BINI TA’ ĠIBJUN TAL-ILMA FIL-MUNXAR IFFINANZJAT MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Munxar, fejn isiru diversi attivitajiet soċjali, kulturali, reliġjużi u sportivi jinsab għaddej xogħol fuq il-bini ta’ ġibjun tal-ilma li qed isir b’finanzjament ta’ madwar €43,600 mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-iskema ta’ eko-Għawdex għall-Għaqdiet Mhux Governattivi, marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010-2012. Dan il-finanzjament ikopri wkoll il-makkinarju meħtieġ biex dan l-ilma ikun jista’ jintuża għal skopijiet agrikoli kif ukoll fir-residenzi tal-lokalità.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono żaret is-sit fejn jinsab għaddej ix-xogħol fuq il-ġibjun li ser jaħżen sa madwar 400 metru kubu ta’ ilma tax-xita. Filwaqt li faħħret din l-inizjattiva, il-Ministru għal Għawdex saħqet dwar l-importanza ta’ ħażna akbar u l-konservazzjoni tal-ilma tax-xita f’Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li l-ilma huwa riżors ewlieni li qed jingħata prominenza fil-ħidma tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika. Żiedet tgħid li dan il-proġett huwa ħolqa oħra fil-katina ta’ proġetti li mistennija jżidu l-kapaċità li jinġabar ilma tax-xita b’mod sostanzjali. Hija sostniet li dawn il-proġetti ser iwasslu biex issir inqas pressjoni fuq il-water table. Il-Ministru Debono rreferiet għall-programm ta’ tindif ta’ widien mill-Ministeru Għawdex fejn ġew imnaddfa 8 ilqugħ tal-ilma li jinsabu f’widien madwar Għawdex. Hija qalet li dawn il-proġetti ta’ konservazzjoni tal-ilma ser ikunu jfissru ħażna ikbar tal-ilma tax-xita fix-xhur tax-xitwa, li jista’ jintuża għall-agrikoltura kif ukoll għall-użu domestiku.
L-Onor. Giovanna Debono qalet li permezz tal-istess skema, il-lokalità tal-Munxar ser tkun qed tibbenifika minn diversi proġetti oħra li jinkludu installazzjoni ta’ sistema ta’ elettriku li taħli inqas enerġija fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Munxar kif ukoll fil-grawnd, u installazzjoni ta’ pannelli ta’ informazzjoni fit-Torri tax-Xlendi.
Bħalissa f’Għawdex jinsabu għaddejjin proġetti oħra relatati mal-ħażna tal-ilma li jinkludu l-bini ta’ 8 ġibjuni minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u Kunsilli Lokali Għawdxin permezz taż-żewġ skemi ta’ eko-Għawdex; ir-restawr ta’ ġibjuni fi proprjetajiet tal-gvern u l-bini ta’ ġibjuni ġodda f’għadd ta’ proġetti f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en