IL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX JIFFINANZJA PUBBLIKAZZJONI TAS-SOĊJETÀ FILATELIKA GĦAWDXIJA
Bħala parti mill-iskema ta’ eko-Għawdex b’risq l-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jiffinanzja l-Isle of Joy, pubblikazzjoni ta’ 64 paġna bil-kulur li tinkludi ritratti u informazzjoni dwar siti Għawdxin li ntużaw fuq il-bolol kollha ta’ Malta mill-bidu tas-seklu l-ieħor. Dan permezz ta’ għotja ta’ madwar €1,650 mill-iskema li hi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ta’ eko-Għawdex 2010-2012.
Din il-pubblikazzjoni tqassmet lill-membri tas-Soċjetà waqt l-inawgurazzjoni tal-Wirja Annwali tal-Filatelija li ta’ kull sena tiġi organizzata mis-Soċjetà Filatelika Għawdxija u tinżamm fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex f’Victoria. Il-pubblikazzjoni li hija bl-Ingliż, fiha 20 kapitlu u tinkludi wkoll sezzjoni ta’ ritratti u informazzjoni dwar kull lokalità f’Għawdex. Permezz tal-Isle of Joy, Għawdex ser ikun promoss b’mod indirett hekk kif il-filatelija ta’ Malta hija mfittxija ħafna mill-barranin.
Fil-messaġġ tagħha fl-istess pubblikazzjoni, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, faħħret lis-Soċjetà Filatelika Għawdxija għal din l-inizjattiva kif ukoll għal ħidma tagħha matul is-snin fil-promozzjoni ta’ dan il-passatemp fost il-membri tas-soċjetà u l-poplu Għawdxi. Hija wriet ukoll rikonoxximent għal fatt li membri tas-Soċjetà jżuru l-iskejjel f’Għawdex u jkellmu lill-istudenti bil-għan li jippromwovu l-filatelija. Irreferiet ukoll għall-pubblikazzjoni li din is-soċjetà tippubblika kull tliet xhur u l-organizzazzjoni ta’ wirja annwali.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, is-Soċjetà mhux ser tkun qed tippromwovi l-passatemp tal-filatelija biss, iżda ser tkun qed tippromwovi l-gżira żgħira ta’ Għawdex. Żiedet tgħid li dan il-ktieb ser jintlaqa’ mhux biss mill-entużjasti tal-filatelija, iżda wkoll minn dawk li għandhom għal qalbhom il-gżira Għawdxija.
Il-Wirja Annwali tal-Filatelija organizzata minn din is-Soċjetà ser tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt li ġej, 19 ta’ Novembru bejn it-8.30 a.m. sal-4.30 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u s-Sibt mid-9 a.m. sa nofsinhar.
Other Press Releases:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en