Left arrow Mur Lura

IL-PUBBLIKU MISTIEDEN ISIR PARTI MILL-PRESEPJU F’BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM

pr2198
Date Icon 15/11/2011

It-thejjijiet għar-raba’ edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem digà jinsabu fl-aqwa tagħhom , tant li nhar il-Ħadd li ġej, tlitt ġimgħat qabel tiftaħ uffiċjalment, se ssir open day sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsegwi l-bini ta’ Bethlehem. L-open day se ssir nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru mill-11am sal-5pm. L-attività Bethlehem f’Għajnsielem qed tkun finanzjata mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem bl-għajnuna tal-Iskema għal Attivitajiet Kulturali offruta mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.

Id-dettalji ngħataw waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said għamel f’Għajnsielem fejn beda x-xogħol tal-armar għall-organizzazzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem.  Intqal li minbarra l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, din is-sena l-kmamar u ż-żoni fejn jaħdmu l-atturi se jkunu akbar u aktar spazjużi biex jilqgħu aktar nies fihom.

Din is-sena l-organizzaturi qed jistiednu lill-pubbliku jsir parti mill-presepju. Il-viżitaturi se jkollhom iċ-ċans iħaddmu bosta għodda antika u inġenji fosthom sienja tal-ilma. Għat-tieni sena konsekuttiva Bethlehem f’Ghajnsielem ser jerġa’ joffri wkoll l-esperjenza unika li permezz tagħha r-residenti tal-lukanda jkunu jistgħu jqattgħu lejl fi kmamar imħejjija apposta bil-veduta tal-presepju u b’hekk ikunu jistgħu jesperjenzaw il-lejl maġiku tal-Milied. Barra minn hekk qed issir stedina lil għaqdiet u NGOs minn madwar Malta u Għawdex sabiex jinvolvu ruħhom billi jressqu membri tagħhom sabiex jieħdu sehem bħala atturi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar attivitajiet u inizjattivi bħal Bethlehem f’Għajnsielem għaliex jgħinu biex jattiraw aktar viżitaturi Maltin u anki turisti barranin lejn Għawdex fix-xhur tax-Xitwa. Permezz ta’ Bethlehem f’Għajnsielem, din il-lokalità Għawdxija diġà saret sinonima ma’ attività tal-ogħla livell u unika li ssir fi żmien il-Milied u li tattira eluf ta’ viżitaturi.

Bħal fis-snin l-imgħoddija, familji se jkunu qed jirriproduċu u jgħixu b’mod realistiku l-ħajja ta’ elfejn sena ilu. Id-djar li għadhom qed jinbnew se jkunu qed iservu bħala r-residenzi ta’ dawn il-familji ta’ atturi. Il-presepju hu mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru fl-għelieqi.

Fil-jiem tal-Milied se jkun hemm bosta re-enactments tal-wasla ta’ Ġużeppi u Marija f’Bethlehem u fl-Epifanija fit-8 ta’ Jannar se jkun hemm ż-żjara tar-Re Maġi li ser jitilqu kmieni filgħodu mir-raħal tal-Mellieħa u jaslu fl-għar ta’ Bethlehem tard wara nofsinhar. Din is-sena Bethlehem f’Għajnsielem se jkun organizzat bejn il-11 ta’ Diċembru u t-8 ta’ Jannar. Ikun miftuħ kull nhar ta’ Sibt u Ħadd u fil-btajjel pubbliċi. Id-dħul hu b’xejn.

Aktar informazzjoni u ħinijiet tal-ftuħ jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku http://www.ghajnsielem.com/bethlehem

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ‘Call it what it is’: Imnedija l-kampanja nazzjonali għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika

PR262011

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets with new UĦM leadership

PR262010en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House meets w...

Aktar Stqarrijiet Right arrow