Left arrow Go Back

€5 MILJUN F’GĦAJNUNA LILL-GĦAQDIET VOLONTARJI

pr2222
Date Icon 17/11/2011

Matul is-sena li ġejja l-Gvern se jkompli jgħin lill-għaqdiet volontarji billi jgħaddilhom €2.9 miljun minn fond apposta u €2 miljun oħra f’għajnuniet permezz ta’ ftehimiet apposta li jsiru magħhom biex jagħtu servizzi speċifiċi. B’hekk jgħinhom biex ikomplu bil-ħidma utli tagħhom b’risq il-pajjiż u b’mod partikolari b’risq persuni vulnerabbli.

Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Dolores Cristina, waqt żjara li għamlet f’hostel li fetħet il-Fondazzjoni Richmond f’Raħal Ġdid li fih qed jgħixu flimkien numru ta’ persuni bi problemi mentali.

Qed noqorbu lejn tmiem is-sena li kienet dedikata lill-Volontarjat. Fix-xhur li għaddew kienu organizzati numru ta’ attivitajiet biex jippromwovu u jsaħħu l-volontarjat li f’pajjiżna diġà kellu egħruq sodi ħafna u naħseb li din il-ħidma ssarfet billi aktar persuni, partikolarment żgħażagħ, iddeċidew li jiddedikaw parti mill-ħin u l-enerġija tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.

Il-Gvern jibqa’ impenjat li jgħin li dan is-settur importanti tas-soċjetà fejn mijiet ta’ għaqdiet u eluf ta’ voluntiera jagħtu servizz dedikat fil-komunità, fl-oqsma soċjali, ambjentali, edukattivi, sportivi, kulturali u għadd ta’ oqsma oħra fejn l-Istat waħdu ma jasalx.

Fil-fatt, kien dan il-Gvern li fl-1994 waqqaf Fond apposta biex jgħin lill-Għaqdiet Mhux Governattivi fil-ħidma tagħhom. Minn dakinhar ‘l hawn qassamna aktar minn €26 miljun lil dawn l-għaqdiet, bl-aħħar għotjiet jingħataw ftit tax-xhur ilu.

Għas-sena d-dieħla se nkomplu ninvestu f’dan il-Fond u qed nipprovdu kważi €3 miljun biex inqassmu fost l-għaqdiet volontarji.

Lill-għaqdiet volontarji, il-Gvern ma jgħinhomx biss permezz ta’ dan il-Fond.  Hemm għajnuna oħra, taħt diversi forom, li jistgħu jibbenefikaw minnha. Biżżejjed insemmi l-Benefiċċju tal-Enerġija, postijiet b’kera ssussidjat mid-Dipartiment tad-Djar, kiri ta’ sodod mingħand organizazzjonijiet li joffru servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità u forom oħra ta’ għajnuna.

Biex inkomplu nsaħħu dan is-settur, ħames snin ilu għamilna Liġi apposta dwar l-Organizazzjonijiet Volontarji li permezz tagħha twaqqfu żewġ korpi biex flimkien jassiguraw aktar koordinament, professjonaliżmu u trasparenza fil-ħidma volontarja. Għamilna l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji u l-Kunsill tal-Għaqdiet Volontarji.

Bħal kull liġi oħra, wara ħames snin li ilha titħaddem, wasal iż-żmien biex neżaminaw ir-riżultati li tatna l-Liġi dwar il-Volontarjat u nagħmlu t-tibdil li hemm bżonn biex dan il-qasam jaħdem aħjar.  Dalwaqt  inkunu nistgħu nressqu xi emendi għal din il-liġi wara  li għamilna konsultazzjonijiet ma’ dawk konċernati. Dawn l-emendi huma maħsuba biex jiddefinixxu aħjar ir-relazzjoni bejn il-Kummissarju u l-Kunsill, il-funzjonijiet tal-Kummissarju u r-reġistrazzjoni mill-għaqdiet volontarji.

Il-lum qed inżuru din id-dar, immexxija mill-Fondazzjoni Richmond, organizzazzjoni volontarja li taħdem ma’ dawk bi problemi mentali. Hi organizzazzjoni li qed tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies li tgħinhom jintegraw lura fil-komunità wara li jkunu ngħataw il-kura għall-problemi tagħhom.

F’dawn l-aħħar ħames snin ir-Richmond Foundation ibbenefikat b’aktar minn €1 miljun mill-Fond tal-Għaqdiet Volontarji barra minn għajnuna oħra fosthom il-Benefiċċju tal-Enerġija għall-postijiet li taħdem minnhom.

Il-voluntiera jistgħu jagħtu servizz imprezzabbli lil persuni bi problemi ta’ kundizzjonijiet mentali.   Skont l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, wieħed minn kull erba’ persuni jgħaddi minn xi forma ta’ problemi mentali, almenu darba tul ħajjithom. Għalhekk hu importanti li jkollna qafas li jiffaċilita l-involviment tal-voluntiera f’dan il-qasam importanti.

Il-Ministru ħadet l-okkażżjoni biex tirringrazzja mhux biss it-tmexxija tar-Richmond Foundation u ta’ Villa Chelsea u lill-voluntiera li jgħinuhom, iżda wkoll lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jagħmlu xogħol volontarju f’kull qasam tas-soċjetà. Il-kontribut tagħhom ma jistax jitkejjel iżda hu apprezzat ħafna minn kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

More Press Releases Right arrow