STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT BI TWEĠIBA GĦALL-KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET TAL-OPPOŻIZZJONI DWAR L-EKONOMIJA U L-FINANZI
Politika ekonomika għaqlija u serja li ġabet ir-riżultati u li qed tissarraf fi tnaqqis tal-income tax għall-ġenituri
Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni hi riflessjoni tal-paniku tagħha u d-disprezz tagħha għar-riżultati ekonomiċi u finanzjarji pozittivi li qed jikseb pajjiżna. Fl-aħħar sentejn, inħolqu aktar minn 12,000 impjieg, l-ekonomija kibret, żdiedet l-esportazzjoni u tkattar l-investiment. Għall-kuntrarju l-Oppożizzjoni ssuġġeriet li nimxu fuq toroq ta’ pajjiżi li llum qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja diżastruża.
Il-mira tal-Gvern fl-aħħar 5 snin kienet dejjem iffukata fuq is-sostenibbiltà finanzjarja u l-ħolqien tax-xoghol. Fl-2009 il-Gvern għazel li jintervjeni u jsalva 5000 post tax-xogħol minkejja li dan kien ifisser żieda fl-iżbilanc. Il-Gvern intervjena direttament mal-fabbriki, żied il-baġits tal-MTA biex nattiraw aktar turisti u żdiedu l-inċentivi għas-sidien tan-negozju biex ikun żgurat li n-negozju lokali jkun sors ta’ ħolqien ta’ ġid u xogħol. Kien dan li wassal biex aktar minn 5,000 post tax-xogħol ġew salvati, li t-tkabbir ekonomiku jiżboq il-medja tal-Unjoni Ewropea u l-qgħad huwa l-ħames lanqas fl-istess UE.
L-Oppożizzjoni jidher li għadha ma tistax tifhem kif taħdem l-ekonomija, kif il-Gvern irid ikun inċentiv u xprun tal-attività ekonomika f’mumenti ta’ kriżi, speċjalment f’pajjiż bħall-Malta li jiddependi ħafna aktar minn dak li qed jiġri madwaru. Wara li investa aktar minħabba l-kriżi, pajjiżna reġa’ qabad it-triq tas-sostenibbiltà finanzjarja, billi trażżnet in-nefqa pubblika u żdiedet l-effiċjenza, filwaqt li grazzi għall-attività ekonomika u l-postijiet tax-xogħol maħluqa, żdied id-dħul tal-Gvern. Dan wassal biex din is-sena d-defiċit jitniżżel taħt it-3%. Id-dejn ta’ pajjiżna huwa anqas mill-medja Ewropea iżda l-Gvern huwa kommess li dan jonqos. Dan hu rifless fil-Baġit għas-sena d-dieħla.
L-Oppożizzjoni għadha ma tistax tifhem kif jaħdmu fondi tal-Unjoni Ewropea. Biex il-fondi jintużaw kollha, iridu jiġu allokati fl-estimi finanzjarji mal-bidu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti. Ħafna proġetti ko-finanzjati mill-UE huma proġetti estensivi li jitlestew fis-snin li ġejjin. Malta għandha waħda mill-aqwa rati ta’ assorbiment ta’ fondi Ewropej fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan ikkonfermawh kemm-il darba Kummissarji Ewropej. L-Unjoni Ewropea ċċertifikat li Malta assorbiet il-fondi kollha allokati lilha fl-ewwel baġit mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2004 u 2006.
Il-fatt li l-Oppożizzjoni tipprova torbot in-nefqa rikurrenti ma’ dik kapitali hija turija ċara li l-Oppożizzjoni lanqas tagħrif kif jinħadem baġit.
Il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna tpoġġiet fuq sisien sodi grazzi għall-ħidma bil-għaqal u b’serjetà. Dan wassal biex il-Gvern, li se jkompli jaqta’ n-nefqa pubblika fejn din mhix essenzjali – filwaqt li jsostni l-ispiża kapitali, soċjali u fuq l-eduikazzjoni, seta’ jħaffef aktar il-piż tat-taxxi. Minn din ir-riforma fit-taxxa se jgawdu 55,000 persuna. Din hija t-tieni tnaqqis fl-income tax f’din il-leġislatura, wara li l-income tax tnaqqset ukoll fl-ewwel baġit.
L-Oppożizzjoni mimlija kontradizzjonijiet. Tliet ijiem qabel il-Baġit, il-kelliem Karmenu Vella waqt programm televiżiv qal li l-Gvern m’għandux inaqqas l-income tax. Illum, l-istess kelliem sostna li wegħda elettorali għandha titwettaq, ikun xi jkun il-każ, anke jekk dan imur kontra l-interessi tal-pajjiż.
Iżda l-fatt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tiċħad li hemm barra għaddejja kriżi ekonomika hija l-aqwa ċertifikat ta’ distakk totali mir-realtà. Forsi għalhekk, wieħed jifhem aktar in-nuqqas totali u assolut ta’ pożizzjoni jew xi forma ta’ policy ħlief li twiegħed kollox lil kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en