IL-VOLONTARJAT IS-SINSLA TAS-SOCJETA
“Il-volontarjat għandu post importanti fis-soċjeta tal-lum għax permezz tiegħu inkejlu kemm hija għanja soċjeta u kemm hi b’saħħitha il-fibra tagħha.” Dan qalu L-Onor Jason Azzopardi, Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, illum waqt li kien qed jiftaħ konferenza organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa dwar il-volontarjat miż-żgħażagħ u l-anzjani.
Jason Azzopardi qal li xi kull tant niħdu l-impressjoni, li fid-dinja li ngħixu, ftit baqa’ spazju għall-volontarjat, u għal attivitajiet li m’humiex meqjusa bħala renditivi fis-sens finanzjarju jew tradizzjonali. Il-volontarjat għandu post importanti fil-ħajjiet tagħna illum – anzi għandu post importanti iżjed minn qatt qabel.
L-iżvilupp ta’ pajjiż jitkejjel mill-iżvilupp ekonomiku, u dan huwa xieraq għax minn dan wieħed isir jaf kemm hemm xogħol, u xi stil ta’ ħajja jgħixu ċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Iżda dan ma jistax jinfired mill-iżvilupp soċjali tal-pajjiż, li hija l-faċċata l-oħra tal-istess munita. Ma jeżistix żvilupp ekonomiku jekk m’hemmx żvilupp socjali.
Ċentrali fl-iżvilupp soċjali ta’ kull pajjiż hemm il-volontarjat. Pajjiżna huwa mżejjen b’attivita volontarja mill-isbaħ u mill-iktar attiva. Jason Azzopardi irrefera għal attivita ta’ volontarjat li qed tittella’ bħalissa minn grupp ta’ żgħażagħ fil-Gudja li għandha l-għan li tħeġġeġ u ssellem il-volontarjat f’pajjiżna. L-attivita innifisha qed tittella’ volontarjament minn dan il-grupp ta’ żgħażagħ, u bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 40 għaqda ta’ żgħażagħ mill-pajjiż.
Jason Azzopardi irrimarka kif spiss fis-soċjeta tagħna, speċjalment it-tfal, ikollhom kull tip ta’ ġugarell, jew kumdita, iżda ma jkollhomx il-ferħ ġewwieni. Dan jikkuntrasta ferm ma’ każi ta’ faqar estrem, fejn persuni jkunu jbatu minn kundizzjonijiet, u jgħixu f’miżerja totali, madanakollu, jgħixu sereni.
Għalhekk il-volontarjat jaf isir tieqa fuq stil ta’ ħajja differenti, u fuq ferħ ġewwieni ġenwin.
Ix-xogħol jagħtina l-identita soċjali tagħna, iżda x’aktarx li l-volontarjat, jew dik l-attivita li nagħmlu volontarjament tagħtina l-ikbar sodisfazzjon. F’pajjiżna għandna x-xorti u l-barka li l-volontarjat huwa b’saħħtu, u għandu lok importanti fil-fibra soċjali tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en