BUDGET LI JAGĦTI SPINTA LIR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI BĦALA SORS TA’ ĦOLQIEN TA’ ATTIVITÀ EKONOMIKA U L-IMPJIEGI
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma għodda importanti biex pajjiżna jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu, jiġġenera aktar attività ekonomika u joħloq aktar impjiegi. Dan huwa rikonoxxut fil-Baġit għall-2012 b’żieda sostanzjali fil-finanzjament ta’ fondi u proġetti marbuta ma’ dan is-settur. Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt żjara għand il-kumpanija Melitech, fiż-żona industrijali ta’ Kordin.
Is-sena li għaddiet Melitech investiet fi premises u makkinarju ġodda, anke bl-għajnuna tal-Malta Enterprise. Il-kumpanija fi ħsiebha tkompli tespandi l-operat tagħha u timpjega mill-anqas 2 inġiniera kull sena fil-ħames snin li ġejjin. Dan ifisser aktar investiment fit-taħriġ, fis-software u fit-tagħmir.
Tonio Fenech fakkar kif dan il-Baġit, li jagħti importanza kbira lill-ġenerazzjoni ta’ aktar attività ekonomika, biex nilqgħu għall-isfidi internazzjonali kbar li għad hemm, iddedika riżorsi importanti għar-ricerka u l-innovazzjoni. Huwa fakkar li nbeda x-xogħol fuq il-BioMalta Campus: park industrijali b’investiment ta’ 30 miljun ewro, kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, li se jipprovdi l-infrastruttura neċessarja għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali lill- industrija tal-farmaċewtika u xjenzi relatati mal-ħajja.
Tonio Fenech tkellem ukoll dwar l-iskema 20millionforindustry, ko-finanzjata mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, li ġiet estiża wara s-suċċess tal-ewwel sejħiet. Fl-ewwel tliet sejħiet 90 intrapriża ħadu bejniethom aktar minn 8 miljun ewro u investew aktar minn 17-il miljun fi proġetti marbuta mal-Innovazzjoni jew mar-Riċerka u l-Iżvilupp. Filfatt,matul is-sena d-dieħla mistennija tkun imnedija r-raba’ sejħa ta’ din l-iskema.
Se ssir Kampanja t’għarfien dwar l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku b’investiment ta’kwart ta’ miljun ewro filwaqt li żdied wkoll l-vot tar-riċerka tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għal 1.6 miljun ewro.
Barra minn dan qed jinħoloq Fond ġdid biex ngħinu fl-internalizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Ġew ivvutati wkoll fondi sabiex ngħinu lir-riċerkaturi tagħna jipparteċipaw fl-FP7 Programme ta’ l-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en