IL-MEPA TAPPROVA PROĠETT TA’ TISBIEĦ GĦALL-PJAZZA TAL-KATIDRAL TA’ GĦAWDEX
Illum, il-MEPA approvat il-ħames applikazzjoni magħmula mill-Ministeru għal Għawdex għar-restawr u rijabilitazzjoni taċ-Ċittadella ta’ Għawdex.
L-applikazzjoni approvata mill-MEPA tipprovdi għal-livellar u pavimentar tal-pjazza tal-Katidral biex tkun tista’ tintuża għal attivitajiet kemm kulturali kif ukoll reliġjużi. L-istess applikazzjoni tipprovdi għal rampa mal-ġenb tat-taraġ imponenti tal-Katidral biex titjieb l-aċċessibilità għal persuni bi bżonnijiet speċjali għal partijiet miċ-Ċittadella kif ukoll għall-Qorti ta’ Għawdex. L-applikazzjoni tipprovdi wkoll għall-għeluq bil-ħġieġ tal-mina miftuħa fis-snin ħamsin. Dan il-bieb ser ikun ta’ ħġieġ apposta li l-kulur tiegħu jixbaħ lill-ġebel tas-swar tal-madwar. B’hekk il-viżitaturi jista’ jkollhom esperjenza isbaħ u aktar ġenwina tal-istat oriġinali ta’ dan il-monument storiku. L-interventi kollha proposti saru wara konsultazzjoni twila mal-entitajiet involuti u saru b’mod li ma jxekklu b’ebda mod l-operat tal-Knisja Katidrali u fil-fatt il-purċissjonijiet u l-funzjonijiet kollha jistgħu jibqgħu jgħaddu minn dan il-bieb kif kienu qabel.
L-istess applikazzjoni tipprovdi għal-livellar ġdid u pavimentar tat-triq li twassal għall-pjazza biex tiġi evitata l-ħtieġa ta’ l-introduzzjoni ta’ aktar turgien minħabba l-livellar tal-pjazza.
Ftit tax-xhur ilu, il-MEPA approvat l-Outline Application għall-proġett tal-Masterplan taċ-Ċittadella flimkien ma’ full development applications għal bdil ta’ ġibjun qadim f’ċentru għall-viżitaturi, restawr tal-faċċati ta’ binjiet pubbliċi u xogħlijiet infrastrutturali taħt l-art tas-servizzi tad-dawl, ilma u drenaġġ.
Fil-ġranet li ġejjin, ritratti tal-proġett kif propost ser ikunu għall-wiri fiċ-Ċentru għall-Arti u l-Kultura taċ-Ċittadella.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en