huma ma jkunux għadhom hemm jew ma jkunux jifilħu jindukrawhom.

B’xorti tajba, il-Knisja u għaqdiet volontarji oħra, bl-għajnuna kontinwa tal-Gvern, jagħtu servizz ta’ residenzi fil-komunità għal dawn in-nies. Dan barra l-ħidma tal-Aġenzija SAPPORT li għandha wkoll residenzi fil-komunità li joffru akkomodazzjoni permanenti għall-klijenti.  Dawn jinkludu r-residenza Vajrita f’Marsaskala, Villino Maria fl-Imtarfa, id-djar residenzjali fil-Fgura u f’Ħal Kirkop, u Dar Andrew f’Bormla li kienet l-aħħar residenza li nfetħet.  Apparti minn dawn il-postijiet, SAPPORT tħallas ukoll għal positijiet residenzjali f’Dar Arka, Għawdex, u Dar Pirotta f’Birkirkara.

Permezz tas-Servizz fil-Komunità, l-Aġenzija tilħaq mal-105 persuna b’total ta’ 600 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa.  Dan is-servizz qiegħed kontinwament jiġi konsolidat.

SAPPORT tmexxi s-Servizzi ta’ Matul il-Jum li bħalissa jingħataw minn 9 ċentri mifruxa ma’ Malta u li jinsabu f‘Marsaskala, Ħal-Far, Fleur de Lys, żewġ ċentri fl-Imtarfa , Birgu, Swatar, Raħal Ġdid u ċ-Ċentru tal-Għomja f’Santa Venera.

Biex tmexxi l-ħidma fejjieda tagħha, is-sena li għaddiet il-Gvern ta lill-Aġenzija SAPPORT is-somma ta’ kwazi €6.6 miljun u għas-sena d-dieħla, biex din il-ħidma tkompli tinfirex il-Gvern qed jivvota €8.1 miljun.  Matul is-sena d-dieħla se jinfetaħ servizz ieħor, f’Pembroke, fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ li jgħinhom jisfruttaw opportunitajiet ta’ xogħol.

Dar Arka hi waħda mill-organizzazzjonijiet li toffri kenn lil numru ta’ persuni b’diżabilità li ma setgħux jibqgħu jgħixu fid-dar tagħhom. Din is-sena din id-dar ngħatat €183,000 mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji u s-sena d-dieħla din l-għotja se tiżdied biex tkun tista’ tkompli l-ħidma fejjieda tagħha.

Il-Gvern jagħraf li dan hu qasam li jinħtieġ ħidma kbira u għalhekk irnexxielu jasal fi ftehim ma’ bosta organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jagħtu servizzi lil persuni b’diżabilità u jħallas għalihom il-Gvern.  Ftehim ta’ din ix-xorta sar mal-Inspire, l-Equal Partners Foundation, l-Assoċjazzjoni tal-Persuni Neqsin mis-Smiegħ, Dar il-Wens, Dar Pirotta, u oħrajn.

Dan biex ma nsemmgħux id-Dar tal-Providenza li weħidha tilqa’ u toffri wens lil aktar minn 100 resident, ta’ etajiet diversi u b’diffikultajiet differenti, uħud minnhom severi ħafna fi tliet vilel fis-Siġġiewi u issa bdiet tiftaħ djar żgħar f’komunitajiet differenti, (is-Siġġiewi u l-Qawra), fejn persuni b’diżabilità jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti.  

Il-Gvern jirrikonoxxi wkoll li l-persuni b’diżabilità għandhom dritt għax-xogħol. Għal dan l-iskop, permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jinkoraġixxi lill-persuni b’diżabilità biex jattendu l-programmi ta’ taħriġ ‘mainstream’ li torganizza l-Korporazzjoni.

Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, l-ETC tipprovdi appoġġ permezz ta’ learning support assistants, servizz ta’ trasport b’xejn u interpreti tal-lingwa tas-sinjali meta l-persuni b’diżabilità jbagħtu minn nuqqas ta’ smiegħ jew diffikultajiet oħra.

L-ETC qed torganizza wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ li jakkomodaw gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabilità. B’hekk, dawn is-sessjonijiet ikunu speċifiċi għall-ħtiġijiet u d-diffikultajiet ta’ dawn il-gruppi.

Permezz ta’ ftehim ta’ tliet snin bejn l-ETC u l-Fondazzjoni Inspire, persuni b’diżabilità qed jiġu riferuti mill-ETC biex jattendu għal taħriġ provdut minn din l-organizzazzjoni. Ħafna drabi, dan it-taħriġ qed iwassal ukoll għal job placements fil-Fondazzjoni.

L-ETC toffri wkoll taħriġ informali permezz ta’ opportunitajiet li jesponu persuni b’diżabilità għad-dinja tax-xogħol. Dan isir permezz tal-Work Trial Scheme (proġett ko-finanzjat mill-ESF) u l-proġett Bridging the Gap.

Matul il-Work Trial Scheme, persuni b’diżabilità intelletwali jqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax-il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, ikunu qed jirċievu wkoll allowance ta’ 50% tal-paga minima.

Min-naħa l-oħra, il-persuni li jipparteċipaw fil-proġett Bridging the Gap, persuni b’diżabilità jirċievu allowance ta’ 80% tal-paga minima għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol.  Ħafna drabi, dan il-placement ma jdumx aktar minn 8 ġimgħat madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż meta jkun ċar li persuna tista’ tikseb impjieg f’dan il-post tax-xogħol.

Il-Ministru Cristina qalet li sakemm hu possibbli, persuna b’diżabilità għandha tibqa’ tgħix fil-komunità li trabbiet fiha.  Għalhekk, kull tant żmien l-Awtorità tad-Djar toħroġ għall-bejgħ postijiet li hi tibni. Dawn il-postijiet ikunu mmirata għal koppji għarajjes, familji, ġenituri waħedhom, u persuni waħedhom. L-Awtorità tirriserva l-ewwel 10% tal-postijiet minn kull kategorija għal persuni b’diżabilità biex ngħinuhom ikunu aktar indipendenti. 

Persuni b’diżabilità jingħataw għajnuna finanzjarja biex isiru xogħlijiet ta’ titjib fid-djar tagħhom skont il-ħtiġijiet tad-diżabilità li għandhom. Ix-xogħlijiet jistgħu jinkludu kamra tal-banju aċċessibli, xogħlijiet ta’ rranġar u tibdil biex il-persuna b’diżabilità tista’ tgħix aktar komda. Bejn l-2008 u 2011, l-Awtorità rċeviet mat-323 applikazzjoni u bbenefikaw mat-317 persuna b’diżabilità bi spiża ta’ €1,047,519.

Għajnuna oħra mmirata lejn persuni b’diżabilità tingħata fil-blokki tal-Gvern fejn l-Awtorità tad-Djar tinstalla lifts fi blokok jew entraturi fejn hemm jgħixu persuni b’diżabilità jew nies u anzjani bi problemi ta’ mobilità.

Barra minn hekk meta tibni postijiet ġodda l-Awtorità tinstalla lifts biex issaħħaħ l-aċċessibilità tal-familji li jiġu allokati post. Bejn l-2008 u issa l-Awtorità nstallat mat-48 lift filwaqt li nħareġ it-tender għal 4 lifts oħra u hemm pjan li jiġu preparati t-tenders għal 12-il lift oħra.

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità għandha rwol ċentrali fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Permezz tat-Taqsima Ħajja Indipendenti li tinsab Ħal Far, il-KNPD tipprovdi servizzi ta’ pariri, informazzjoni u taħriġ lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’aspetti ta’ għixien indipendenti, b’mod speċjali l-mobilità u apparat assistiv. Dawn is-servizzi huma strument importanti li bihom il-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex jaslu għal aktar inklużjoni fis-setturi tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ħajja soċjali.

Fost l-għodda ta’ pariri, persuni b’diżabilità jistgħu jagħmlu użu minn servizzi ta’ helpline u assessjar u pariri dwar Wheelchairs u Seating Systems fejn jingħataw pariri dwar x’tip ta’ wheelchair għandhom jixtru. Isir ukoll assessjar u taħriġ dwar sewqan b’vetturi adattati. Persuni b’diżabilità li jixtiequ jsuqu jista’ jsirilhom driving assessment f’dan iċ-Ċentru. Persuni b’diżabilità li jistgħu jsuqu jistgħu jingħataw lezzjonijiet ta’ sewqan fuq karozzi modifikati minn persuni kwalifikati li rċevew taħriġ f’dan il-qasam.

Persuni b’diżabilità jistgħu jibbenefikaw ukoll minn assessjar u pariri dwar apparat li jintuża’ biex jgħinhom fl-attivitajiet tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum.

Bħalissa l-Kummissjoni qed tiffinalizza rapport dwar Supported Independent Living. Dan hu settur li għandu bżonn ħafna servizzi differenti u għalhekk il-Gvern jifhem il-bżonn ta’ investiment biex isiru l-iżviluppi kollha li hemm bżonn.  Għal dan l-iskop fil-Baġit il-Gvern alloka s-somma ta’ €2 miljun fuq perjodu ta’ ħames snin bis-somma għas-sena 2012 tkun ta’ €400,000.

Ix-xibka ta’ servizzi soċjali taħseb biex twieżen b’mod xieraq lil persuni b’diżabilità.

Bħalissa meta persuna b’diżabilità tkun trid tirreġistra mal-ETC għal xogħol, tapplika għal pensjoni tad-diżabilità jew tapplika biex tingħata l-karta tal-identità speċjali mill-KNPD,  trid tgħaddi minn tliet bordijiet u assessjar differenti skont l-entità rispettiva. Dan joħloq inkonvenjent għal dawn il-persuni.

Għaldaqstant, bħalissa l-Ministeru flimkien mal-entitajiet qed jiddiskutu u jistudjaw il-possibilità sabiex persuni b’diżabilità jiġu assessjati minn bord wieħed sabiex jibbenefikaw mis-servizzi kollha li jkunu ntitolati għalihom.

Dan l-assessjar ser jibda jsir minn tim ta’ professjonisti li flimkien se jkunu jistgħu jikkonfermaw li l-persuna għandha diżabilità u l-livell tad-diżabilità u għalhekk liema servizzi ta’ għajnuna jistgħu jibbenefikaw minnhom. Dan it-tim ser jassisti wkoll sabiex jindika lill-ETC liema xogħol tkun tista’ tagħmel il-persuna b’diżabilità.

Għal dawk li huma pensjonijiet tad-diżabilità, fil-Baġit tħabbar li mis-sena d-dieħla se nkomplu ngħinu lil persuni b’diżabilità filwaqt li nkomplu ninkoraġġuhom biex jgħixu ħajja indipendenti u tal-ogħla kwalità.

Dawk li jirċievu pensjoni tad-diżabilità severa, se jkunu jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom. Ovvjament, dan m’għandux iservi ta’ inċentiv biex persuni b’diżabilità ma jidħlux id-dinja tax-xogħol.  Nemmnu li l-pensjoni għandha tkompli tgħin biex tagħmel tajjeb għal ftit mill-ispejjeż li huma marbutin mal-bżonnijiet tad-diżabilità.

Barra minn hekk, fejn f’dawn l-aħħar ħames snin persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità severa li tiżżewweġ kienet tibqa’ tirċievi l-pensjoni matul l-ewwel ħames snin taż-żwieġ, issa se nneħħu dan il-limitu ta’ żmien biex persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità severa li tiżżewweġ qatt m’hi ser titlef dan il-benefiċċju u tibqa’ tibbenefika mil-pensjoni tad-diżabilità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow