PASS IEĦOR LEJN BIDLA GĦALL-AĦJAR TAL-PITKALIJA – IFFIRMAT FTEHIM BIEX JINBEDA PROĠETT PILOTA
Dalgħodu twettaq pass konkret ieħor lejn bidla għall-aħjar tal-Pitkalija meta kien iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u l-Farmers Central Cooperative Socitey (FCCS) dwar proġett pilota biex tibda sseħħ bidla għal-aħjar fil-Pitkalija.
Il-proġett pilota li ntlaħaq ftehim fuqu llum għandu jdum 6 xhur biex wieħed jara u janalizza kif il-bidliet proposti se jkunu qed jiġu implimentati. Dan għandu jwassal biex eventwalment tkompli ssir ir-riforma tant meħtieġa u importanti tal-Pitkalija. L-FCCS qed taqbel li hemm bżonn ir-riforma tal-Pitkalija u taqbel mal-prinċipji ta’din ir-riforma;
Il-Ministru Pullicino li attenda għal dan l-iffirmar saħaq li din hija riforma msejsa fuq tliet prinċipji:
- li l-bidwi jikseb valur xieraq u adattat għall-prodott tiegħu li jkun marbut ma’ grading;
- li l-bidwi jkun jaf x’qed isir mill-prodott tiegħu; u
- li r-rwol tal-pitkal ikun dak ta’ sensar;
il-ftehim varat illum jisħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ għal bdiewa biex:
- jitwettaq il-pjan ta’ uċuħ tar-raba, u
- l-bdiewa jibdew jisseparaw l-prodotti tagħhom fi gradi, liema metodi ta' gradazzjoni jinkludu fost oħrajn il-kwalità u d-dehra tal-prodott
Matul il-perijodu ta’ dan il-proġett pilota għandha tinħoloq sistema ta' traċċabilità li biha l-proċess kollu mir-razzett sa fuq il-mejda tal-ikel ikun jista’ jiġi segwit b'mod ċar fl-istadji kollha. Għandha tiġi introdotta sistema ta' kannestri/kaxxi ġodda; li għandhom jiġu utilizzati mill-bdiewa għall-prodotti tagħhom. Madankollu, il-ftehim jgħid li d-dettalji dwar din is-sistema ta' kaxxi ġodda għad iridu jiġu diskussi f'aktar dettall u addattati matul il-kors tal-proġett pilota.
Il-Ministru Pullicino għalaq billi qal li t-triq li nbniet illum qed issir biex ikollna kuntest ta’ aktar sigurta’ tal-ikel bit-tisħiħ ta’ traċċabilita’, prodott frisk u aħjar bi prezz xieraq u dan għall-benefiċċju tal-konsumaturi li se jkollhom aktar raġunijiet għalfejn jibqgħu jagħżlu l-prodott frisk lokali.
Ix-xogħol infrastrutturali, ristrutturar u s-sistema tal-IT biex issir ir-riforma fil-Pitkalija hu stmat li se jiġi jiswa madwar €6 miljun.
Stqarrijiet Oħra:
PR262011
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262010en