IMNEDIJA L-ATTIVITAJIET GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA ORGANIZZATI MILL-KUNSILLI LOKALI
Permezz tal-Iskema Inizjattivi u Attivitajiet 2012, matul ix-xahar ta’ Diċembru, il-Gvern se jkun qed jgħin tmien Kunsilli Lokali jorganizzaw daqstant attivitajiet marbuta mal-Festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. L-attivitajiet kollha, ħamsa f’Malta u tlieta f’Għawdex, issa huma stabbiliti fil-kalendarju tal-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali għal Diċembru u kollha jattiraw eluf ta’ nies.
Id-dettalji dwar l-attivitajiet kollha ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u li għaliha kienu preżenti s-Sindki u rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali involuti jiġifieri n-Naxxar, in-Nadur, Għajnsielem, Paola, il-Mellieħa, Victoria, il-Belt Valletta u l-Floriana.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’dawn l-aħħar snin il-Kunsilli Lokali rnexxielhom jorganizzaw numru kbir ta’ attivitajiet li permezz tagħhom attiraw eluf ta’ Maltin u turisti. Il-Gvern għen 137 attività ta’ dan it-tip, li minbarra li huma intiżi biex jippromwovu l-identitajiet tal-lokalitajiet rispettivi, jiġġeneraw il-kummerċ u minnhom igawdu n-negozji.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said saħaq fuq l-importanza li l-Kunsilli Lokali jinvolvu lill-komunità kummerċjali, lill-NGOs u lil għaqdiet oħra fil-komunitajiet tagħhom sabiex dawn l-attivitajiet ikunu verament suċċess.
Hu nnota kif fil-proposti għall-attivitajiet għal żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena kif sottomessi mill-Kunsilli Lokali nfushom, dan il-punt ingħata importanza liema bħalha. Minbarra d-divertiment u l-ispettaklu, se ssir enfasi fuq l-ikel tal-Milied u tradizzjonijiet oħra fosthom il-purċissjoni tal-bambin, il-presepju, u l-parteċipazzjoni ta’ korijiet, bands u baned lokali.
L-attivitajiet jinkludu attivitajiet ta’ lejla waħda u oħrajn mifruxa fuq perjodu ta’ ġimgħa u aktar. L-aktar attività twila hi Bethlehem f’Għajnsielem li se ddum kważi xahar, se tinvolvi madwar 150 attur u li se titlob il-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku. Il-qofol jintlaħaq bi tliet attivitajiet kbar għall-massa li se jsiru lejliet l-ewwel tas-sena fil-Belt Victoria, fil-Belt Valletta u fil-Floriana.
Il-programm kollu tal-attivitajiet hu dan:
| 2 ta’ Diċembru sal-4 ta’ Diċembru | In-Nadur Nadur Christmas Market |
| 4 ta’ Diċembru | In-Naxxar Naxxar Christmas Fest |
| 11 ta’ Diċembru sat-8 ta’ Jannar | Għajnsielem Bethlehem f’Għajnsielem |
| 17 ta’ Diċembru | Paola Milied f’Casal Paola |
| 17 ta’ Diċembru sal-24 ta’ Diċembru | Il-Mellieħa Milied Mellieħi |
| 23 ta’ Diċembru/31 ta’ Diċembru | Victoria Chorus Urbanus/ |
New Year in the City
| 31 ta’ Diċembru | Il-Belt Valletta Valletta NYE 2011 |
| 31 ta’ Diċembru | Il-Floriana Malta New Year’s Eve |
Celebration
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en