IL-MALTIN IĦARSU LEJN IT-TURKIJA BĦALA SUQ ĠDID TA’ NEGOZJU
Il-Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Istanbul ħadem sabiex jagħmel lil Malta viżibbli f’Istanbul, l-akbar Belt Torka u ċ-Ċentru Finanzjarju tal-pajjiż.
Dan sar permezz ta’ intervisti li ngħataw u qegħdin jingħataw biex jiġu promossi l-gżejjer Maltin. Il-Konslu Ġenerali jattendi regolarment laqgħat tal-Konsli Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, laqgħat Konsulari, laqgħat ta’ ko-operazzjoni taż-Żona Schengen, Ċerimonji Uffiċjali u Riċevimenti Uffiċjali.
Il-Konsulat Ġenerali jżomm kuntatt regolari ma’ ċittadini Maltin li jgħixu ġewwa t-Turkija kif ukoll ma’ ċittadini Maltin li jżuru t-Turkija. Il-Konsulat jassisti delegazzjonijiet uffiċjali u ta’ negozju meta dawn iżuru l-pajjiż. Delegazzjonijiet tal-linja tal-Ajru Nazzjonali, l-Air Malta, ġew milqugħa regolarment mill-Konsulat Ġenerali. L-istess sar ma’ delegazzjonijiet oħrajn Maltin ta’ negozju. Il-Konsulat Ġenerali provda ukoll assistenza lil negozji Maltin li wrew interess li jimpurtaw jew jesportaw mit-Turkija.
Il-Konsulat Ġenerali kien attiv fl-oqsma tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Il-Konsulat Ġenerali laqa’ delegazzjoni ta’ ħames studenti Maltin li żaru Istanbul biex jipparteċipaw f’Konferenza bit-tema Parlament Ewropew Mudell. Fil-bidu tal-2011, fuq inizjattiva tal-Konsulat Ġenerali ġie stabbilit kuntatt bejn id-Direttorat tal-Arti Drammatika ta’ Istanbul Kapitali tal-Kultura 2010 u t-Tmexxija tal-Kumitat Inter Minsiterjali responsabbli għal Malta 2018. Dan irriżulta fi spettaklu ta’ żfin f’żewġ atti fuq il-ħajja tal-leġġendarju Ammirall Ottoman Barbarossa fl-edizzjoni tal-Malta Arts Festival liema edizzjoni ttellgħat f’Lulju 2011 fil-Ġonna tal-Argotti.
Fir-rigward tal-industrija tat-tagħlim tal-Ingliż ġewwa Malta, il-Konsulat Ġenerali ħa l-inizjattiva li jikkordina żjara ta’ familjarizzazzjoni għal numru ta’ membri tal-UED (l-Assoċjazzjoni Torka ta’ Konsulenti Edukattivi) biex iżuru Malta. Din l-inizjattiva saret b’kollaborazzjoni mal-MTA (L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu) u l-FELTOM (Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta). Il-Konsulat regolarment laqgħa membri tal-UED sabiex jissaħħaħ aktar il-profil ta’ Malta bħala destinazzjoni edukattiva u ta’ tagħlim lingwistiku.
Sa minn meta twaqqaf il-Konsulat Ġenerali f’Marzu 2009, il-Konsulat kien strumentali biex żdied n-numru ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadini Torok għal viżi li jżuru Malta fuq btala jew negozju. F’ dawn l-aħħar tnax–il xahar, in-numru ta’ applikazzjonijiet ħa qabża l-fuq u huwa mistenni li jkun hemm aktar żieda. Il-Konsulat Ġenerali serva u qiegħed iservi ta’ ħolqa għall-industrija marittima ta’ bejn Malta u t-Turkija. Dan qed ikompli jsaħħaħ il-preżenza ta’ Malta ġewwa dan il-pajjiż kbir li għandu numru konsiderevoli ta’ vapuri reġistrati f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en